1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?
Fil-Latvja, is-sistemi li jirregolaw il-beni tal-miżżewġin huma rregolati mit-Taqsima I (“Sistemi legali li jirregolaw il-beni tal-miżżewġin”), is-Sub-Kapitolu 4 (“Sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin”), l-Ewwel Parti “Il-Liġi tal-Familja” tal-Liġi Ċivili Latvjana (Civillikums), speċifikament l-Artikoli 89 – 110 ta’ dik il-Liġi.
Kull konjuġi jżomm il-beni li kienu tiegħu qabel iż-żwieġ u l-beni li huwa jakkwista waqt iż-żwieġ, bħala l-beni separati tiegħu. Dak kollu li jiġi akkwistat matul iż-żwieġ mill-konjuġi flimkien, jew minn xi ħadd minnhom b’mod separat, iżda bl-użu tar-riżorsi taż-żewġ konjuġi jew bl-għajnuna tal-azzjonijiet tal-konjuġi l-ieħor, huwa l-koproprjetà taż-żewġ konjuġi; f’każ ta’ dubju, jiġi preżunt li l-beni inkwistjoni jappartjenu għaż-żewġ konjuġi f’ishma indaqs.
Sakemm idum iż-żwieġ, kull wieħed mill-konjuġi jkollu d-dritt li jamministra u juża l-beni kollha tiegħu – kemm il-beni li kellu qabel ma żżewweġ kif ukoll il-beni li jkun akkwista tul iż-żwieġ. Il-konjuġi jamministraw u jiddisponu mill-beni tal-miżżewġin kondiviżi b’mod konġunt, iżda bi qbil tat-tnejn li huma, dawk il-beni jistgħu jiġu ġestiti minn wieħed minnhom b’mod separat. Id-disponiment ta’ dawk il-beni minn wieħed mill-konjuġi jirrikjedi l-kunsens tal-konjuġi l-ieħor.
Il-beni separati ta’ kull konjuġi huma speċifikament:
- il-beni li l-konjuġi kellu qabel iż-żwieġ, jew il-beni li l-konjuġi jkunu stipulaw f’kuntratt bħala beni separati;
- oġġetti adattati għall-użu personali ta’ konjuġi wieħed biss jew meħtieġa għal xogħol indipendenti;
- il-beni akkwistati matul iż-żwieġ minn wieħed mill-konjuġi mingħajr ħlas;
- l-introjtu minn beni separati ta’ konjuġi li ma jiġux ittrasferiti biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-familja u l-ħtiġijiet tal-unità domestika konġunta;
- il-beni li jissostitwixxu l-beni msemmija fil-paragrafi (1) – (4) ta’ hawn fuq.
L-oneru biex jiġi stabbilit li ċerti beni speċifiċi huma separati jaqa’ fuq il-konjuġi li jasserixxi hekk. Il-fatt li proprjetà immobbli tkun ben separat ta’ konjuġi wieħed jiġi rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet.
2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?
Il-konjuġi jistgħu jistabbilixxu, jibdlu jew jitterminaw id-drittijiet tal-proprjetà tagħhom permezz ta’ kuntratt taż-żwieġ qabel jew waqt iż-żwieġ tagħhom.
Il-partijiet għal kuntratt taż-żwieġ jistgħu japplikaw, minflok is-sistema legali li tirregola l-beni tal-miżżewġin (l-Artikoli 89 et seq. tal-Liġi Ċivili), is-sistema ta’ beni separati (l-Artikoli 117 et seq. tal-Liġi Ċivili) jew jistitwixxu sistema ta’ komunjoni universali ta’ beni (l-Artikoli 124 et seq.).
Jekk il-kuntratt taż-żwieġ jistabbilixxi sistema ta’ komunjoni universali ta’ beni, il-beni li kienu jappartjenu għal kull konjuġi qabel iż-żwieġ tagħhom u l-beni li jakkwista kull konjuġi tul iż-żwieġ tiegħu jiġu kkombinati f’assjem indiviżibbli konġunt li, tul iż-żwieġ tagħhom, ma jkun jappartjeni għal ebda wieħed konjuġi f’partijiet separati. F’kuntratt taż-żwieġ li jistabbilixxi sistema ta’ komunjoni universali ta’ beni, il-konjuġi jaqblu dwar min minnhom se jamministra s-sistema (ir-raġel, il-mara jew it-tnejn flimkien). Jekk l-amministratur tas-sistema jkun wieħed mill-konjuġi, dak il-konjuġi jista’, suġġett għal-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 128, juża l-beni mingħajr ma jagħti rendikont tagħhom u jiddisponi minnhom f’ismu, u huwa d-dmir ta’ dak il-konjuġi li jkopri l-ispejjeż tal-familja u l-ispejjeż tal-unità domestika konġunta.
Jekk il-kuntratt taż-żwieġ jistabbilixxi sistema ta’ beni separati, kull konjuġi mhux biss iżomm il-beni li kellu b’mod separat qabel iż-żwieġ tiegħu, iżda jista’ wkoll jakkwista, juża u jiddisponi minnhom f’kapaċità individwali, indipendentement mill-konjuġi l-ieħor.
3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?
Konjuġi jista’ jċedi l-beni tiegħu jew is-sehem tiegħu mill-beni konġunti tal-konjuġi biex dawn jiġu amministrati mill-konjuġi l-ieħor, li jkun obbligat li jippreserva u jipproteġi dawk il-beni bil-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu. Jekk il-proprjetà immobbli konġunta taż-żewġ konjuġi tiġi rreġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet taħt l-isem ta’ wieħed mill-konjuġi, huwa preżunt li l-konjuġi l-ieħor għamel ċessjoni tas-sehem tiegħu f’dik il-proprjetà biex tiġi amministrata mill-konjuġi li taħt ismu ġiet irreġistrata.
Konjuġi li jamministra binjiet li jappartjenu għall-konjuġi l-ieħor mhux biss irid jagħmel it-tiswijiet meħtieġa, iżda jrid jagħmel ukoll benefikati sa fejn l-introjtu mill-assi tal-konjuġi l-ieħor jippermetti.
Il-proprjetà immobbli ta’ wieħed mill-konjuġi tista’ tinkera mill-konjuġi l-ieħor għal massimu ta’ tliet snin u mingħajr ma l-ftehim jiġi rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet. Biex konjuġi jkun jista’ jiddisponi minn oġġetti tal-beni tal-konjuġi l-ieħor li huwa jamministra b’tali mod li l-azzjonijiet tiegħu jaqbżu l-limiti normali ta’ amministrazzjoni, dak il-konjuġi jrid jikseb il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor.
Iż-żewġ konjuġi għandhom id-dmir li jkopru l-ispejjeż tal-familja u l-ispejjeż tal-unità domestika konġunta mill-beni konġunti tal-konjuġi. Jekk il-beni konġunti tal-konjuġi ma jkunux suffiċjenti biex jappoġġaw il-familja, kull konjuġi jista’ jirrikjedi li l-konjuġi l-ieħor jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-familja u għall-ispejjeż tal-unità domestika b’mod proporzjonat maċ-ċirkostanzi finanzjarji separati tiegħu. Jekk il-konjuġi jgħixu separatament, wieħed mill-konjuġi jista’, jekk ikun meħtieġ, jitlob mill-konjuġi l-ieħor riżorsi proporzjonati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-konjuġi l-ieħor sabiex jiġi żgurat il-livell preċedenti ta’ benesseri tal-pretendent.
Id-dota mogħtija lil mara f’każ ta’ żwieġ mill-ġenituri tagħha, minn qraba jew minn persuni oħrajn hija l-proprjetà tal-mara, anke jekk tingħata lir-raġel.
Dawn li ġejjin huma kkunsidrati l-beni personali ta’ konjuġi:
- beni li kienu jappartjenu diġà għall-konjuġi qabel id-data taż-żwieġ tagħhom;
- beni riċevuti bħala rigal jew wirt wara d-data taż-żwieġ tagħhom;
- beni għall-użu strettament personali minn kull konjuġi;
- beni meħtieġa minn konjuġi biex iwettaq ix-xogħol tiegħu;
- beni riċevuti bħala kumpens għal danni, kif ukoll kwalunkwe pensjoni relatata ma’ telf parzjali jew sħiħ tal-kapaċità għax-xogħol;
- beni akkwistati bil-prezz taċ-ċessjoni jew tal-permuta ta’ beni personali, dment li dan ikun iddikjarat b’mod speċifiku fiż-żmien tal-akkwist.
Il-beni li ġejjin ukoll jaqgħu taħt is-sistema ta’ komunjoni universali ta’ beni:
- il-profitti li jaqla’ kull konjuġi, irċevuti u mhux minfuqa meta l-komunjoni tinħall;
- ir-rikavati mill-attivitajiet separati ta’ kull konjuġi, jekk ma jintefqux meta l-komunjoni tinħall;
- kwalunkwe negozju amministrat b’mod konġunt mill-konjuġi u stabbilit wara d-data taż-żwieġ tagħhom.
L-amministrazzjoni tal-beni tal-komunjoni u r-rappreżentanza fi proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti li jirrigwardaw il-beni tal-komunjoni huma r-responsabbiltà ta’ kull konjuġi individwali, filwaqt li huma responsabbli b’mod konġunt għal atti ta’ amministrazzjoni straordinarja.
4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?
Ir-relazzjonijiet legali tal-beni bejn il-konjuġi jintemmu:
- (abbażi ta’ ftehim bejn il-konjuġi;
- jekk imut wieħed mill-konjuġi;
- meta jiddivorzjaw jew waqt iż-żwieġ eżistenti, abbażi ta’ talba minn wieħed mill-konjuġi, jekk id-djun tal-konjuġi l-ieħor jeċċedu l-valur tal-beni separati tiegħu jew jekk, b’riżultat tal-azzjonijiet tiegħu, il-beni jkunu f’riskju li jonqsu jew jiddissipaw b’mod sinifikanti.
Meta jinqasmu l-beni konġunti tal-konjuġi, jiġu kkunsidrati l-beni kollha tal-konjuġi mhux rikonoxxuti bħala l-beni separati ta’ wieħed mill-konjuġi, jiġifieri l-beni mobbli u immobbli bil-pertinenzi kollha, kif ukoll it-talbiet u l-obbligi tal-konjuġi.
Il-beni konġunti tal-konjuġi jinqasmu abbażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali li jsostnu l-proċeduri għall-kondiviżjoni ta’ patrimonju (l-Artikolu 731 et seq.).
5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?
Jekk ir-relazzjonijiet legali tal-beni tal-konjuġi jintemmu bil-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, allura, ladarba s-sehem tal-konjuġi superstiti jkun ġie separat, is-sehem tal-konjuġi deċedut jgħaddi għand il-werrieta tiegħu.
Il-konjuġi superstiti jiret mingħand id-deċedut irrispettivament mill-forma ta’ relazzjoni tal-beni fis-seħħ bejn il-konjuġi waqt iż-żwieġ tagħhom.
Il-konjuġi jirċievi s-sehem tal-wild jekk in-numru ta’ tfal li esprimew l-intenzjoni li jirtu jkun inqas minn erbgħa, iżda jirċievi kwart tas-sehem jekk ikun erbat itfal jew aktar li esprimew l-intenzjoni li jirtu.
6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?
L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ġuriżdizzjoni f’konformità mar-regoli ġenerali.
7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?
Il-konjuġi jinżammu responsabbli għall-obbligi li jkunu daħlu għalihom b’mod konġunt biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-familja jew il-ħtiġijiet tal-unità domestika konġunta sal-limitu tal-beni konġunti tagħhom, u kull wieħed sal-limitu tal-beni separati tagħhom, jekk il-beni konġunti ma jkunux biżżejjed.
Konjuġi jinżamm responsabbli għall-obbligi li jkun daħal għalihom individwalment biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-familja jew il-ħtiġijiet tal-unità domestika konġunta sal-limitu tal-beni tiegħu, jekk il-beni konġunti tal-konjuġi ma jkunux biżżejjed. Il-konjuġi l-ieħor jinżamm responsabbli għal dawn l-obbligi sal-limitu tal-beni tiegħu biss jekk il-korrispettiv riċevut skont l-obbligu tiegħu jkun intuża biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-familja jew il-ħtiġijiet tal-unità domestika konġunta.
Konjuġi jinżamm responsabbli għall-obbligi li jirriżultaw mill-atti illeċiti tiegħu l-ewwel sal-limitu tal-beni separati tiegħu, iżda, jekk dawn ma jkunux biżżejjed, sal-limitu tas-sehem tiegħu mill-beni konġunti tal-konjuġi.
Konjuġi jinżamm responsabbli għall-obbligi li jkun daħal għalihom f’ismu stess jew mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor l-ewwel sal-limitu tal-beni separati tiegħu, iżda, jekk dawn ma jkunux biżżejjed, sal-limitu tas-sehem tiegħu mill-beni konġunti tal-konjuġi.
Il-beni ta’ konjuġi ma jintużawx biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-konjuġi l-ieħor. Jekk, fir-rigward tad-djun ta’ wieħed mill-konjuġi, jinbdew proċedimenti ta’ rkupru kontra l-beni separati tal-konjuġi l-ieħor, il-konjuġi l-ieħor jista’ jitlob li tali beni jiġu rilaxxati mill-proċedimenti ta’ rkupru. Jekk, fir-rigward tad-djun ta’ wieħed mill-konjuġi, jinbdew proċedimenti ta’ rkupru kontra l-beni konġunti tal-konjuġi, il-konjuġi l-ieħor jista’ jitlob li tali beni jinqasmu u s-sehem tiegħu jiġi rilaxxat mill-proċedimenti ta’ rkupru.
Il-qsim tal-beni tal-konjuġi ma jċaħħadx lill-kredituri tal-konjuġi mid-drittijiet tagħhom. Id-drittijiet akkwistati minn terzi jibqgħu fis-seħħ.
8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru
Jekk, fi żwieġ eżistenti, il-beni konġunti tal-konjuġi jkunu nqasmu, jiġu applikati dispożizzjonijiet li jistabbilixxu s-sistema ta’ beni separati għar-relazzjonijiet tal-beni tagħhom (l-Artikolu 117 et seq.).
Jekk il-kuntratt taż-żwieġ jistabbilixxi sistema ta’ beni separati, kull konjuġi mhux biss iżomm il-beni li kellu b’mod separat qabel iż-żwieġ tiegħu, iżda jista’ wkoll jakkwista, juża u jiddisponi minnhom f’kapaċità individwali, indipendentement mill-konjuġi l-ieħor.
9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
Biex il-kuntratti taż-żwieġ ikollhom effett vinkolanti fil-konfront ta’ terzi, il-kuntratti jridu jkunu rreġistrati fir-Reġistru tas-Sistemi li Jirregolaw il-beni tal-miżżewġin u, fejn jidħlu beni immobbli, fir-Reġistru tal-Artijiet ukoll.
L-oneru biex jiġi stabbilit li ċerti beni speċifiċi huma separati jaqa’ fuq il-konjuġi li jasserixxi hekk. Il-fatt li proprjetà immobbli tkun ben separat ta’ konjuġi wieħed jiġi rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet.
Il-fatt li ben immobbli jaqa’ taħt is-sistema tal-komunjoni universali ta’ beni jiġi rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet. Kull wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob li d-drittijiet ta’ beni immobbli inklużi fis-sistema tal-komunjoni universali ta’ beni jiddaħħlu fir-Reġistru tal-Artijiet fl-ismijiet taż-żewġ konjuġi.
Jekk, fi żwieġ eżistenti, il-beni konġunti tal-konjuġi jkunu nqasmu, jiġu applikati dispożizzjonijiet li jistabbilixxu s-sistema ta’ beni separati għar-relazzjonijiet tal-beni tagħhom. Il-kuntratti u s-sentenzi tal-qorti jiksbu effett vinkolanti fil-konfront ta’ terzi wara li jiġu rreġistrati fir-Reġistru tas-Sistemi li Jirregolaw il-beni tal-miżżewġin jew, fil-każ ta’ beni immobbli, wara li jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-Artijiet.
L-estratti tar-rekords fir-Reġistru tas-Sistemi li Jirregolaw il-beni tal-miżżewġin jiġu ppubblikati għall-informazzjoni mingħajr dewmien fil-Gazzetta tal-Gvern, u l-avviżi dwar il-beni immobbli jiġu kkomunikati lill-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet.