QORTI TAL-APPELL
IMĦALLFIN
S.T.O. PRIM IMĦALLEF MARK CHETCUTI
ONOR. IMĦALLEF JOSEPH R. MICALLEF
ONOR. IMĦALLEF TONIO MALLIA
Seduta ta’ nhar l-Erbgħa, 28 ta’ April, 2021.
Numru 1
Rikors numru 710/12/2 JPG
Charles u Carmen konjugi Azzopardi
v.
J.C.R Limited (C6029)
Il-Qorti:
1. Rat ir-rikors ġuramentat li ressqu l-atturi fit-13 ta’ Lulju, 2012, u li
jaqra hekk:
“Jesponu riverentement u bil-ġurament tagħhom jikkonfermaw li jafu
personalment is-segwenti;
“1. Illi s-soċjeta` intimata ġiet inkarigata mir-rikorrenti sabiex
tissuplixxi u tqiegħed fil-fond tar-rikorrenti 13, Pixxispada, J. Kepler
Street, Mellieħa membrane likwidu għat-terrazzin madwar il-‘pool area’
kif ukoll għal livell tal-bejt u tapit artifiċjali għal madwar il-‘pool area’.
App. Ċiv. 710/12/2
2
“2. Illi xi żmien wara li s-soċjeta` intimata lestiet ix-xogħlijiet, bdew
jidhru xquq u ‘blistering’ fil-membrane u meta qalu lis-soċjeta intimata,
din ipprovat tirrimedja billi għamlet xi xogħlijiet ta’ riparazzjoni, pero` l-
‘blistering’ reġa’ tfaċċa, tant li l-problema kibret u skond pariri
professjonali li ħadu l-atturi l-membrane għandu jiġi kompletament
mibdul;
“3. Illi dan il-‘blistering’ u xquq ossia difetti ma kienux visibbli meta
tqiegħed il-membrane u t-tapit artifiċjali u ħarġu biss wara t-tqegħid u
saru progressivament aktar evidenti;
“4. Illi kull tentattiv tas-soċjeta` intimata biex tirrimedja kien inutli;
“5. Illi għalhekk jirriżulta li l-membrane likwidu mertu ta’ din il-vertenza
kien milqut minn difetti serji li ma kienux viżibbli fil-mument tat-tqegħid
fil-post u/jew ix-xogħlijiet ta’ tqegħid ma sarux skond is-sengħa u l-arti;
“6. Illi fiż-żewġ ipotesi deskritti fil-paragrafu 6 ta’ dan ir-rikors
ġuramentat, is-soċjeta` intimata hija responsabbli sabiex tirreintegra lirrikorrenti;
“7. Illi minkejja diversi interpellazzjonijiet inkluż ittra bonarja datata 5
ta’ Jannar 2011 (hawn annessa u mmarkata bħala Dokument A), f’dan
is-sens, is-soċjeta` intimata baqgħet ma offrietx rimedju sodisfaċjenti u
għaldaqstant r-rikorrenti ma kellhomx triq oħra għajr li jipproċedu b’din
il-kawża.
“Għaldaqstant jitolbu bir-rispett r-rikorrenti lil din l-Onorabbli Qorti
sabiex jogħġobha tiddeċiedi din il-kawża billi salv kwalsiasi
dikjarazzjoni opportuna u meħtieġa:
“1. Tiddikjara illi l-membrane likwidu supplit u mqiegħed mis-soċjeta`
intimata fil-fond tar-rikorrenti 13, Pixxispada, J. Kepler Street, Mellieħa
ma kienx tal-kwalita` pattwita u/jew kienet affetta minn difetti moħbija li
kieku r-rikorrent kien jaf dwarhom ma kienx jixtriħ;
“2. Tirrexxindi l-kuntratt li permezz tiegħu ġie supplit il-membrane in
kwistjoni u tordna ir-reintegrazzjoni tar-rikorrenti fil-mument li kienu
jinsabu immedjatament qabel ma ġie konkjuż il-kuntratt;
“3. Alternattivament tiddikjara li x-xogħlijiet imwettqa mis-soċjeta`
intimata ma kienux skond is-sengħa u l-arti u huma tali li jistgħu jiġu
rifjutatu mir-rikorrenti;
“4. Tiddikjara konsegwentement għat-talba numru 3 li s-soċjeta`
intimata kkaġunat danni lir-rikorrenti meta naqqsu li jadempixxu
fedelment l-obbligi tagħhom fil-konfront tar-rikorrenti u filwaqt li tillikwida
l-istess danni, tordna l-ħlas tal-istess bl-imgħaxijiet mid-data talpreżentata ta’ dan ir-rikors ġuramentat;
App. Ċiv. 710/12/2
3
“5. F’każ li jirriżulta li s-soċjeta` intimata kienet a konnoxxenza taddifetti msemmija qabel ma tqiegħed il-membrane likwidu fil-post,
tikkundanna lis-soċjeta` intimata tħallas kull dannu ulterjuri permissibbli
skond il-liġi;
“Bl-ispejjeż tal-preżenti inklużi dawk tal-ittra bonarja mibgħuta qabel ilpresentata ta’ dan ir-rikors ġuramentat u ta’ kull att kawtelatorju
ppreżentat fil-mori ta’ din il-kawża;
“B’riserva ta’ kull azzjoni ulterjuri spettanti lir-rikorrenti naxxenti mill-fatti
deskritti f’dan ir-rikors ġuramentat;”
2. Rat ir-risposta ġuramentata tas-soċjeta` konvenuta li in forza tagħha
eċċepiet illi:
“1. Illi prelimarjament l-atturi jridu jiċċaraw l-azzjoni konfuża tagħhom
u jispeċifikaw liema azzjoni qiegħdin jeżerċitaw bil-kawża minhom
promossa, u ċioe` waħda mis-segwenti:
“i) azzjoni bbażata fuq il-garanzija tal-bejgħ, senjatament dika
bażata fuq difetti okkulti;
“ii) azzjoni ibbażata fuq kwalita mhux patwita;
“iii) azzjoni ibbażata fuq kuntratt ta’ appalt allegatament konkluż bejn
il-kontendenti.
“Fi kwalunkwe każ huwa paċifiku li l-azzjonijiet fuq indikati, kollha
imsemmija fil-kawża attriċi, ma jistgħux jiġu promossi kumuluttivament.
“2. Illi mingħajr preġudizzju għas-suespost;
i) għal dak li jirrigwarda l-azzjoni ibbażata fuq difetti okkulti it-talba
attriċi hija perenta ai termini tal-artikolu 1431 tal-Kapitolu 16 talLiġijiet ta’ Malta;
ii) ghal dak li jirrigwarda l-azzjoni attriċi bbażata fuq nuqqas ta’
kwalita` patwita l-azzjoni hija perenta ai termini tal-artikolu 1407 talKapitolu 16 tal-Liġijiet ta’ Malta; u
iii) għal dak li jirrigwarda l-azzjoni attriċi ibbażata fuq l-appalt l-azzjoni
hija preskritta a tenur tal-artikolu 2149 (a) tal-Kapitolu 16 tal-Liġijiet
ta’ Malta.
“3. Illi s-soċjeta` esponenti biegħet biss membrane likwidu lill-atturi,
u ma huwiex minnu li hija ħadet ħsieb l-installazjoni tal-istess
App. Ċiv. 710/12/2
4
membrane likwidu jew tapit artifiċjali għal madwar il-pool area.
Għaldaqstant it-talbiet attriċi kollha imsejsa fuq il-kuntratt ta’ appalt
għandhom jiġu mill-ewwel miċħuda.
“4. Illi l-anqas ma huwa minnu li s-soċjeta` esponenti eżegwiet
xogħolijiet ta’ riparazzjoni kif allegat mill-atturi.
“5. Illi ma huwiex minnu li l-membrane likwidu kien aflitt minn difetti
okkulti. Fi kwalunkwe każ jispetta lill-atturi iressqu prova konklussiva
tal-allegati difetti.
“6. Illi jekk ix-xogħolijiet ta’ tqegħid tal-membrane likwidu ma sarx
skond is-sengħa u l-arti żgur li taħti xejn is-soċjeta` esponenti, li kif rajna
ma kellha assolutament xejn x’taqsam mal-applikazzjoni tal-istess
membrane likwidu. Fil-fatt ir-rapport tal-Perit Ruben Sciortino eżebit
bħala Dok. B maċ-ċitazzjoni attriċi jgħid espressament illi l-problemi li
rriżultaw fil-membrane setgħu irriżultaw minn “bad workmanship (bad
mixing and laying)”.
“7. Illi għal dak li jirrigwarda l-allegata defiċjenza fil-kwalita` patwita,
l-atturi għandhom fl-ewwel jispeċifikaw fuq liema kwalita` imwiegħda
qiegħdin isejsu t-talba tagħhom. Jiġi rilevat ukoll illi mal-akkwist talliquid membrane (u saħansitra anke meta saritilhom il-quotation
relattiva) l-atturi kienu fil-pussess tat-technical specification sheet
relattiva.
“8. Illi mingħajr preġudizzju għas-suespost l-esponenti ma tista` taħt
l-ebda ċirkustanza tiġi legalment ikkundannata tħallas danni lill-atturi.
“9. Illi fi kwalunkwe każ, u mingħajr preġudizzju għall-premess, latturi għandhom jipprovaw id-danni li allegatament inkorrew.”
3. Rat is-sentenza li tat il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-11 ta’ April, 2016,
li in forza tagħha ddeċidiet il-kawża billi:
“tilqa’ t-tieni eċċezzjoni tas-soċjeta` ntimata, tiddikjara illi l-azzjoni tarrikorrenti hija preskritta ai termini tal-Artikolu 1407 tal-Kodiċi Ċivili u
konsegwentement tastjeni milli tieħu konjizzjoni tat-talbiet u
eċċezzjonijiet ulterjuri tal-kontendenti.
“Bl-ispejjeż kontra r-rikorrenti.”
4. Dik il-Qorti tat is-sentenza tagħha wara li għamlet is-segwenti
konsiderazzjonijiet:
App. Ċiv. 710/12/2
5
“Ikkonsidrat:
“Carmela Azzopardi xehdet a fol 29a-g illi hija kienet qiegħda filproċess li tibni l-proprjeta tagħha u meta waslet biex tagħmel il-bejt, fissena 2008, kienet marret għand is-soċjeta ntimata biex tistaqsi
x'għandhom bħala prodotti għal membrane u waterproofing u
informazzjoni oħra rigward dawn il-prodotti, pre eżempju rigward ilgaranzija u kemm idumu jservu minħabba x-xemx u s-silġ. Hi stqarret
magħhom li ma kienetx tifhem f'dawn il-prodotti u talbet li tingħata lprodott adattat għal bżonnijiet tagħha. Qalulha biex tħalli f'idejhom u
sussegwentement bagħtulha stima. Hija aċċettat din l-istima, u kienet
intalbet depożitu.
“Qalet li hija kienet staqsiet lis-soċjeta ntimata min kien ser jagħmel ixxogħolijiet, u qalulha biex tħalli f'idejhom għaliex kienu ser iqabbdu lil xi
ħadd espert huma, u hi aċċettat peress li ma kienx tifhem fil-prodott. Ilpersuna li kienet marret għandha biex tagħmel dawn ix-xogħolijiet kien
ċertu Leli, li kien qiegħed il-materjal fuq id-deck u l-pool u fuq il-bejt.
Qalet illi Karmenu, rappreżentant tas-soċjeta ntimata, tkellem ma' Leli
u ftiehem miegħu, kif kellu jitħallat u jitqiegħed il-materjal.
“Kompliet li wara tliet ġimgħat kienet marret fuq il-bejt biex tiċċekja lprodott kif inhu, u rat ħafna bżieżaq u għalhekk ċemplet lil Karmenu.
Huwa qalilha li dan ma kien xejn u li kien ser imur jirranġaħ, u dan filfatt
kien sar minn Leli fil-preżenza ta' Karmenu. Pero xi tliet ġimgħat jew
xahar wara, reġgħu bdew telgħin il-bżieżaq, fuq l-istess parti u anke
f'ħafna bnadi oħrajn. Hija reġgħat ċemplet lil Karmenu. Qalet li kien
hemm diversi laqgħat bejna u bejn Karmenu biex jaslu għal ftehim
bonarju, li eventwalment kien offrilha somma ta' tlett elef Ewro bħala
kumpens tal-materjal iżda hi ma aċċettatx. Qalet li dawn in-negozjati
kienu damu iżjed minn sena u nofs.
“In kontro-eżami a fol 29g-o xehdet illi hi ma ħallsitx lill-ħaddiem għaliex
mhux hi qabbditu, iżda ma kienitx taf min ħallsu. Hi ħallset kont wieħed,
ta' Karmenu Attard, biss. Il-ħaddiem, Leli, ma kienx ħareġ kont.
Mistqosija jekk qattx talabha ħlas, wieġbet illi iva darba kien talabha u
hi wieġbitu “min qabbdek għax ix-xogħol ħażin.” Qalet illi lil Leli kienet
ilha tafu mit-2006 għaliex kien għamilha l-madum, pero għat-tqiegħed
tal-membrane Karmenu kien qabbdu mhux hi, għaliex sa fejn kienet taf
hi Leli fit-tqiegħed tal-madum kien jifhem. Hija ikkonfermat li fl-invoices
imkien ma hemm prezz għat-tqiegħed tal-membrane.
“Murija pamphlet, ma ftakritx li kienet ġiet murija dokument simili meta
xtrat il-prodott. Mistoqsija jekk hijiex żgura illi intużat il-membrane
supplita mis-soċjeta rikorrenti, qalet illi ma tafx.
“Manuel Mifsud xehed a fol 48 – 53 xehed illi huwa kien għamel
xogħolijiet ta' tqiegħed ta' membrane fuq il-bejt u d-deck area talproprjeta tar-rikorrent. Mistoqsi mill-Qorti min kien qabbdu biex jagħmel
App. Ċiv. 710/12/2
6
dan ix-xogħol wieġeb “Il-klijenta marret isaqsi għall-prodott u minn fejn
marret issaqsi għall-prodott qallha dak aħna nagħmlu, qallha, għandek
min jagħmilulek? U kien jaf li hemm jien naħdem għandha. Qallha, dak
mela moħħi mistrieħ minnu. Jaf jagħmlu għax speċi aħna xbajna
nagħmluh.”
“Mistoqsi min kien ġablu il-prodott, wieġeb illi l-prodott kien intbgħat
mis-soċjeta ntimata fuq il-post. Kien hemm komunikazzjoni bejnu u bejn
is-soċjeta ntimata rigward kif jitħallat il-prodott u kif jinħadem, u qablu
għaliex hu kien ħadem dan il-prodott kemm -il darba. Qal illi l-prodott
ma jafx x'jismu bl-amment, iżda li jħallat xkora materjal ma gallun
likwidu speċjali. Muri Dok CAX13 a fol 42 ftakar illi l-prodott jismu Sicav
Floor. Huwa qal li l-prodott kien xtraħ mingħand 'Nenu' illi huwa għaraf
bħala rappreżentant tas-soċjeta’ intimata fl-awla.
“Xehed illi xi xahar wara li kien għamel dan ix-xogħol kien mar biex
jitħallas mingħand ir-rikorrenti qaltlu li hi ma kienetx ser tħallsu għaliex
il-materjal kien qed jitfarrak. Għalhekk kien mar jaraħ u sab illi l-materjal
kien qed itella l-bżieżaq, jinqasmu u jitfarrak. Għalhekk mar ikellem lil
Nenu, li qallu li kien ser jagħtih ftit materjal u mar lura għand ir-rikorrenti
biex jirranġaħ. Pero` baqa jkompli jitla u jinqala, u iktar ma jgħaddi żżmien iktar beda jitfarrak u jinqala. Mistqosi x'kienet ir-reazzjoni ta'
Nenu meta qallu b'din il-problema wieġeb illi Nenu kien issugerixxa li
kien ħadmu ħażin.
“In kontro-eżami a fol 53 – 56 xehed illi huwa ma kienx mar marrikorrenti meta marret tixtri l-prodott. Mistoqsi jekk kienetx hi li inkarigatu
biex jagħmel ix-xogħol wieġeb illi iva kienet ir-rikorrenti li inkarigatu,
pero bil-kunsens ta' Nenu għaliex Nenu kien jaf li jagħmel dan ixxogħol. Mistqosi jekk rax l-instruction sheet li kien hemm mal-prodott u
jekk ħadimx skont din l-instruction wieġeb fl-affermattiv apparti minn
hekk kien staqsa lil Nenu u ħadem eżatt kif qallu hu.
“Carmel Attard xehed a fol 83 – 86 illi huwa wieħed mid-diretturi tassoċjeta ntimata u li lir-rikorrenti kien biegħilhom grey elasto li huwa
materjal biex isir waterproofing fuq il-bejt u d-deck area madwar il-pool.
Kienet is-Sinjura Azzopardi stess li marret għandhom u hu kien
issuġerilha dan il-materjal u ta data sheet li tinsab eżebita a Fol 45 biex
titkellem mal-perit tagħha, kif ukoll il-prezzijiet. Ftit tal-jiem wara kienet
marret, u kienu innegozzjaw fuq il-prezz. Kienet staqsietu jekk ikunx
lest illi jispjega lill-ħaddiem kif jaħdem b'dan il-prodott u huwa kien
wieġeb fl-affermattiv, u kien wasslulha l-materjal id-dar. Xi jiem wara
kien mar biex jispjega lill-ħaddiem kif juża l-prodott.
“Kompla illi huwa kienu provdew lir-rikorrenti bil-prodott biss, u lħaddiem kien inkarigat dirett minnhom u kellhom iħallsuh huma.
Filfatt ir-rikorrenti lilu ħallsuh biss tal-prodott. Mistoqsi jekk qatt tkellimx
mal-perit tar-rikorrenti, qabel jew wara li sar ix-xogħol wieġeb finnegattiv.
App. Ċiv. 710/12/2
7
“Ikkonsidrat;
“Fin-nota ta' sottomissjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti issottomettew illi lazzjoni tagħhom m'hijiex ibbażata fuq l-ebda artikolu tal-Kodiċi Ċivili
iżda hija filfatt ibbażata fuq l-Att Dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur,
senjatament fuq l-Artikolu 73 tal-istess Att, u li għalhekk l-azzjoni tarrikorrenti m'hijiex preskritta ai termini tal-Artikolu 78 ta' dan l-Att.
“Il-Qorti tibda billi tikkonsidra is-sottomissjoni responiva tas-soċjeta
ntimata illi l-azzjoni tar-rikorrenti ma tistax tkun ibbażata fuq l-Att Dwar
l-Affarijiet tal-Konsumatur peress illi skont l-Artikolu 20, iddisposizzjoniet ta' dan l-Att m'humiex applikabbli fejn it-talba attriċi
teċċedi s-somma ta' €3,500.
“Skont l-ewwel sub-inċiż tal-Artikolu 20 tal-Kapitolu 378:
“Tribunal ikollu ġurisdizzjoni li jisma’ u jaqta’ talbiet magħmula minn
konsumaturi kontra kummerċjanti meta l-valur tat-talba, minbarra limgħax u l-ispejjeż, ma jkunx aktar minn tliet elef u ħames mitt euro
(€3,500), u meta t-talba jkollha x’taqsam ma’, toħroġ minn jew tkun
dwar, sew direttament sew indirettament - (a) ix-xiri jew kiri minn
konsumatur ta’ oġġetti mingħand kummerċjant; (b) l-għoti ta’ servizzi
minn kummerċjant lil konsumatur.”
“Relevanti wkoll pero huwa t-tieni sub-inċiż tal-istess Artikolu, illi
jipprovdi b'mod espress u espliċitu illi t-Tribunal għal Talbiet talKonsumaturi mwaqqaf b'dan l-Att m'għandux gurisidizzjoni
esklussiva:
“Il-ġurisdizzjoni ta’ tribunal ma għandhiex tkun waħda esklussiva, u lgħażla tkun f’idejn il-konsumatur dwar jekk għandux iġib azzjoni kontra
kummerċjant quddiem tribunal jew quddiem il-qrati ordinarji...”
“Minn qari ta' dan l-Artikolu il-Qorti tqis illi s-sottomissjonijiet tas-soċjeta
ntimata f'dan ir-rigward huma nfondati. Huwa ċ-ċar li l-limitu ta' €3,500
huwa applikabbli biss fil-konfront tat-Tribunal għal Talbiet talKonsumaturi, u mhux fir-rigward tal-qrati ordinarji.
“Jidher anzi illi l-Kapitolu 375 jagħti diskrezzjoni wiesgħa lill-konsumatur
biex jagħżel hu il-mezz l-iktar idoneju biex jikseb rimedju għall-ilment
tiegħu, billi jagħtih fakulta illi jressaq l-ilment tiegħu permezz ta' mezzi
alternattivi għar-riżoluzzjoni ta' tilwim (alternative dispute resolution),
billi jressaq l-ilment quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi,
jew billi jintavola azzjoni quddiem il-qrati ordinarji. Dan il-Kapitolu
jillimita l-gurisdizzjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi għal
talbiet li ma jeċċedux is-somma ta' €3,500, iżda fl-istess nifs jagħmilha
ċara illi l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal ma teskludix il-ġurisdizzjoni tal-qrati
ordinarji. Fl-ebda mument ma jgħid il-leġislatur illi l-ġurisdizzjoni tal-qrati
ordinarji superjuri qed tiġi eskluża; dak li jirriżulta mill-liġi huwa illi lġurisdizzjoni tal-qrati ordinarji, mingħajr distinzjoni bejn dawk inferjuri u
superjuri, m'hijiex eskluża bil-ġurisdizzjoni tat-Tribunal. Minn qari ta'
App. Ċiv. 710/12/2
8
dan l-Att ma jidhirx illi l-leġislatur ried jillimita l-estent tal-protezzjoni għal
konsumatur ta' dan l-att għal dawk l-ilmenti illi ma jeċċedux il-valur ta'
€3,500, iżda illi ried biss jillimita l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għal Talbiet
tal-Konsumaturi. Għalhekk, b'applikazzjoni tal-prinċipju ubi lex voluit
dixit, il-Qorti tqis illi s-sottomissjoniet tas-soċjeta ntimata fir-rigward talkompetenza tal-qrati ordinarji superjuri sabiex jisimgħu azzjonijiet
ibbażati fuq l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi huma nfondati.
“Ċioe nonostate, minn qari tar-rikors ġuramentat il-Qorti tqis fondat largument tas-soċjeta ntimata illi l-azzjoni tar-rikorrenti ma hijiex u ma
tistax tkun ibbażata fuq il-Kapitolu 375. Il-lingwaġġ użat mir-rikorrenti
fir-rikors promotur tagħhom juri biċ-ċar illi l-azzjoni tagħhom hija
bbażata fuq il-Kodiċi Ċivili u mhux fuq l-Att dwar l-Affarijiet talKonsumaturi. Filwaqt illi l-Kodiċi Ċivili jitkellem rigward kwalita pattwita
u difetti moħbija, il-Kapitolu 375 jitkellem dwar oġġetti li jkunu
“...konformi mad-deskrizzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet fil-kuntratt talbejgħ...”; “...adattati għall-iskop partikolari li għalih il-konsumatur ikun
jeħtieġhom u li jkun għarraf bihom lill-kummerċjant meta kien qed
jagħmel il-kuntratt”; “...adattati għall-iskop li għalih oġġetti tal-istess tip
normalment jintużaw”; u “...juru l-kwalità u l-kapaċità li huma normali
f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna.”
“Fil-każ odjern, ir-rikorrenti ma intavolawx din l-azzjoni għaliex il-prodott
mibjugħ lilhom mis-soċjeta ntimata ma kienx konformi mad-deskrizzjoni
fil-kuntratt tal-bejgħ, jew għaliex ma kienx adattat għal-iskop partikolari
jew li għalih normalment jintuża l-oġġett, jew li ma weriex il-kwalita u lkapaċita li huma normali u li r-rikorrenti bħala konsumaturi setgħu
raġonevolment jistennew. Minflok, kif jidher mid-diċitura tar-rikors
tagħhom, l-atturi bbażaw din il-kawża fuq difett moħbi u/jew
nuqqas ta' kwalita moħbija, kawżali estranei għal Kapitolu 375.
“Għalkemm ir-rikorrenti kellhom kull dritt illi jintavolaw l-azzjoni tagħhom
ai termini tal-Kapitolu 375, ma kellhomx dritt illi jibdlu għal kollox issura tal-azzjoni tagħhom fin-nota ta' sottomissjonijiet. Ma jkunx
ġust fil-konfront tas-soċjeta ntimata jekk din il-Qorti tippermetti lirrikorrenti jibdlu l-indoli tal-azzjoni proprju fl-aħħar minuta mingħajr lebda pre-avviż lis-soċjeta ntimata li għandha dritt fondamentali għallequality of arms f’litigazzjoni. Galadarba ir-rikorrenti għażlu li jistitwixxu
l-azzjoni tagħhom fuq id-dettami tal-Kodiċi Ċivili, ma jistgħux issa
jinvokaw korp ta' liġi ieħor; semmai messhom talbu permess lil Qorti
sabiex jagħmlu korrezzjoni fl-att promotur biex b'hekk is-soċjeta ntimata
kien ikollha ċ-ċans illi tirrispondi, u jekk jingħata permess għal
korrezzjoni, illi tiddefendi ruħha kontra din il-pretensjoni tar-rikorrenti.
“Għalhekk il-Qorti tqis illi is-sottomissjoni tar-rikorrenti illi l-azzjoni
tagħhom hija bbażata fuq il-Kapitolu 375 u mhux fuq il-Kodiċi Ċivili
huma insostenibbli.
“Ikkonsidrat;
App. Ċiv. 710/12/2
9
“Is-soċjeta ntimata eċċepiet preliminarjament illi l-azzjoni tar-rikorrenti
hija waħda konfuża, peress illi r-rikorrenti ipproponew l-azzjoni
tagħhom ibbażat fuq difett moħbi, kif ukoll nuqqas ta' kwalita pattwita,
liema kawżali ma joqogħdux flimkien.
“Kif ġie kostantament ritenut fil-ġurisprudenza tal-Qrati tagħna, iż-żewġ
azzjonijiet proposti mir-rikorrenti jittrattaw żewġ tipi ta’ azzjonijiet ben
differenti u distinti minn xulxin, u ma humiex konfondibbli. Fil-fatt, lazzjoni redhibitoria tagħti garanzija lix-xerrej għal difett latenti jew
moħbi eżistenti fil-mument tal-bejgħ fl-oġġett mertu tal-bejgħ u xiri,
mentri min-naħa l-oħra l-azzjoni abbażi tal-artikolu 1390 titratta dwar ilfatt li l-oġġett mertu tal-bejgħ ma jkunx skond kif miftiehem jew pattwit,
li ovvjament ma jimportax u ma jfissirx li tali oġġett ikun fih xi difett.1
Dawn iż-żewġ kawżali ma joqgħodux flimkien, u dan sewwasew
minħabba l-kawżali inerenti għal kull waħda minnhom, u kif ukoll għarrimedji partikolari mogħtija lix-xerrej taħt kull waħda.2
“Għalhekk huwa meħtieġ illi wieħed iqis sewwa x'inhi n-natura talazzjoni proposta mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti bnew l-azzjoni tagħhom
għar-rexissjoni tal-kuntratt ta' bejgħ minħabba illi l-prodott 'ma kienx talkwalita pattwita u/jew kien[et] affet[a] minn difetti moħbija li kieku rrikorrent kien jaf dwarhom ma kienx jixtrih.” Dan il-kliem jagħti lil din
il-Qorti x'tifhem illi r-rikorrenti qed jgħidu li ġew indotti fi żball ta'
sustanza dwar il-ħaġa mixtrija u li jagħtihom il-jedd jitolbu l-ħall talkuntratt. Il-Qorti tqis għalhekk illi l-vera bażi tal-azzjoni rikorrenti hija lazzjoni kuntrattwali u mhux dik edilizja, jew kif ukoll magħrufa, l-azzjoni
tal-garanzija.
“Il-Qorti hija wkoll tal-fehma illi l-azzjoni tar-rikorrenti ma tistax tkun
ibbażata fuq appalt, peress illi ma tressqux provi suffiċjenti quddiem din
il-Qorti biex jistabilixxu l-eżistenza ta' appalt. Għalkemm Azzopardi
xehdet illi kienet is-soċjeta ntimata illi ingaġġat lil ħaddiem li qiegħed ilmembrane in kwistjoni, din ix-xhieda ġiet kontradetta mhux biss mirrappreżentant tas-soċjeta ntimata, iżda anke mill-ħaddiem stess u ċioe
Manuel Mifsud li mistoqsi min kien qabbdu biex jagħmel ix-xogħol in
kwistjoni wieġeb illi kienu ir-rikorrenti li inkarigawħ. Fin-nuqqas tależistenza ta' kuntratt ta' appalt, l-azzjoni tar-rikorrenti żgur li ma tistax
tiġi msejsa fuq il-kuntratt ta' appalt.
“Din l-eċċezzjoni tas-soċjeta ntimata qiegħda għalhekk tiġi milqugħa, u
l-Qorti qed tqis illi din l-azzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 1390 tal-Kodiċi
Ċivili.
“Ikkonsidrat;
1 Reuben Briffa et v. Joseph Mallia et, Prim'Awla tal-Qorti Civili deciza 28 ta' Frar 2002.
2 Vitafoam Limited v. Kosmipharma Imports Limited, Prim'Awla tal-Qorti Civili deciza 26
ta' Gunju 2003.
App. Ċiv. 710/12/2
10
“Is-soċjeta ntimata eċċepiet illi l-azzjoni tar-rikorrenti, jekk ibbażata fuq
nuqqas ta' kwalita pattwita, l-azzjoni hija perenta ai termini tal-Artikolu
1407 tal-Kodiċi Ċivili.
“Skont l-Artikolu 1407 tal-Kodiċi Ċivili:
“L-azzjoni li tmiss lill-bejjiegħ għaż-żieda tal-prezz, u dik li tmiss
lix-xerrej għat-tnaqqis tal-prezz jew biex jerġa’ lura mill-kuntratt,
tintilef egħluq sentejn minn dak in-nhar tal-kuntratt.”
“Mill-provi prodotti jirriżulta illi l-bejgħ tal-materjal sar bejn Marzu u
Awissu tas-sena 2008 kif jidher mid-dokumenti a fol 30–39. Ir-rikors
ġuramentat ġie preżentat mir-rikorrenti fit-13 ta' Lulju 2012. Carmen
Azzopardi xehdet illi bejn l-2008 u l-2012 il-partijiet kien qiegħdin
f'diskussjonijiet u negozjati sabiex jipprova jitransigu l-kwistjoni
bonarjament.
“Huwa paċifikament ritenut fil-ġurisprudenza pero illi n-negozjati jew
trattattivi li jsiru bejn iż-żewġ kontraenti waqt id-dekors taż-żmien biex
jirranġaw jew jirriżolvu l-kwestjoni ma jistgħax ikollhom effikaċja
interruttiva, u kif ukoll illi l-offerti li jsiru in linea ta' transazzjoni ma
għandhomx l-effikaċja ta' rikonoxximent tad-dejn, għaliex proposti simili
jsiru mingħajr preġudizzju tad-drittijiet rispettivi tal-kontendenti.3
“Ghalhekk jirriżulta ċar mill-provi prodotti illi t-tieni eċċezzjoni tassoċjeta ntimata hija fondata u l-azzjoni tar-rikorrenti hija preskritta ai
termini tal-Artikolu 1407 tal-Kodiċi Ċivili.”
5. Rat ir-rikors tal-appell tal-atturi li in forza tieghu, għar-raġunijiet
minnhom premessi, talbu li din il-Qorti jogħġobha:
“Tħassar u tirrevoka s-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili tal-11 ta’
April, 2016 li biha laqgħet it-tieni eċċezzjoni tal-intimata appellata billi
tiċħad l-istess u konsegwentement tirrinvija l-atti lura lill-Ewwel
Onorabbli Qorti sabiex b’hekk tiġi deċiża l-kawża fil-mertu, bl-ispejjeż
taż-żewġ istanzi kontra l-intimata appellata.”
6. Rat ir-risposta tas-soċjeta` konvenuta li, għar-raġunijiet minnha
premessi, tissottometti li s-sentenza hija ġusta u timmerita konferma;
3 Martin Mizzi v. Joseph Camilleri, Qorti tal-Appell Civili deciz 20 ta' Ottubru 2004.
App. Ċiv. 710/12/2
11
7. Semgħet lid-difensuri tal-partijiet;
8. Rat l-atti kollha tal-kawża u d-dokumenti esebiti;
Ikkunsidrat;
9. Illi f’din il-kawża jirriżulta li l-atturi ordnaw it-tqegħid ta’ membrane
likwidu għat-terrazzin madwar il-pool area u l-bejt tal-fond tagħhom
ġewwa l-Mellieħa. Jidher li x-xogħol ma tax ir-riżultat mixtieq peress illi
rriżulta li kien hemm diversi ‘blistering’ fil-membrane, u għalkemm saru xi
xogħlijiet rimedjali, il-‘blistering’ reġa’ tfaċċa u nonostante diskussjonijiet,
il-membrane baqa’ ma giex tajjeb. L-atturi fethu din il-kawża li, fil-verita`
hija ftit konfuża għax mhux ċar x’inhi l-bażi tagħha. L-azzjoni, in kwantu
hijiex bażata fuq nuqqas ta’ kwalita` pattwita f’każ ta’ bejgħ, jew fuq difetti
latenti, ukoll f’każ ta’ bejgħ, jew fuq appalt, skont l-atturi, ma treġix, għax
skont huma l-azzjoni hi bażata fuq l-Artikolu 73 tal-Att Dwar l-Affarijiet talKonsumatur (Kap. 378 tal-Artijiet ta’ Malta). L-ewwel Qorti ma aċċettatx
din is-sottomissjoni tal-atturi, u qieset illi kif inhu redatt ir-rikors promotur,
joħroġ ċar li l-azzjoni hija bażata fuq l-istitut ta’ bejgħ kif regolat fil-Kodiċi
Ċivili. Hija qalet ukoll li l-azzjoni hija bbażata fuq nuqqas ta’ kwalita`
pattwita, iżda ċaħdet it-talba attriċi wara li laqgħet l-eċċezzjoni talpreskrizzjoni a bażi tal-Artikolu 1407 tal-Kodiċi Ċivili.
App. Ċiv. 710/12/2
12
10. L-atturi appellaw mis-sentenza u qed jinsistu li l-azzjoni tagħhom hija
bażata fuq l-imsemmi Att Dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Att XXVIII tal1994, Kap.378 tal-Ligijiet ta’ Malta) u li allura għall-każ japplikaw prinċipji
differenti minn dawk applikati mill-ewwel Qorti. Osservaw ukoll li
għalkemm skont dan l-Att azzjoni minn konsumatur kontra l-kummerċjant
hija preskrivibbli fi żmien sentejn, skont l-Artikolu 78 applikabbli, dan ilperjodu għandu jiġi sospiż sakemm idumu għaddejin in-negozjati bl-għan
li jintlaħaq ftehim.
11. Trattat l-appell, din il-Qorti tirrileva mill-ewwel li r-riferenza għall-Att
Dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jidher li saret “as an after thought”. Kif
osservat l-ewwel Qorti, l-azzjoni attriċi hija bażata fuq kliem li joħroġ millprovvedimenti tal-Kodiċi Ċivili, l-aktar dawk relatati mal-istitut ta’ bejgħ, u
kien matul il-kors tal-kawża li l-atturi dehrilhom li jkun aħjar li jibbażaw ilkawża tagħhom fuq l-imsemmi Kap. 378. Kemm hu hekk, fir-rikors
promotur ma hemm ebda riferenza għall-Att issa invokat, u lanqas ma
tintuża l-diċitura li tintuża fl-Att.
12. Madanakollu, huwa prinċipju tal-ordinament ġuridiku li dak li jista’ jiġi
salvat, jiġi salvat. Kawża m’għandhiex tintilef jew tintrema ‘l barra
minħabba nuqqas tal-avukat tal-parti, u jekk hu possibbli, il-kawża trid tiġi
mismugħa u deċiża fuq il-mertu tagħha. Meta jingħad li l-oġġett mhux talkwalita` pattwita, dan ifisser, fi kliem l-imsemmija liġi tal-konsumatur, illi loġġett mibjugħ u/jew il-karatteristiċi jew kwalitajiet tiegħu ma jkunux
App. Ċiv. 710/12/2
13
jaqblu ma’ dak illi kien miftiehem bejn il-partijiet. Infatti, l-Artikolu 73 talimsemmi Kap. 378, jagħti diversi eżempji ta’ nuqqasijiet li, fi stil li kien
miktub il-Kodiċi Ċivili, jistgħu kważi kollha jitqiesu taħt il-kappa ta’ nuqqas
ta’ kwalita` pattwita. L-Artikolu 73 (1) tal-att, fil-fatt, jiddisponi kif ġej:
“73. (1) Il-kummerċjanti għandhom l-obbligu jikkunsinnaw lillkonsumaturi oġġetti li jkunu konformi mad-deskrizzjoni u lispeċifikazzjonijiet fil-kuntratt tal-bejgħ, u skont hekk ikollhom l-obbligu
li jiżguraw li l-oġġetti:-
(a) “jkunu konformi mad-deskrizzjoni mogħtija mill-kummerċjanti u
jkollhom il-karatteristiċi, l-fattizzi u l-kwalitajiet tal-oġġetti li lkummerċjant ikun wiegħed jew ikun wera jew xort’oħra ppreżenta lillkonsumatur bħala kampjun jew mudell;
(b) “jkunu adattati għall-iskop partikolari li għalih il-konsumatur ikun
jeħtieġhom u li jkun għarraf bihom lill-kummerċjant meta kien qed
jagħmel il-kuntratt;
(c) “jkunu adattati għall-iskop li għalih oġġetti tal-istess tip
normalment jintużaw; u
(d) “juru l-kwalita` u l-kapacita` li huma normali f’oġġetti tal-istess tip
u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, fil-qies tax-xorta taloġġetti u meta jitqiesu d-dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-karatteristiċi
speċifiċi tal-oġġetti li jsiru dwarhom sew mill-kummerċjant, millproduttur jew mir-rappreżentant tiegħu, partikolarment f’reklamar jew
fuq it-tikketti.”
Effettivament, dan l-artikolu qiegħed jiżgura li l-oġġett mibjugħ lillkonsumatur ikun oġġett tal-kwalita` pattwita.
13. Għalhekk, dak li ġie spjegat fir-rikors promotur jista’ jitqies bħala
użu ta’ kliem ġenerali li jkunu jfissru, fid-dettall, ħafna aktar affarijiet. Hu,
għalhekk, li inkitbu trattati sħaħ fuq il-Kodiċi Ċivili, għax l-istil huwa ta’
artikolu ġenerali, bil-ġuristi u l-qrati jimlew id-dettal. L-istil Ingliż u dak talUnjoni Ewropea, (li fuq id-Direttiva tagħha hija bażata din il-liġi) huwa
App. Ċiv. 710/12/2
14
tista’ tgħid, magħżul minn ta’ qablu għax il-liġi tidħol fid-dettal mill-ewwel.
Dan ma jfissirx li waħda qed teskludi lill-oħra. F’dan il-każ, dak li ġie
premess fir-rikors promotur, huwa l-heading tal-eżempji li nsibu fil-liġi talkonsumatur. Li l-oġġett irid ikun konformi mad-deskrizzjoni mogħtija,
adattat għall-iskop tiegħu, u juri l-kwalita` u l-kapaċita` li huma normali
f’oġġett tal-istess tip, jistgħu jinġabru f’żewġ kelmiet: li l-oġġett ikun ta’
“kwalita` pattwita”.
14. L-azzjoni attriċi, li f’dan in-negozju għandha l-vesti ta’ konsumatur,
tista’, għalhekk, timxi fuq il-binari tal-Att Dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur,
u jrid issa jiġi deċiż jekk id-difetti riskontrati humiex riżultat ta’ nuqqasijiet
fil-prodott, kif jallegaw l-atturi, jew ta’ “bad workmanship”, kif issostni ssoċjeta` konvenuta. Dan għad ma ġiex mistħarreġ mill-ewwel Qorti, u latti jridu jiġu rinvjati lilha biex tistħarreġ u tiddeċiedi fuq dan il-punt.
15. Din il-Qorti trid tirrileva, pero`, li taqbel mal-konklużjoni tal-ewwel
Qorti li min wettaq ix-xogħol kien imqabbad mill-atturi. Il-ħaddiem stess
xehed li huwa ġie inkarigat iwettaq ix-xogħol mill-atturi, u l-provi
jissostanzjaw dan. Del resto, l-atturi ma ressqu ebda aggravju kontra din
il-konklużjoni tal-ewwel Qorti.
16. Dwar id-diversi eċċezzjonijiet ta’ preskrizzjoni sollevati mis-soċjeta`
konvenuta, dawn mhux applikabbli għax joħorġu mill-Kodiċi Ċivili u għal
dan il-każ hemm regola appożita fl-imsemmi Kap. 378, li timponi terminu
ta’ sentejn, iżda, kif rajna, tissospendi l-istess terminu għal tul in-negozjati
App. Ċiv. 710/12/2
15
bejn il-partijiet. F’dan il-każ, jirriżulta sodisfaċentement li darba ġew
riskontrati d-difetti saru diversi diskussjonijiet bi skop li jintlaħaq ftehim.
Saru anke offerti ta’ kumpens li, pero`, ma sarx qbil dwaru. Kwindi, anke
l-preskrizzjoni bażata fuq dan l-artikolu hija miċħuda.
Għaldaqstant, għar-raġunijiet premessi, tiddisponi mill-appell tal-atturi
billi tilqa’ l-istess, tħassar u tirrevoka s-sentenza tal-ewwel Qorti, u
tgħaddi biex tiċħad l-ewwel żewġ eċċezzjonijiet tas-soċjeta` konvenuta
nklużi dawk ta’ preskrizzjoni, tiddikjara li l-azzjoni attriċi hija bażata fuq lAtt Dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u tibgħat l-atti lura lill-Prim’Awla talQorti Ċivili biex din tiddeċiedi l-każ fuq il-mertu.
L-ispejjeż tal-kawża sa issa, anka peress li l-atturi, bil-mod kif ifformulaw
il-kawża, setgħu taw lok għad-diżgwid li nħoloq, jitħallsu nofs (1
/2) millatturi in solidum u nofs (1
/2) mis-soċjeta` konvenuta.
Mark Chetcuti Joseph R. Micallef Tonio Mallia
Prim Imħallef Imħallef Imħallef
Deputat Reġistratur
rm