Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?
Il-proċess jintemm b’deċiżjoni tal-qorti (sentenza) li tapplika waħda minn dawn il-miżuri lill-imputat: kundanna, liberazzjoni, deroga ta’ sentenza, posponiment ta’ sentenza jew terminazzjoni ta’ proċedimenti kriminali. Id-deċiżjoni titħabbar matul seduta pubblika tal-qorti. Jekk int ħadt sehem fil-proċess bħala vittma u/jew parti ċivili, tirċievi kopja tad-deċiżjoni tal-qorti bil-posta.
Jekk ma tkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-qorti, tista’ tippreżenta appell minnha. Tista’ tippreżenta appell biss jekk int tkun ħadt sehem fil-proċess bħala vittma jew parti ċivili.
Int tista’ tappella wkoll bħala xhud, iżda biss b’rabta mar-rimborż tal-ispejjeż legali u tal-indennizzi li int intitolat(a) għalihom.
Jekk int vittma jew parti ċivili, l-iskadenza għall-preżentata tal-appell hi 10 ijiem wara li tirċievi kopja tal-minuti tad-deċiżjoni.
Jekk aġixxejt bħala xhud, int tista’ tippreżenta appell eżatt wara li tittieħed deċiżjoni dwar l-ispejjeż legali u l-indennizzi, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem mis-sentenza li ddeċidiet il-każ jew min-notifika tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż legali jew l-indennizzi, kif applikabbli.
L-appell irid isir bil-miktub u jkun iffirmat. L-appelli jiġu ppreżentati lill-istess qorti li int qed tappella kontra d-deċiżjoni tagħha.
Wara li tirċievi l-appell, il-qorti tgħaddih lill-qorti superjuri kompetenti biex tisimgħu. Il-kopja tad-deċiżjoni tal-qorti tinkludi informazzjoni dwar meta u fejn tista’ tippreżenta l-appell tiegħek.
X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tinqata' s-sentenza?
Is-sentenza tidħol fis-seħħ wara li jiġu eżawriti l-opportunitajiet kollha għall-appell. Wara li s-sentenza tidħol fis-seħħ, ir-rwol tiegħek fil-proċedimenti jasal fi tmiemu. Jekk tpoġġejt taħt programm speċjali ta’ protezzjoni tax-xhieda matul il-proċedimenti, int tista’ tkompli tibbenefika minnu sakemm il-qorti tiddeċiedi li m’għadekx fil-periklu.
Inkun intitolat(a) għal appoġġ jew għal protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?
Xi miżuri ta’ appoġġ jingħataw matul il-proċess jew għal perjodu ta’ żmien fiss, filwaqt li oħrajn jingħataw abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittma.
Tingħata assistenza legali bla ħlas għall-vittmi tal-kriminalità għat-tul kollu tal-proċess.
Jekk inti vittma tat-traffikar tal-bnedmin, tista’ tibbenefika minn perjodu ta’ rkupru u riflessjoni ta’ mhux aktar minn 90 jum, li matulu għandek id-dritt għal konsulenza psikoloġika, assistenza medika u soċjali, mediċina, ikel u, fuq talba, akkomodazzjoni f’ċentri protetti jew djar sikuri u tiġi infurmat dwar il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi applikabbli.
Jekk inti barrani(ja) u jkun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li kont vittma ta’ traffikar tal-bnedmin, int ukoll tibbenefika minn perjodu ta’ rkupru u riflessjoni sa 90 jum, li matulu tingħata, fuq talba tal-korp ġudizzjarju, permess biex tibqa’ fit-territorju tar-Rumanija u tista’ tkun akkomodat(a) f’faċilitajiet apposta. Tista’ wkoll tingħata permess temporanju biex tgħix fit-territorju Rumen matul jew wara l-perjodu ta' rkupru.
Fil-każ ta’ vittmi ta' vjolenza domestika, l-ordni ta’ protezzjoni tinħareġ għal tul massimu ta' 6 xhur. Aktar dettalji dwar id-dritt għall-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika jistgħu jinstabu hawnhekk.
Fil-każ ta’ xhud inkluż fi programm tal-protezzjoni tax-xhieda, il-miżura ta’ protezzjoni tista’ tkompli wkoll wara li tintemm il-kawża, iżda meta din tispiċċa l-iskema tiġi riveduta sabiex tiġi adattata għas-sitwazzjoni l-ġdida. It-terminu tat-tali protezzjoni jiġi deċiż mill-qorti.
X’informazzjoni ningħata jekk it-trażgressur jiġi kkundannat?
Jekk it-trażgressur jiġi kkundannat, inti jista’ jkollok aċċess għal dawn il-kategoriji ta’ informazzjoni: it-tip u t-tul tal-piena (is-sentenza tingħata f’seduta ta’ smigħ pubbliku u mbagħad titwassal lilek), informazzjoni f’każ ta’ ħarba, rilaxx fuq kwalunkwe terminu, dment li tkun tlabt tali informazzjoni.
Niġi informat(a) jekk it-trażgressur jinħeles (inkluż ħelsien kmieni jew kundizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?
Iva, int tiġi informat(a) dwar ir-rilaxx jew il-ħarba tat-trażgressur mill-ħabs, jekk int tkun tlabt li dan isir meta mistoqsi mill-korpi ġudizzjarji. Jekk jogħġbok ara t-tweġiba aktar ’il fuq.
Inkun involut(a) f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole? Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew inressaq appell?
Ir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali jintemm meta d-deċiżjoni tal-qorti (li tikkundanna jew teħles lill-imputat, tirrinunzja jew tipposponi l-eżekuzzjoni tal-piena jew ittemm il-proċedimenti kriminali) issir finali.
Int ma tkunx involut(a) fil-proċedura tar-rilaxx jew tal-libertà kondizzjonali tat-trażgressur.