Skip to main content

Reġistri tal-artijiet fil-pajjiżi tal-UE

Il-Belġju

Din it-taqsima tagħtik deskrizzjoni ġenerali tar-reġistru tal-artijiet Belġjan.

Il-kontenut ipprovdut minn
Il-Belġju
Flag of Belgium

X'għandu x'joffri r-reġistru tal-artijiet Belġjan?

L-informazzjoni dwar proprjetà immobbli fil-Belġju tinsab fid-dokumentazzjoni miżmuma minn uffiċċji ta’ tliet tipi: ir-reġistru tal-artijiet imsejjaħ (kadaster/cadastre), l-uffiċċji tar-reġistrazzjoni (registratiekantoren/bureaux de l’enregistrement) u d-depożitarju tal-ipoteki (hypotheekbewaringen/conservations d’hypothèques). Dawn it-tliet sorsi ta' informazzjoni ġew miġbura flimkien fiċ-ċentru tad-dokumentazzjoni nazzjonali tal-proprjetà tal-Ministeru Federali tal-Finanzi (Algemene Administratie van de Patrimoniumdocumentatie/Administration Générale de la Documentation Patrimoniale).

Il-kompiti tar-reġistru tal-artijiet proprja u tal-uffiċċji tar-reġistrazzjoni prinċipalment, iżda mhux esklussivament, huma relatati mat-taxxa. Id-depożitarji tal-ipoteki huma responsabbli għar-reġistrar tad-drittijiet tal-proprejtà in rem: il-ħolqien u t-trasferiment inter vivos ta' drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli għandhom jiġu rreġistrati fid-depożitarju tal-ipoteki sabiex ikun inforzabbli kontra partijiet terzi li jaġixxu b'bona fidi.

L-aċċess għar-reġistru tal-artijiet Belġjan huwa mingħajr ħlas?

Le, hemm ħlas li jrid isir sabiex jinkiseb tagħrif mid-dokumentazzjoni fir-reġistru tal-artijiet, l-uffiċċji tar-reġistrazzjoni u d-depożitarju tal-ipoteki. L-ammont ivarja skont it-tip ta’ dokumentazzjoni kkonsultata u l-informazzjoni mitluba.

Kif tagħmel tiftixa fir-reġistru tal-artijiet Belġjani

B'mod ġenerali, l-informazzjoni dwar proprjetà immobbli u/jew id-detenturi tad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jistgħu jinstabu jew billi tidentifika proprjetà (l-indirizz u/jew in-numru ta' identifikazzjoni fir-reġistru tal-artijiet) jew billi jidentifika d-detentur tad-drittijiet in rem (isem u/jew numru tal-identità).

Iċ-ċentru ta' dokumentazzjoni tal-proprjetà nazzjonali kkonkluda ftehimiet ma’ ċerti gruppi professjonali (bħal nutara, servejers u aġenti immobiljari) dwar il-konsultazzjoni onlajn ta' ċerta dejta fid-dokumentazzjoni tar-reġistru tal-artijiet.

L-istorja tar-reġistru tal-artijiet Belġjan

Id-dokumentazzjoni miżmuma mir-reġistru tal-art, l-uffiċċji tar-reġistrazzjoni u d-depożitarju tal-ipoteki inżammu minn qabel il-fondazzjoni tal-istat Belġjan.

L-istorja mhix xi ħaġa statika: pjan biex jiġu integrati tliet sorsi tad-dejta f'post wieħed kważi wasal biex jitlesta u għandu jiġi implimentat fil-futur qrib.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna