L-unika triq legali li tista’ tintuża meta l-istat jonqos milli jipprovdi aċċess adegwat għall-ġustizzja hija li jsir rikors għal ksur tad-drittijiet umani. F’dan ir-rigward għandha tingħata attenzjoni lis-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Appell Kostituzzjonali, fejn il-Qorti saħqet illi l-istat għandu l-obbligu jissalvagwardja id-dritt tal-ħajja tal-bniedem u li ma jkunx soġġett għall-vjolenza domestika[1]. Il-Qorti iddikjarat f’dan il-każ illi l-mara ma kellhiex rimedju effettiv. Dan ir-raġjunar jista’ jiġi estiż possibilment għall-kamp ambjentali permezz ta’interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ħajja u d-dritt tat-tgawdija tal-proprjeta u ħajja tal-familja.
Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ sanzjonijiet fejn jidħlu non osservanza ta’sentenzi u ordnijiet tal-Qrati, hemm l-Art 997 tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (kap 12). Dan jiddikjara li azzjoni jew omissjoni li tammonta għal disprezz lejn l-awtorita’ tal-Qorti, wieħed jista’ jeħel sa xahar ħabs u multa minn (232.94 ewro) sa mhux aktar minn (2,329.37 ewro) jew it-tnejn.
[1] https://timesofmalta.com/articles/view/state-found-guilty-of-failing-to-protect-woman-from-abuse.783923