Skip to main content

Eurojust

Fl-2002, il-Kunsill stabbilixxa l-Eurojust sabiex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u serja. Fl-2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill aġġornaw il-mandat tal-Eurojust sabiex din tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni relatati mal-kriminalità transfruntiera serja. L-Eurojust hija korp magħmul minn prosekuturi, imħallfin u rappreżentanti ta’ awtoritajiet ġudizzjarji b’kompetenzi ekwivalenti.

X’inhi l-Eurojust?

L-Eurojust, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, hija ċentru uniku bbażat f’The Hague, fin-Netherlands, fejn l-awtoritajiet nazzjonali ġudizzjarji jaħdmu mill-qrib flimkien biex jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera serja. Ir-rwol tal-Eurojust huwa li tgħin sabiex l-Ewropa ssir post aktar sikur billi tikkoordina l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kif ukoll ta’ Stati terzi, fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità tranżnazzjonali.

X’inhuma l-kompiti u l-kompetenzi tal-Eurojust?

L-Eurojust tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni relatati mal-kriminalità serja li l-Eurojust hija kompetenti li tittratta, meta dik il-kriminalità tkun taffettwa żewġ Stati Membri jew iktar, jew tkun teħtieġ prosekuzzjoni fuq bażijiet komuni, fuq il-bażi ta’ operazzjonijiet imwettqa u tagħrif ipprovdut mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, mill-Europol, mill-UPPE u mill-OLAF.

Biex twettaq il-kompiti tagħha, l-Eurojust tqis kwalunkwe talba li tkun ġejja minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, kwalunkwe informazzjoni pprovduta minn awtoritajiet, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji kompetenti tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni miġbura mill-Eurojust stess.

L-Eurojust tiffaċilita wkoll l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja u ta’ deċiżjonijiet dwarha, inklużi talbiet u deċiżjonijiet ibbażati fuq strumenti li jagħtu effett lill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

L-Eurojust hija kompetenti fir-rigward tal-forom ta’ kriminalità serja elenkati fir-Regolament dwar l-Eurojust. Madankollu, mid-data li fiha l-UPPE jassumi l-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali, l-Eurojust m’għandhiex teżerċita l-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ kriminalità li għaliha l-UPPE jeżerċita l-kompetenza tiegħu, ħlief f’dawk il-każijiet li fihom ikunu involuti wkoll l-Istati Membri li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE u fuq it-talba ta’ dawk l-Istati Membri jew fuq it-talba tal-UPPE.

L-Eurojust għandha teżerċita l-kompetenza tagħha għal reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f’każijiet li jinvolvu lil Stati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE iżda li għalihom l-UPPE mhuwiex kompetenti jew jiddeċiedi li ma jeżerċitax il-kompetenza tiegħu.

Kif taħdem l-Eurojust?

L-Eurojust tassisti f’firxa wiesgħa ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet. Kull każ huwa differenti u jirrikjedi approċċ individwali. Spiss, l-investigaturi u l-prosekuturi jridu jaġixxu immedjatament biex isibu u jaqbdu lis-suspettati. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddependu fuq is-servizzi fuq talba uniċi tal-Eurojust, pereżempju billi tiffaċilita l-eżekuzzjoni rapida ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE), ordni ta’ ffriżar jew il-kumpilazzjoni ta’ xhieda permezz ta’ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (OIE). Drabi oħra, investigazzjoni tinbena bil-mod u b’mod metodiku, u tieħu xhur, jew saħansitra snin, ta’ ppjanar bir-reqqa, koordinazzjoni u diskussjoni, bl-Eurojust ikollha rwol ta’ koordinazzjoni. Erba’ tipi ewlenin ta’ appoġġ li tipprovdi l-Eurojust huma skwadri ta’ investigazzjoni konġunta, għodod ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE, laqgħat ta’ koordinazzjoni u ċentri ta’ koordinazzjoni.

Il-każijiet imressqa quddiem l-Eurojust jew jinvolvu żewġ Stati Membri tal-UE jew aktar jew Stat Membru u Stat mhux tal-UE. Xi drabi l-każijiet jinvolvu reati mwettqa fi Stat Membru wieħed li jkollhom riperkussjonijiet lil hinn mill-fruntieri tiegħu. L-Eurojust toffri lill-Istati Membri l-esperjenza vasta u l-għarfien espert tagħha fil-kooperazzjoni ġudizzjarja, inkluża firxa ta’ għodod biex jittrattaw problemi bħal kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni, estradizzjoni, ammissibilità ta’ provi, u l-iffriżar u l-irkupru ta’ assi. Peress li l-Eurojust takkomoda awtoritajiet mill-Istati Membri kollha u minn diversi Stati terzi, tista’ twieġeb għat-talbiet malajr, xi drabi saħansitra tgħin biex każ jissolva fi ftit sigħat.

X’inhi l-organizzazzjoni tal-Eurojust?

Il-Kulleġġ tal-Eurojust huwa magħmul minn Membri Nazzjonali, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, li bis-saħħa tal-Protokoll Nru 22 mhijiex marbuta bir-Regolament dwar l-Eurojust. Il-Membri Nazzjonali huma mħallfin, prosekuturi jew professjonisti ġudizzjarji oħrajn ta’ kompetenza ekwivalenti. Il-Membri Nazzjonali huma appoġġati mid-Deputati u l-Assistenti.

Meta jeżerċita l-funzjonijiet ta’ ġestjoni tiegħu, il-Kulleġġ jinkludi wkoll rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kulleġġ huwa ssorveljat mill-President tal-Eurojust, li jiġi elett għal mandat ta’ 4 snin, b’terminu ta’ żewġ mandati. Żewġ Viċi-Presidenti jassistu lill-President fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu. Dawn ukoll jiġu eletti għal mandat ta’ 4 snin, b’terminu ta’ żewġ mandati.

Il-Bord Eżekuttiv tal-Eurojust jassisti lill-Kulleġġ tal-Eurojust fil-funzjonijiet ta’ ġestjoni tiegħu. Dan jissorvelja l-ħidma preparatorja meħtieġa tad-Direttur Amministrattiv dwar kwistjonijiet amministrattivi li jkunu jridu jiġu adottati mill-Kulleġġ, u jieħu deċiżjonijiet amministrattivi li huma deskritti b’mod espliċitu fl-Artikolu 16 tar-Regolament dwar l-Eurojust.

Il-Bord Eżekuttiv huwa ppresedut mill-President tal-Eurojust u jinkludi l-Viċi Presidenti tal-Eurojust kif ukoll rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea. Żewġ membri oħra tal-Kulleġġ jinħatru fil-Bord b’sistema ta’ rotazzjoni kull sentejn.

Id-Direttur Amministrattiv huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Eurojust, li min-naħa tagħha, tappoġġa lill-Kulleġġ tal-Eurojust.

Links Relatati

L-Eurojust

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna