1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?
Skont il-liġi Ġermaniża, il-proprjetà kollha tad-deċedut, jiġifieri d-drittijiet u l-obbligi kollha, jiġu trasferiti fuq il-werrieta malli jmut. Jekk il-persuna deċeduta tħalli l-patrimonju tagħha lil diversi werrieta, dan isir proprjetà konġunta tal-werrieta f’konformità mal-Artikolu 2032 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch). Ma jirriżultawx drittijiet in rem ġodda bis-saħħa tas-suċċessjoni. Legati u struzzjonijiet dwar id-diviżjoni tal-patrimonju mid-deċedut huma effettivi biss skont il-liġi tal-obbligi.
Madankollu, l-esperjenza mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni tal-UE wriet li l-limitazzjonijiet fuq id-dispożizzjonijiet b’mod partikolari jistgħu joħolqu problemi minħabba d-dispożizzjonijiet relatati mas-suċċessjoni proviżorja u tar-riverżjoni (Vor- und Nacherbfolge) fil-liġi Ġermaniża (l-Artikoli 2100 sa 2146 tal-Kodiċi Ċivili). Skont dan il-proċess, il-persuna deċeduta taħtar għadd ta’ werrieta suċċessivi, fejn persuna waħda (Nacherbe) issir werrieta taħt suċċessjoni sussegwenti biss wara li persuna oħra (Vorerbe) kienet il-werrieta qabel. Madankollu, il-werriet sussegwenti jakkwista l-aspettattiva (Anwartschaftsrecht) mal-mewt tal-persuna deċeduta. L-aspettattiva hija pożizzjoni legalment sigura li tirriżulta f’każijiet ta’ akkwist kopert minn diversi atti fejn l-ewwel benefiċjarju ma jibqax f’pożizzjoni li jkun jista’ unilateralment jipprevjeni li l-proprjetà tiġi akkwistata sussegwentement (Eigentumserwerb) mill-benefiċjarju l-ieħor. L-aspettattiva mhijiex regolata b’mod espliċitu mill-Kodiċi Ċivili. Għalhekk, minħabba l-lista eżawrjenti ta’ drittijiet in rem (numerus clausus fil-liġi tal-proprjetà), ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala dritt in rem. Madankollu, hija tabilħaqq tirrappreżenta dritt suġġettiv b’effett in rem.
Is-suċċessjoni proviżorja u s-suċċessjoni tar-riverżjoni għandhom bosta limitazzjonijiet u obbligi għall-werrieta proviżorji, b’mod partikolari limiti fuq is-setgħat ta’ disponiment tagħhom. Id-disponimenti tal-art ma humiex validi taħt suċċessjoni sussegwenti jekk jiksru d-drittijiet tal-werriet tar-riverżjoni (l-Artikolu 2113(1) tal-Kodiċi Ċivili). L-istess japplika għal disponimenti permezz ta’ donazzjonijiet (l-Artikolu 2113(2) tal-Kodiċi Ċivili). Madankollu, id-deċedut jista’ jeżenta lill-werriet proviżorju minn xi wħud minn dawn ir-restrizzjonijiet taħt disponiment ta’ proprjetà mal-mewt. L-“eredi proviżorju eżentat” imbagħad jista’ jbigħ il-proprjetà u juża l-qligħ. L-eżenzjoni mill-projbizzjoni ta’ donazzjonijiet skont l-Artikolu 2113(2) tal-Kodiċi Ċivili ma hijiex possibbli. Jekk il-proprjetà tinbiegħ, il-prezz tal-bejgħ għalhekk irid jikkorrispondi mal-valur tas-suq. Restrizzjonijiet fuq id-disponiment taħt suċċessjoni sussegwenti jridu jiddaħħlu fir-reġistru tal-artijiet Ġermaniż.
2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?
Skont il-liġi Ġermaniża, id-drittijiet kollha tad-deċedut jiġu trasferiti awtomatikament lill-werriet jew lill-werrieta konġunti mal-mewt tiegħu. Ma hemmx għalfejn li dawn id-drittijiet, u anke d-drittijiet li jeħtieġu reġistrazzjoni, jiddaħħlu f’reġistru għal dan il-għan. Sa fejn huma involuti drittijiet li jeħtieġu reġistrazzjoni, ir-reġistri rilevanti (ir-reġistru tal-artijiet, ir-reġistru tal-kumpaniji) ma jibqgħux preċiżi malli jiġi dovut il-wirt u jridu jiġu emendati. Għal dan il-għan, trid tingħata prova tas-suċċessjoni permezz ta’ strumenti uffiċjali jew awtentikati, jew inkella permezz ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Ċerti tranżazzjonijiet sussegwenti (pereż. piżijiet fuq art li tkun intirtet) jeħtieġu korrezzjoni permezz ta’ reġistrazzjoni tal-werriet jew tal-werrieta konġunti fir-reġistru tal-artijiet. Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kumpaniji ġeneralment ma hijiex prerekwiżit għall-validità ta’ tranżazzjonijiet sussegwenti, iżda hija sempliċement il-bażi għall-effett ta’ bona fide tar-reġistru.
Ir-restrizzjonijiet fuq id-disponiment marbuta mas-suċċessjoni proviżorja u s-suċċessjoni tar-riverżjoni, kif ukoll mal-aspettattiva tal-werriet tar-riverżjoni, jirriżultaw direttament ukoll mal-mewt tad-deċedut. Madankollu, is-suċċessjoni proviżorja u suċċessjoni tar-riverżjoni jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet sabiex jiġi evitat l-akkwist in bona fide mingħajr piżijiet minn partijiet terzi (ir-reġistrazzjoni tal-werrieta tar-riverżjoni, l-Artikolu 51 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet [Grundbuchordnung]). Kwalunkwe eżenzjoni tal-werriet proviżorju tiġi rreġistrata wkoll fir-reġistru tal-artijiet.
Jekk werrieta jew benefiċjarji individwali jkollhom pretensjoni (skont il-liġi dwar l-obbligi) fuq assi speċifiċi bil-liġi jew bid-disponiment ta’ proprjetà mal-mewt, is-sjieda ta’ dawn l-assi trid tiġi trasferita lilhom permezz ta’ kuntratt mal-werrieta u kwalunkwe dritt fuq proprjetà immobbli jrid jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet abbażi ta’ strumenti uffiċjali jew awtentikati jew ta’ Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni.
3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?
Ir-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem trasferiti lil werriet jew lil werrieta konġunti b’riżultat ta’ suċċessjoni hija sempliċiment dikjaratorja. Madankollu, hija tifforma l-bażi għall-bona fide ta’ terzi persuni u hija meħtieġa għal ċerti tranżazzjonijiet sussegwenti.
4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?
Id-drittijiet in rem mhux magħrufa skont il-liġi Ġermaniża ġeneralment huma adattati għal kunċett legali Ġermaniż simili skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 (ir-Regolament tal-UE dwar is-Suċċessjoni). Il-liġi Ġermaniża ma tipprevedix regoli proċedurali speċjali biex tadatta d-drittijiet in rem.