Skip to main content

Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Flag of Sweden
Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

Iva, teżisti sistema ta’ dan it-tip. Fiha regoli dwar l-obbligi tal-manteniment bejn il-konjuġi matul u wara ż-żwieġ. Tistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar id-drittijiet u l-obbligi matul u wara ż-żwieġ fir-rigward tal-assi u l-obbligazzjonijiet, ir-residenza komuni u l-oġġetti tad-dar tal-konjuġi, u kwalunkwe donazzjoni li jkunu taw lil xulxin.

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Il-konjuġi jista’ jkollhom żewġ tipi ta’ assi: proprjetà matrimonjali u proprjetà individwali. Il-proprjetà kollha ta’ konjuġi titqies bħala proprjetà matrimonjali sakemm ma tkunx proprjetà individwali. Bħala regola ġenerali, il-proprjetà matrimonjali għandha tiġi inkluża fi kwalunkwe diviżjoni tal-proprjetà. Il-proprjetà tista’ ssir individwali bil-modi li ġejjin:

a) b’kuntratt taż-żwieġ; dan irid ikun bil-miktub, iddatat u ffirmat mill-konjuġi u rreġistrat mad-Dipartiment tat-Taxxa Żvediż.

b) b’kundizzjonijiet fil-każ ta’ donazzjonijiet;

c) b’termini f’testment;

d) bix-xewqa espressa ta’ benefiċjarju fir-rigward ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, assigurazzjoni kontra l-inċidenti, assigurazzjoni tas-saħħa, tfaddil għall-pensjoni personali jew tfaddil fi prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP, Pan-European Personal Pension).

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Iva hemm restrizzjonijiet. Pereżempju, hemm salvagwardji li japplikaw matul iż-żwieġ fir-rigward tar-residenza komuni u l-oġġetti tad-dar tal-konjuġi. Konjuġi ma jistax ibigħ, jikri jew jiddisponi bi kwalunkwe mod ieħor minn proprjetà li tkun ir-residenza komuni tal-konjuġi mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor. Ir-regoli japplikaw anke jekk il-proprjetà tkun individwali skont il-kuntratt taż-żwieġ, iżda mhux jekk il-proprjetà tkun individwali minħabba termini f’donazzjoni jew testment. Eżempju ieħor japplika għad-diviżjoni tal-proprjetà. Ir-residenza komuni u l-oġġetti tad-dar tal-konjuġi jiġu allokati lill-konjuġi li jkun l-aktar fil-bżonn tal-proprjetà. Taħt ċerti kundizzjonijiet, dan jista’ japplika anke jekk il-proprjetà tkun kollha kemm hi tal-konjuġi l-ieħor. Il-konjuġi li lilu tiġi assenjata r-residenza konġunta mbagħad jeħtieġlu jikkumpensa lill-konjuġi l-ieħor bi proprjetà oħra jew bi flus. Eżempju ieħor huwa marbut mal-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi. Il-konjuġi superstiti mbagħad ikollu d-dritt li jirċievi proprjetà ta’ ċertu valur minimu, anke jekk tali proprjetà tkun proprjetà individwali jew tkun tħalliet lil xi ħadd ieħor f’testment.

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ fid-dritt Żvediż. Żwieġ jiġi xolt fid-dritt Żvediż jew bil-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi jew b’divorzju. Meta żwieġ jiġi xolt, il-proprjetà tal-konjuġi tinqasam bejniethom permezz tad-diviżjoni tal-patrimonju. F’xi każijiet, jista’ jkun hemm dritt għall-manteniment, għall-inqas għal perjodu tranżizzjonali, għal wieħed mill-konjuġi.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Żwieġ jiġi xolt fid-dritt Żvediż jew bil-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi jew b’divorzju. Meta żwieġ jiġi xolt, il-proprjetà tal-konjuġi tinqasam bejniethom permezz tad-diviżjoni tal-patrimonju. Fil-każ tal-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, huma l-werrieta tal-konjuġi mejjet u l-werrieta testamentarji li jeħtiġilhom jaqsmu l-patrimonju mal-konjuġi superstiti. Madankollu, il-werrieta konġunti fil-linja diretta jeħtiġilhom jistennew il-wirt tagħhom sakemm iż-żewġ konjuġi jkunu mietu.

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Id-diviżjoni tal-patrimonju tista’ ssir mill-partijiet infushom. Jekk jaqblu, l-uniku rekwiżit formali huwa li d-diviżjoni ssir bil-miktub u tiġi ffirmata miż-żewġ partijiet. Jekk il-partijiet ma jirnexxilhomx jaslu għal ftehim, qorti tista’ taħtar eżekutur biex jiddeċiedi dwar id-diviżjoni tal-patrimonju. Il-partijiet ikunu jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-eżekutur fil-qorti.

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

Kull konjuġi huwa responsabbli għad-dejn tiegħu. Għalhekk, il-kredituri ta’ wieħed mill-konjuġi ma jkollhomx dritt li jitħallsu mill-proprjetà tal-konjuġi l-ieħor, kemm jekk dik il-proprjetà tkun proprjetà matrimonjali kif ukoll jekk tkun il-proprjetà individwali ta’ dak il-konjuġi. Hemm ukoll regoli biex jipproteġu lill-kredituri minn sitwazzjoni fejn il-proprjetà tkun miżmuma b’mod konġunt mill-konjuġi. Pereżempju, konjuġi ma jistax jiddeċiedi li jinkludi l-propjetà individwali tiegħu fid-diviżjoni tal-propjetà jekk dan jagħmlu bl-iskop li jevita l-pretensjoni ta’ xi kreditur.

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru

Bħala regola ġenerali, il-proprjetà matrimonjali għandha tiġi inkluża fi kwalunkwe diviżjoni tal-proprjetà. Madankollu, hemm għadd ta’ eċċezzjonijiet. Kull konjuġi jista’ jeskludi daqstant proprjetà matrimonjali daqskemm ikollu dejn. Kull konjuġi jista’ wkoll jeskludi ħwejjeġ u proprjetà personali oħra, kif ukoll kwalunkwe donazzjoni personali.

Ċerti drittijiet ta’ pensjoni jistgħu wkoll jiġu esklużi mid-diviżjoni tal-patrimonju. Il-valur tal-proprjetà matrimonjali li jifdal imbagħad normalment jitqassam indaqs bejn il-konjuġi. Jekk il-proprjetà titqassam bix-xorti, kull konjuġi jkollu d-dritt għall-proprjetà tiegħu l-ewwel. Jeżistu regoli speċjali fir-rigward ta’ akkomodazzjoni u oġġetti tad-dar kondiviżi.

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Kull min jakkwista proprjetà immobbli bi sjieda jeħtieġlu japplika għat-titlu tagħha mal-awtorità tar-reġistrazzjoni tal-art (Lantmäteriet). Madankollu, il-konjuġi jew il-konkubin li jikseb proprjetà immobbli permezz tad-diviżjoni tal-patrimonju mhux meħtieġ li jikseb it-titlu għall-akkwist ħlief jekk il-proprjetà qabel kienet tappartjeni lill-konjuġi l-ieħor jew lill-konkubin. Fil-każ ta’ akkwist permezz tad-diviżjoni tal-patrimonju, l-istrument tad-diviżjoni tal-patrimonju jrid jiġi ppreżentat mar-rikors għat-titolu tal-proprjetà.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna