X'joffri r-reġistru tal-artijiet Pollakk?
Ir-reġistru tal-artijiet Pollakk (rejestr ksiąg wieczystych) huwa miżmum skont l-Att dwar ir-Reġistri tal-Artijiet u l-Ipoteki.
Skont l-Att, ir-reġistri tal-artijiet jinżammu sabiex jiġi stabbilit l-istat ġuridiku tal-propjetà. Ir-reġistri fihom din l-informazzjoni essenzjali:
- il-konnotati tal-propjetà (inklużi l-porzjonijiet diviżi tal-art li jiffurmaw il-propjetà kollha);
- id-dettalji tas-sid(ien) tal-propjetà jew id-detentur tal-użufrutt perpetwu;
- informazzjoni dwar drittijiet oħra tal-partijiet in rem;
- it-tip u l-ammont tal-ipoteka rreġistrata fuq il-propjetà.
Ir-reġistri tal-artijiet huma dokumenti pubbliċi aċċessibbli mill-pubbliku. Mill-1 ta' Ġunju 2010 l-aċċess għal reġistru tal-artijiet huwa possibbli elettronikament billi jiddaħħal in-numru tiegħu.
Barra minn hekk, tista' tinġieb kopja mir-reġistru tal-artijiet jew ċertifikat li jindika li r-reġistru ngħalaq.
L-aċċess għar-reġistru tal-artijiet Pollakk huwa mingħajr ħlas?
Il-konsultazzjoni tar-reġistri tal-artijiet hija mingħajr ħlas.
Madanakollu, kopja mir-reġistru tal-artijiet jew ċertifikat li jindika li r-reġistru ngħalaq huma bi ħlas.