- 1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?
- 2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?
- 3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?
- 4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?
1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?
Id-drittijiet in rem li jistgħu iqumu minn suċċessjoni jinkludu d-dritt ta’ sjieda fuq il-propjetà mobbli u immobbli u l-għodda tax-xogħol ta’ bniedem tas-sengħa u kummerċjant waħdieni u drittijiet oħra in rem (id-dritt ta’ pleġġ, id-dritt ta’ aċċess, id-drittijiet u l-obbligi ġejjin minn relazzjonijiet legali mhux ta’ negozju, id-drittijiet tal-awtur, (l-assi kemm finanzjarji u l-komponent mhux materjali), id-drittijiet ta’ applikazzjoni għal privattiva jew bħala sid ta’ privattiva, id-dritt għal kumpens tal-awtur ta’ titjib tekniku, drittijiet ta’ disinn.
Id-drittijiet fuq il-propjetà li huma relatati ma’ persuna partikolari, bħal servitujiet personali, id-dritt għal vitalizju annwali, u d-dritt għall-manteniment, ma jistgħux ikunu soġġetti għal suċċessjoni.
2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?
Mat-tlestija tal-proċedimenti ta’ probate, il-qorti tagħti deċiżjoni dwar is-suċċessjoni, li hija deċiżjoni tal-qorti fuq il-mertu tal-każ li min-natura tagħha hija dikjaratorja. Dan ifisser li d-deċiżjoni tiddikjara lill-persuni eredi, legatarji jew benefiċjarji oħra li kisbu d-dritt li jirtu, id-dritt għal legat jew drittijiet oħra għall-wirt mal-mewt tat-testatur. Dan ikompli jfisser li d-deċiżjoni dwar il-wirt ma timponix obbligi ta’ twettiq jew dmirijiet speċifiċi, iżda li dawk il-persuni li d-drittijiet tagħhom ġew identifikati fid-deċiżjoni finali dwar il-wirt/legat huma responsabbli huma nfushom għall-eżekuzzjoni ta’ dawk id-drittijiet.
Ir-regoli mfissra hawn fuq ma japplikawx għall- konsenja tal-propjetà miżmuma mill-qorti. Il-qorti tordna l-konsenja tal-propjetà malli d-deċiżjoni fuq is-suċċessjoni ssir finali u tordna r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet. Madankollu, qabel il-konsenja, il-benefiċjarji jridu jagħtu prova li wettqu jew taw garanzija għall-obbligi mposti fuqhom mit-testatur għall-benefiċċju ta’ persuni li ma jistgħux jieħdu ħsieb l-affarijiet u l-benefiċċji tagħhom jew għan ġeneralment utli (l-Artikolu 216 tal-Att dwar il-Wirt).
Reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet:
F'dak li għandu x’jaqsam mar- reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem fuq il-propjetà immobbli tapplika wkoll regola speċifika. Huma rreġistrati fir-Reġistru tal-Artijiet. Il-qorti għandha ex officio tordna li jsiru l-entrati meħtieġa fir-rigward tal-propjetà fir-Reġistru tal-Artijiet malli ssir finali id-deċiżjoni dwar il-wirt. Dan jinkludi, pereżempju, ir-reġistrazzjoni tad-dritt ta’ sjieda tal-eredi kif ukoll kull piż jew restrizzjoni oħra fuq id-dritt ta’ sjieda (id-dritt tal-legatarju għall-użufrutt jew tħassir ta’ dejn, it-tnejn fl-għamla ta’ legat).
Reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali:
Il-parteċipazzjoni fil-kumpaniji u l-assi tal-kummerċjant waħdieni jidħlu fir-reġistru kummerċjali. Il-bidliet reġistrati kollha rigward imsieħba f’kumpanija fir-reġistru tal-qorti huma biss ta’ natura dikjaratorja, għaliex l-istatus ta’ sieħeb jinkiseb biss wara r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-qorti. F’każ ta’ wirt ta’ interess ta’ parteċipazzjoni, hija meħtieġa s-sottomissjoni ta’ test konsolidat tad-dispożizzjoni emendata tal-memorandum ta' assoċjazzjoni, inkluż id-dispożizzjonijiet emendati dwar l-imsieħba u l-interessi ta’ parteċipazzjoni tagħhom, b’ċertifikat notarili li d-dispożizzjonijiet emendati tal-memorandum ta' assoċjazzjoni huma skont id-deċiżjoni finali fuq is-suċċessjoni. Kummerċjant waħdieni jiġi rreġistrat fir-reġistru kummerċjali permezz tal-applikazzjoni sħiħa tiegħu. F’każ ta’ applikazzjoni mhux kompluta, l-amministratur tar-reġistru isaqsi lill-applikant biex jissupplimenta l-applikazzjoni fi żmien tmint ijiem. Jekk l-applikant jonqos milli jissupplimenta l-applikazzjoni fiż-żmien speċifiku stabbilit l-amministratur tar-reġistru jiċħad l-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni. Jista jiġi ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni mal-amministratur tar-reġistru fi żmien tmint ijiem mid-data ta’ notifika tad-deċiżjoni.
Reġistrazzjoni f’reġistri oħra:
- Reġistru ta’ kontijiet ta’ tranżazzjoni (reġistrazzjoni ta’ kontijiet ta’ tranżazzjonijiet)
- Reġistru ta’ titoli b'entrata fil-kotba, provduti mill-Korporazzjoni Ċentrali tal-Ikklerjar tat-Titoli (Centralna klirinško depotna družba d.d.- KDD)
- reġistru E-RISK (Reġistru tal-armi tan-nar, Reġistru tal-vetturi bil-mutur)
- Reġistru tad-Dgħajjes
- Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru
- Reġistru tad-drittijiet tal-awtur u tal-awturi, Reġistru tad-drittijiet u l-kumpens mir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet soġġetti għad-drittijiet tal-awtur, Reġistru ta ‘ xogħlijiet soġġetti għad-drittijiet tal-awtur, Reġistru ta’ xogħlijiet awdjoviżivi
- benefiċċji tal-pensjoni.
3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?
Reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet:
Ir-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli fir-Reġistru tal-Artijiet hija regolata mill-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet (Zakon o zemljiški knjigi) (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja, Nri 58/03, 37/08 – ZST-1, 45/08, 28/09, 25/11 u 14/15 – ZUUJFO).
Ir-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq propjetà immobbli fir-Reġistru tal-Artijiet ibbażata fuq id-deċiżjoni dwar il-wirt għandha effett dikjaratorju għaliex l-eredi akkwista d-dritt ta’ sjieda mal-mewt tat-testatur.
Ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet tagħti effett pubbliku lid-drittijiet. Dan ifisser li jekk id-dritt jinsab reġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet, ħadd ma jista’ jgħid li ma jafx bih.
Il-prinċipju ta’ fiduċja fir-Reġistru tal-Artijiet japplika wkoll. Persuna li isimha huwa mniżżel fir-Reġistru tal-Artijiet hija preżunta l-benefiċjarja (is-sid).
Reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali:
Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni hija regolata mill-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali tas-Slovenja (Zakon o poslovnem registru) (Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja, Nri 49/06, 33/07 – ZSReg-B u 19/15). Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali hija ta’ natura purament dikjaratorja. Eredi ma għandux għalfejn jistenna sakemm issir entrata fir-reġistru tal-qorti sabiex jakkwista l-istatus ta’ sieħeb, għaliex il-patrimonju tat-testatur, inkluż is-sehem fin-negozju, jiġi trasferit lill-eredi tiegħu ma’ mewtu.
Reġistrazzjoni f’reġistri oħra:
Fir-Reġistru tal-kontijiet ta' tranżazzjoni:
Ir-Reġistru tal-Kontijiet ta’ Tranżazzjoni (RTR) hija bażi tad-data unika kompjuterizzata dwar il-kontijiet ta’ tranżazzjoni u d-detenturi tagħhom, kemm jekk huma entitajiet tan-negozju kif ukoll persuni fiżiċi. Meta persuna ssir id-detentur ta’ kont ta’ tranżazzjoni, l-informazzjoni dwar il-kont tidħol fir-reġistru.
Fir-Reġistru tat-titolu b'entrata fil-kotba:
Id-detentur jakkwista titolu b'entrata fil-kotba meta t-titolu b'entrata fil-kotba jitniżżel fil-kont tad-detentur fir-reġistru ċentrali tat-titoli b'entrata fil-kotba.
Fir-reġistru E-RISK, ir-Reġistru tad-Dgħajjes u r-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru:
Ir-reġistru tal-vetturi rreġistrati fih l-informazzjoni kollha dwar vettura partikolari li trid tidher fuq iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, ir-reġistrazzjoni tagħha, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-vettura maħruġ, sid il-vettura jew il-persuna li fuq isimha hija rreġistrata l-vettura, l-ispezzjonijiet tekniċi, l-assigurazzjoni obbligatorja u informazzjoni oħra. L-entrata fir-reġistru tal-vetturi rreġistrati ma sservix ta’ pubblikazzjoni, għaliex dan ir-rekord mhux reġistru pubbliku. L-istess japplika għar-rekords ta’ armi tan-nar għall-użu ċivili (unitajiet amministrattivi jżommu rekords ta’ ċertifikati maħruġa għal armi tan-nar, filwaqt li l-ministeru responsabbli għall-affarijiet interni jżomm ir-reġistru ċentrali taċ-ċertifikati maħruġa għall-armi tan-nar, rekords tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa għan-negozjanti tal-armi tan-nar u operaturi ta’ poligoni tal-isparar. Min-naħa l-oħra, l-entrati fir-Reġistru tad-Dgħajjes u r-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru għandhom effett pubbliku.
Fir-Reġistru tax-xogħolijiet tad-drittijiet tal-awtur:
Entrata fir-reġistru toħloq preżunzjoni legali li l-awtur jew id-detentur ta’ drittijiet tal-awtur ta’ xogħol partikolari huwa dak li huwa mniżżel fir-reġistru sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor. Ir-reġistru huwa pubbliku.
Fir-Reġistru tal-Persuni Assigurati u l-Benefiċjarji ta’ Drittijiet Provduti b’Assigurazzjoni għall-Pensjoni u d-Diżabilità:
Ir-reġistru tal-persuni assigurati jinkludi: Ir-reġistru tal-benefiċjarji ta’ drittijiet mogħti mill-assigurazzjoni għall-pensjoni u d-diżabilità, ir-reġistru tal-pagamenti tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni, ir-reġistru ta’ persuni li jridu jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali obbligatorji u r-reġistru tal-perizji. L-Att li jirregola r-reġistru uffiċjali ma jistipulax li dan ir-reġistru huwa pubbliku u li r-reġistrazzjoni fih tati effett pubbliku.
4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?
Mhemmx regoli jew proċedura speċifika għall-adattazzjoni tad-drittijiet in rem fil-liġi nazzjonali.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.