Skip to main content

Adattament ta’ drittijiet in rem

Flag of Latvia
Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

L-Artikolu 382 tal-Liġi Ċivili Latvjana (Civillikums) jipprevedi li l-patrimonju ta’ persuna deċeduta jinkludi d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-persuna deċeduta, inklużi d-drittijiet in rem (ħlief dawk id-drittijiet li huma ta’ natura purament personali, bħal servitujiet personali), u dawn id-drittijiet jingħaddu lill-werrieta mingħajr ebda limitazzjoni speċjali fil-każ ta’ suċċessjoni. Is-suċċessjoni fiha nnifisha ma toħloqx drittijiet ġodda in rem, iżda tagħti biss lill-werrieta d-dritt li jiksbu d-drittijiet in rem li kienu tal-persuna deċeduta.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Il-proprjetà immobbli u d-drittijiet konnessi magħha jiddaħħlu fir-Reġistru tal-Artijiet (Zemesgrāmata), filwaqt li l-proprjetà mobbli li trid tiġi rreġistrata tiddaħħal f’reġistri speċjali bħar-reġistru tal-vetturi jew tal-vapuri.

Il-proprjetajiet immobbli u d-drittijiet relatati jiddaħħlu fir-Reġistru tal-Artijiet. Ir-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli u l-korroborazzjoni tad-drittijiet in rem huma obbligatorji (l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar ir-Reġistri tal-Artijiet (Zemesgrāmatu likums)). Sabiex tiddaħħal proprjetà immobbli fir-Reġistru tal-Artijiet, persuna trid tippreżenta talba ta’ korroborazzjoni. Talba ta’ korroborazzjoni trid tkun akkumpanjata minn dokumenti li jagħtu prova tal-intitolament għad-drittijiet li għandhom jingħataw, flimkien ma’ informazzjoni dwar il-ħlas tat-tariffi, fejn it-talba ta’ korroborazzjoni ma jkunx fiha informazzjoni dwar il-pagament li jkun sar u l-iskop tal-pagament ma jindikax il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-parti rikjedenti, in-numru tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistru tal-artijiet tal-proprjetà immobbli jew in-numru tal-portafoll tar-reġistru tal-artijiet.

F’konformità mal-Artikolu 19 tal-Liġi dwar it-tniżżil tal-proprjetà immobbli fir-reġistri tal-artijiet (Par nekustamā īpašuma ierakstīšanu zemesgrāmatās likums) il-bini żgħir (minbarra l-garaxxijiet), iċ-ċnut, l-istrutturi lineari tal-inġinerija (minbarra l-istrutturi tat-trasport), l-istrutturi tat-trasport (akkwadotti, strutturi idrawliċi tal-inġinerija użati għall-irrigazzjoni u t-tkabbir tal-għelejjel, il-binarji u l-istrutturi tal-inġinerija li jiffurmaw parti mill-infrastruttura ferrovjarja) u l-istrutturi tal-inġinerija b’żona ta’ inqas minn 50 metru kwadru jew għoli ta’ inqas minn 10 metri ma għandhomx għalfejn jiddaħħlu fir-reġistru tal-artijiet bħala oġġetti ta’ proprjetà indipendenti.

Sabiex sid il-proprjetà jitniżżel fid-diversi reġistri speċjali l-oħra li fihom ikun hemm irreġistrati d-drittijiet rigwardanti l-oġġetti li għandhom jintirtu, il-werriet jissottometti lir-reġistru rilevanti d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-wirt ta’ assi jew dritt.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

Id-drittijiet in rem kollha jgħaddu lill-werrieta bis-saħħa tal-liġi u mhumiex soġġetti għad-dħul fir-reġistri, filwaqt li r-reġistrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet miksuba hija l-bażi għall-bona fede ta’ partijiet terzi u hija meħtieġa għal ċerti tranżazzjonijiet futuri.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Jekk il-kawża tas-suċċessjoni essenzjalment titmexxa fil-Latvja u tiġi applikata liġi barranija, li tirriżulta fis-suċċessjoni ta’ istituzzjoni legali mhux rikonoxxuta fil-Latvja, in-nutar li jwettaq il-każ ta’ suċċessjoni transfruntiera jipproċedi bl-adattament tad-drittijiet tas-suċċessjoni in rem.

Skont l-Artikolu 324.7 tal-Liġi dwar in-nutara (Notariāta likums), nutar ġuramentat li qiegħed, jew li kien kien qiegħed, imexxi l-proċeduri ta’ suċċessjoni transfruntiera inkwistjoni jista’ jipproċedi bl-adattament tad-drittijiet tas-suċċessjoni in rem fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 billi jfassal ċertifikat ta’ suċċessjoni jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jew billi jfassal supplimenti għaċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni jew għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

Bl-istess mod, l-adattament tad-drittijiet tas-suċċessjoni jista’ jsir ukoll skont il-Kapitolu 78.1 tal-Liġi Latvjana dwar il-proċedura ċivili (Civilprocesa likums) - “Adattament tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’deċiżjoni ta’ qorti barranija għall-eżekuzzjoni tagħha fil-Latvja”, l-Artikoli 651.1- 651.7) fuq talba tal-individwu kkonċernat.

Jekk deċiżjoni minn qorti barranija, b’mod sħiħ jew parzjali, ma jkollha ebda konsegwenza legali fil-Latvja peress li tistabbilixxi drittijiet u obbligi li ma humiex rikonoxxuti skont il-leġiżlazzjoni Latvjana, isir adattament tad-drittijiet u l-obbligi stipulati f’dik id-deċiżjoni minn qorti barranija għall-eżekuzzjoni fil-Latvja. Dan l-adattament isir biss fil-każijiet previsti fin-normi legali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew fil-ftehimiet internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika tal-Latvja. Id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’deċiżjoni minn qorti barranija għandhom jiġu adattati għall-eżekuzzjoni fil-Latvja sa fejn ikun possibbli billi jiġu aġġustati għall-istituzzjonijiet legali li huma rikonoxxuti skont il-leġiżlazzjoni Latvjana u li għandhom konsegwenzi legali, objettivi u finijiet ugwali. L-adattament tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f’deċiżjoni minn qorti barranija ma jistax iwassal għal konsegwenzi legali li jeċċedu l-konsegwenzi legali previsti fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż barrani inkwistjoni.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna