Tipi ta’ attivitajiet ta’ taħriġ żviluppati
L-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EIPA) huwa wieħed mill-ftit fornituri ta’ taħriġ fil-livell Ewropew għall-ġudikatura u għal professjonijiet legali oħrajn. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet ta’ taħriġ jiġu żviluppati u mwettqa mill-fergħa tal-EIPA fil-Lussemburgu, filwaqt li l-EIPA Maastricht jiffoka fuq taħriġ relatat mal-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġestjoni tal-finanzjament pubbliku u t-tfassil ta’ politiki u l-governanza tal-UE.
Minbarra taħriġ b’reġistrazzjoni miftuħa u attivitajiet ta’ konferenzi, l-EIPA jipprovdi varjetà ta’ taħriġ imfassal apposta u orjentat lejn il-prattika, konsulenza u servizzi ta’ kkowċjar, kif ukoll riċerka komparattiva relatata mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u taħriġ ġudizzjarju fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati mal-UE (pajjiżi kandidati, pajjiżi tal-EFTA, eċċ.). Dawn is-servizzi jingħataw permezz ta’ diversi sejħiet għall-offerti, kuntratti ta’ servizz u għotjiet ta’ azzjoni mogħtija mill-Istituzzjonijiet tal-UE jew permezz ta’ kuntratti bilaterali mal-amministrazzjonijiet nazzjonali.
Fil-kategorija tal-attivitajiet b’reġistrazzjoni miftuħa, l-EIPA joffri dawn it-tipi ta’ attivitajiet li ġejjin:
- sessjonijiet ta’ ħidma ta’ tul varjat orjentati lejn il-prattika
- programmi edukattivi tul il-ħajja għall-adulti, bħal programmi ta’ Masters u korsijiet fil-livell ta’ Masters (kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll imħallta ma’ programmi ta’ tagħlim online); l-offerta tipprovdi programmi li jdumu minn ġimgħa sa sentejn
- tutorials ta’ apprendiment mill-bogħod magħżula individwalment dwar l-aċċess għad-dokumenti, kwistjonijiet tas-suq intern (bħall-moviment liberu tal-persuni, l-akkwist pubbliku, eċċ.), il-liġi ambjentali u kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja
- konferenzi dwar l-iżviluppi reċenti f’oqsma legali varji, bħal-liġi tal-UE dwar l-ambjent u dwar is-servizzi finanzjarji, kwistjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-liġi tal-UE dwar is-servizz pubbliku u tendenzi reċenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
Tista’ tagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet b’reġistrazzjoni miftuħa tal-EIPA li għaddejjin bħalissa minn hawnhekk.
Fil-kategorija tal-attivitajiet b’kuntratt, l-EIPA jispeċjalizza f’dawn it-tipi ta’ attivitajiet imfassla apposta b’konsultazzjoni mal-klijenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom:
- sessjonijiet ta’ ħidma li jikkombinaw tagħlim ibbażat fuq il-problemi ma’ sessjonijiet ta’ kkowċjar
- żjarat ta’ studju, waħedhom jew flimkien ma’ sessjonijiet ta’ taħriġ dwar temi magħżulin
- attivitajiet ta’ tagħlim imħallat imfassla apposta
- moduli ta’ taħriġ inizjali ta’ tul varjat għall-imħallfin, il-prosekuturi u impjegati tal-qorti li ma jkunux imħallfin
- sessjonijiet ta’ ħidma dwar it-taħriġ lil min iħarreġ, inkluż l-iżvilupp ta’ materjal u manwali għat-taħriġ
Ikkuntattja lill-EIPA direttament għal offerta mfassla apposta permezz ta’ din il-link.
Bħala suġġetti, l-attivitajiet ta’ taħriġ tal-EIPA relatati mad-dritt tal-UE jkopru d-dritt istituzzjonali tal-UE (u ż-ŻEE), b’attenzjoni speċifika fuq:
- il-proċeduri ta’ litigazzjoni u kif issir litigazzjoni quddiem il-qrati tal-UE u tal-EFTA
- id-dritt amministrattiv Ewropew u d-drittijiet fundamentali tal-UE
- kwistjonijiet regolatorji Ewropej, bħal-liġi dwar l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel, il-liġi soċjali u dik tax-xogħol
- l-oqsma kollha tas-Suq Intern tal-UE, inklużi s-servizzi finanzjarji, l-akkwist pubbliku, il-liġi tal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat
- kwistjonijiet regolatorji relatati mal-protezzjoni tad-data, il-governanza tad-data u l-intelliġenza artifiċjali
- iż-Żona tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tal-UE
- il-politika tal-UE dwar il-fruntieri, l-immigrazzjoni u l-ażil
- il-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea u internazzjonali fil-materji tal-familja, dawk kummerċjali u materji ċivili oħrajn
- il-kooperazzjoni ġudizzjarja u fl-infurzar tal-liġi Ewropea u internazzjonali f’materji kriminali
L-EIPA Lussemburgu jispeċjalizza wkoll f’attivitajiet ta’ taħriġ u kkowċjar immirati biex isaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura u biex isaħħu l-amministrazzjoni u l-kwalità tal-ġustizzja billi jidentifikaw u jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza prattika f’oqsma bħal:
- l-introduzzjoni tal-ġestjoni tal-kwalità fis-settur tal-ġustizzja
- il-ġestjoni tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji (il-qrati, l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi, l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ ġudizzjarju)
- l-analiżi tal-ħtiġijiet tat-taħriġ ġudizzjarju u l-evalwazzjoni tal-kwalità kif ukoll tal-effetti tat-taħriġ ġudizzjarju, eċċ.)
- l-etika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni
- ir-relazzjonijiet pubbliċi u l-politiki u l-ħiliet tal-komunikazzjoni
- l-introduzzjoni u l-użu ta’ għodod tal-ġustizzja elettronika
L-attivitajiet li għaddejjin bħalissa
Bħala medja, l-EIPA jimplimenta madwar 600 – 700 attività ta’ taħriġ.
Fl-2021, aktar minn 12 000 parteċipant minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha attendew l-attivitajiet tal-EIPA, li kienu jfissru total ta’ 15 000 jum ta’ taħriġ/ikkowċjar u konsultazzjoni.
Il-parti l-kbira tal-parteċipanti jkunu ġejjin mill-UE u l-Istati Membri, b’għadd sostanzjali ta’ parteċipanti jkunu mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.
Sħubijiet/ftehimiet internazzjonali
L-EIPA huwa parti min-Network tal-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea (EUPAN).
L-EIPA daħal fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali ma’ istituzzjonijiet nazzjonali ta’ taħriġ ġudizzjarju f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE u pajjiżi li qegħdin jinnegozjaw l-adeżjoni mal-UE u pajjiżi kandidati.
Matul is-snin, l-EIPA ħadem, u għadu qed jaħdem, fuq bażi ta’ proġetti individwali mal-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ taħriġ ġudizzjarju fl-Ewropa kollha kif ukoll ma’ assoċjazzjonijiet fuq livell Ewropew għal diversi professjonijiet legali, pereżempju n-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, il-Kunsill tan-Nutara tal-Unjoni Ewropea (CNUE), il-Kamra Ewropea tal-Bailiffs (CEHJ) u l-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE).
Storja
L-EIPA twaqqaf fl-1981 bħala fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ biex jipprovdi taħriġ immirat fuq kwistjonijiet ta’ Integrazzjoni Ewropea. L-għan tiegħu kien li jindirizza l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet pubbliċi (inkluża l-Ġudikatura) tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istituzzjonijiet Ewropej. Illum, 22 Stat Membru tal-UE u n-Norveġja huma membri tal-EIPA.
Fl-1992, l-EIPA stabbilixxa l-ewwel fergħa tiegħu, dak li qabel kien iċ-Ċentru Ewropew għall-Imħallfin u l-Avukati, fil-Lussemburgu, bl-objettiv speċifiku li jipprovdi taħriġ għall-Ġudikatura u għall-pubbliku kif ukoll għall-avukati tas-settur privat dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju – illum, id-dritt tal-UE.
Mill-2012 ’l hawn, iċ-Ċentru Ewropew tal-EIPA għall-Imħallfin u l-Avukati jsegwi approċċ topiku mmirat lejn il-gruppi fil-mira ewlenin tiegħu: il-ġudikatura, inklużi l-impjegati li mhumiex maġistrati, kif ukoll professjonijiet legali oħrajn. L-attivitajiet taċ-Ċentru jiffukaw fuq l-għoti ta’ programmi ta’ taħriġ imfassla apposta u orjentati lejn il-prattika li jinkludu konsulenza u kkowċjar. L-għan huwa t-tixrid tal-għarfien, l-għarfien prattiku u l-prattiki tajbin kif ukoll il-kontribut lejn it-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fil-kooperazzjoni transfruntiera tal-Istati Membri tal-UE.
Dettalji ta’ kuntatt
EIPA Lussemburgu – Ċentru Ewropew għall-Imħallfin u l-Avukati
8, rue Nicolas Adames
1114 il-Lussemburgu
+352 426 230 1
info-lux@eipa.eu
Numru ta’ impjegati: 15
Status legali: Fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ