1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?
Id-drittijiet in rem (diritti reali) li jistgħu jirriżultaw minn suċċessjoni (suċċessione) skont id-dritt Taljan huma kif ġej: proprjetà (proprietà), użufrutt (usufrutto), nuda proprjetà / sjieda (nuda proprietà), okkupazzjoni (diritto di abitazione), kiri fit-tul (enfiteusi), drittijiet tal-wiċċ (superficie) u servitù (servitù).
2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?
Meta jkunu relatati ma’ proprjetà immobbli (beni immobili), dawn id-drittijiet jiġu rreġistrati fir-reġistri tal-artijiet (registri immobiliari) u fil-katast (catasto) (żewġ bażijiet tad-data separati), bl-eċċezzjoni tas-servitù, li huma rreġistrati biss fir-reġistri tal-artijiet u mhux fil-katast. F’xi provinċji li qabel kienu parti mill-Imperu Awstro-Ungeriż (Bolzano, Gorizia, Trieste) u ftit oqsma oħra, id-drittijiet huma rreġistrati f’reġistru tal-artijiet separat (libro fondiario) u fil-katast aktar milli fir-reġistru prinċipali tal-artijiet (anke f’dawn il-każijiet, is-servitù mhumiex irreġistrati fil-katast).
3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?
Ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli fir-reġistri tal-artijiet għandha, bil-liġi, l-effett li tagħmel id-drittijiet infurzabbli kontra terzi, filwaqt li għal żoni li fihom tapplika s-sistema separata tar-reġistru tal-artijiet, ir-reġistrazzjoni tindika l-akkwist ta’ proprjetà.
4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?
Le.