Il-qrati distrettwali (rechtbanken)
Hemm 11-il qorti distrettwali fin-Netherlands.
Kull qorti hija komposta minn numru ta’ sezzjonijiet:
- Il-ġustizzja ċivili (kunflitti bejn individwi privati u/jew organizzazzjonijiet)
- Id-dritt amministrattiv (kunflitti bejn individwi jew organizzazzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi)
- Id-dritt kriminali (reati kriminali)
Il-qorti għandha wkoll settur subdistrettwali (kanton), li fih l-imħallef subdistrettwali jittratta, fost l-oħrajn, kawżi kriminali u ċivili minuri li jinvolvu ammonti ta’ sa EUR 25 000.
Appelli
Parti li ma taċċettax is-sentenza tal-qorti distrettwali tista’ tappella. Il-kawżi kriminali u ċivili jinstemgħu minn waħda mill-erba’ qrati tal-appell (gerechtshoven). F’każijiet amministrattivi, skont is-suġġett, l-appell jista’ jinstema’ minn:
- Il-Qrati tal-Appell (gerechtshoven)
- Il-Qorti tal-Appelli Ċentrali (Centrale Raad van Beroep)
- Il-Qorti tal-Appelli Kummerċjali u Industrijali (College van Beroep voor het Bedrijfsleven)
- Il-Kunsill tal-Istat (Raad van State), sezzjoni tal-kontroversji amministrattivi (Afdeling bestuursrechtspraak)
Il-Qorti Suprema (Hoge Raad)
Il-Qorti Suprema tan-Netherlands hija l-ogħla qorti fin-Netherlands fil-liġi ċivili, kriminali u fil-liġi ta’ tassazzjoni. Il-Qorti Suprema tista’ tannulla sentenzi, b’mod partikolari dawk tal-qrati tal-appell (li s-sentenzi tagħhom jistgħu jkunu kkontestati fil-Qorti Suprema dwar punti ta’ liġi, proċess magħruf bħala cassatie). Il-Qorti Suprema hija responsabbli wkoll biex tiżgura l-uniformità legali u l-iżvilupp tal-liġi Olandiża.
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar kif tiġi organizzata s-sistema ġudizzjarja fis-sit rechtspraak.nl.
Bażijiet tad-data legali
Il-bażi tad-data tal-ġurisprudenza tippubblika għadd sinifikanti ta’ sentenzi. Dawn id-deċiżjonijiet u s-sentenzi jsiru aċċessibbli għall-pubbliku billi jiġu inklużi fil-bażi tad-data fis-sit rechtspraak.nl.
L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess huwa mingħajr ħlas.
Links Relatati
Il-ġudikatura Olandiża u l-Qorti Suprema tan-Netherlands
Informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja Olandiża (bl-Ingliż)