1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?
Il-prinċipju ta’ pussess legali japplika fin-Netherlands. Dan ifisser li l-werrieta jieħdu f’idejhom il-pożizzjoni ipso jure tal-persuna deċeduta. Is-sjieda tal-assi u tad-djun tal-patrimonju jiġu ttrasferiti taħt titolu universali lill-werrieta li jkunu aċċettaw is-suċċessjoni.
Il-pussess legali huwa rregolat fl-Artikolu 4:182 tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek) (BW).
L-Artikolu 4:182 tal-BW jipprevedi:
- Meta persuna tmut, il-werrieta għandhom jirtu ipso jure d-drittijiet trasferibbli, il-proprjetajiet u l-investimenti ta’ dik il-persuna. L-ewwel sentenza ma għandhiex tapplika meta l-patrimonju tal-persuna deċeduta jinqasam f’konformità mal-Artikolu 13. F’dak il-każ, il-konjuġi għandu jiret ipso jure l-proprjetajiet u l-investimenti tal-persuna deċeduta.
- Il-werrieta għandhom isiru d-debituri ipso jure tad-djun tal-persuna deċeduta li ma jkunux tħallsu fil-ħin tal-mewt. Meta l-ħlas ikun diviżibbli, kull wieħed minnhom għandu jkun responsabbli għal parti, ugwali għas-sehem tiegħu fil-wirt, sakemm ma jkunux responsabbli in solidum.
Jekk il-persuna deċeduta tħalli warajha konjuġi u minuri wieħed jew aktar u jkun hemm diviżjoni legali tal-patrimonju (wettelijke verdeling), il-konjuġi superstiti / is-sieħeb irreġistrat jieħu f’idejh l-assi u d-djun kollha u t-tfal jirċievu biss kreditu monetarju. Id-dixxendenti ma humiex responsabbli għad-djun tal-patrimonju. Huwa biss il-konjuġi superstiti/sieħeb irreġistrat li huwa responsabbli għad-djun.
Il-prinċipju ta’ pussess legali jfisser li l-ebda dritt ta’ proprjetà in rem jew dritt ta’ proprjetà ma joħroġ mis-suċċessjoni bħala tali. Il-patrimonju ma jikkostitwixxix assi separat fin-Netherlands. Ma tapplika l-ebda projbizzjoni fuq iċ-ċessjoni tal-assi tal-patrimonju, u l-patrimonju ma jistax jinqabad. Madankollu, il-qbid ta’ oġġetti mill-patrimonju fost il-werrieta huwa possibbli.
2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?
Billi l-patrimonju nnifsu ma huwiex assi separat, ma tinħoloq ebda reġistrazzjoni f’reġistru.
Iċ-Ċertifikat tas-Suċċessjoni jew iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, madankollu, jista’ jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet, ara l-Artikoli 27 u 27a tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet (Kadasterwet). Dan jagħti ċ-ċans lill-werrieta jgħarrfu li s-sid miet u li s-sjieda ġiet ittrasferita lilhom taħt titolu universali. Madankollu, ir-reġistrazzjoni ma hijiex rekwiżit kostituttiv. Anke mingħajr reġistrazzjoni, is-sjieda tiġi ttrasferita ipso jure. Jekk il-werrieta mbagħad jaqsmu l-assi mill-patrimonju, tkun meħtieġa kunsinna formali (levering). Din tikkostitwixxi trasferiment taħt titolu partikolari. Id-diviżjoni hija rregolata skont l-Artikolu 3:186 tal-BW.
L-Artikolu 3:186 tal-BW jipprevedi:
- Għat-trasferiment tal-porzjon allokat lil kull waħda mill-partijiet, il-kunsinna formali għandha tkun meħtieġa bl-istess mod kif previst għat-trasferiment.
- Il-porzjon miksub minn parti għandu jinżamm taħt l-istess titolu kif inżamm mill-partijiet flimkien qabel id-diviżjoni.
Għal kunsinna formali ta’ proprjetà immobbli jew drittijiet limitati fuq din il-proprjetà, l-Artikolu 3:89 tal-BW jirrikjedi att notarili, li jrid jiġi insinwat fir-reġistri pubbliċi.
L-Artikolu 3:89 tal-BW jipprevedi:
- Il-kunsinna formali meħtieġa għat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli għandha ssir permezz ta’ att notarili, ifformulat għal dan l-iskop bejn il-partijiet, segwit mir-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistri pubbliċi rilevanti. Kemm iċ-ċessjonarju kif ukoll iċ-ċedent jistgħu jirreġistraw l-att.
- L-att tal-kunsinna formali jrid jiddikjara b’mod preċiż it-titolu tat-trasferiment; il-kundizzjonijiet sekondarji li ma jikkonċernawx it-trasferiment jistgħu jitħallew barra mill-att.
- Meta persuna taġixxi bħala r-rappreżentant awtorizzat ta’ waħda mill-partijiet fir-rigward ta’ att ta’ kunsinna formali, il-prokura trid tiġi speċifikata fl-att.
- Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kunsinna formali meħtieġa għat-trasferiment ta’ proprjetà rreġistrata oħra.
3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?
Ara hawn fuq.
4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?
Le, ma hemm l-ebda rekwiżit speċifiku fil-BW jew fl-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet.