A. Jekk jien ċittadin barrani, dan jaffettwa l-investigazzjoni?
Le. Il-persuni kollha fil-Greċja jibbenefikaw minn protezzjoni sħiħa ta’ ħajjithom, tal-unur u tal-libertà tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, ir-razza, il-lingwa, u t-twemmin reliġjuż jew politiku.
B. X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni?
i. Il-fażi tal-ġbir tal-evidenza / Is-setgħa tal-investigaturi
L-iskop tal-eżami preliminari huwa li tinġabar l-evidenza meħtieġa bil-ħsieb li jiġi deċiż jekk għandhomx jinbdew proċedimenti kriminali.
ii. Id-detenzjoni mill-pulizija
Kull min jiġi arrestat li jkun inqabad iwettaq reat jew taħt mandat irid jitressaq quddiem il-maġistrat inkwirenti kompetenti mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-arrest tiegħu. Jekk l-arrest ikun sar f’post differenti mis-sede tal-maġistrat inkwirenti, il-persuna trid titressaq quddiem il-qorti fiż-żmien strettament meħtieġ għat-trasferiment tagħha. Il-maġistrat inkwirenti jrid, fi żmien tlett ijiem minn meta l-persuna arrestata titressaq quddiem il-qorti, jilliberaha jew joħroġ mandat ta’ priġunerija. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’jumejn billi ssir talba tal-persuna mressqa quddiem il-qorti.
iii. L-interrogazzjoni
L-iskop tal-investigazzjoni prinċipali huwa li tinġabar l-evidenza meħtieġa bl-għan li jiġi stabbilit li twettaq reat u li jiġi deċiż jekk persuna għandhiex titressaq il-qorti għal dak ir-reat.
iv. L-arrest preventiv (qabel is-smigħ tal-kawża)
Iż-żamma taħt arrest b’mod temporanju hija permessa biss jekk l-akkużat jitressaq il-qorti għal reat gravissimu u ma jkollu l-ebda residenza magħrufa fil-pajjiż, jew ikun ħa azzjoni li tippreparah biex jaħrab, jew ikun preċedentement latitanti jew ħarab, jew ikun instab ħati li ħarab meta kien taħt il-kustodja jew ta’ ksur tar-restrizzjonijiet tar-residenza, u, minħabba ċirkostanzi bħal dawn, ikun beħsiebu b’mod ċar jaħrab jew jitqies b’mod ġustifikabbli, minħabba l-kundanni finali preċedenti tiegħu għal reati simili, li fl-eventwalità li jiġi lliberat, ikun hemm probabbiltà kbira li jwettaq reati ulterjuri. Jekk ir-reat li bih tkun akkużata l-persuna jkun legalment punibbli bi priġunerija għall-għomor jew priġunerija temporanja sa 15-il sena, jew jekk ir-reat ikun twettaq ripetutament jew fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali jew terroristika, jew jekk ikun hemm għadd kbir ta’ partijiet leżi, iż-żamma taħt arrest b’mod temporanju tista’ tiġi ordnata wkoll jekk, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-att, il-persuna inkwistjoni titqies b’mod ġustifikabbli li fl-eventwalità li tiġi lliberata, ikun hemm probabbiltà kbira li twettaq reati ulterjuri. Il-gravità ġuridika tal-att minnu nnifsu mhijiex biżżejjed biex tiġi ordnata ż-żamma taħt arrest b’mod temporanju.
C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni?
i. Liema drittijiet għandi rigward l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni?
Il-persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-Grieg tajjeb biżżejjed huma intitolati għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti proċedurali essenzjali kollha.
ii. X’inhuma d-drittijiet tiegħi għall-informazzjoni u għall-aċċess għall-proċess tal-kawża?
Malli l-persuna akkużata tiġi mħarrka biex tidher sabiex tiddefendi ruħha, il-maġistrat inkwirenti għandu jinfurmaha bil-kontenut tal-att ta’ akkuża u bid-dokumenti ta’ investigazzjoni. Il-persuna akkużata jew l-avukat tad-difiża tagħha jkollu wkoll id-dritt li jistudja l-att ta’ akkuża u d-dokumenti ta’ investigazzjoni. Kopji tal-att ta’ akkuża u tad-dokumenti ta’ investigazzjoni jistgħu jiġu pprovduti lill-persuna akkużata meta tressaq talba bil-miktub u a spejjeż tagħha.
iii. X’inhu d-dritt tiegħi ta’ aċċess għal avukat u d-dritt li terzi jkunu infurmati bis-sitwazzjoni tiegħi?
Il-persuni akkużati għandhom id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat tad-difiża, anki f’kontroeżami max-xhieda jew ma’ persuni akkużati oħra. Taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ persuna akkużata tiġi pprojbita milli tikkomunika mal-avukat difensur tagħha. Tali komunikazzjoni hija strettament kunfidenzjali.
iv. X’inhu d-dritt tiegħi għall-għajnuna legali?
Il-persuni suspettati jew akkużati għandhom id-dritt għal għajnuna legali mingħajr ħlas, inklużi konsulenza u assistenza legali kif ukoll rappreżentanza fil-qorti, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti.
v. X’inhu importanti li wieħed ikun jaf dwar:
a. Il-preżunzjoni ta’ innoċenza
Il-persuni suspettati u akkużati huma preżunti innoċenti sakemm jinstabu ħatja skont il-liġi.
b. Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u li ma jinkriminax ruħu
Il-persuni suspettati jew akkużati għandhom id-dritt li jibqgħu siekta u li ma jinkriminawx ruħhom. L-eżerċitar ta’ dan id-dritt ma jistax jintuża kontra l-persuna suspettata jew akkużata inkwistjoni.
c. L-oneru tal-provi
Il-persuni akkużati mhumiex meħtieġa jipprovdu evidenza tal-fatti li jirreferu għalihom fid-difiża tagħhom. L-imħallfin u l-prosekuturi huma obbligati jeżaminaw bir-reqqa kwalunkwe fatt jew evidenza msemmija mill-persuna akkużata, jekk dan ikun utli biex tinkixef il-verità. Kull dubju fuq il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata.
vi. X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għat-tfal?
Minorenni li kien vittma ta’ ċerti reati kontra l-libertà personali jew sesswali tiegħu għandu d-dritt li jkun preżenti fl-atti investigattivi kollha u li jkollu aċċess għall-materjal kollu tal-każ, anki jekk ma jidhirx fil-qorti biex isostni l-akkuża.
vii. X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għas-suspettati vulnerabbli?
Il-persuni vulnerabbli jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Huma dejjem jiġu infurmati dwar il-konsegwenzi tar-rinunzja ta’ tali drittijiet.
D. X’inhuma t-termini legali matul l-investigazzjoni?
Il-lejl huwa definit bħala mit-8 p.m. sas-6 a.m. għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu u mid-9 p.m. sal-5 a.m. għall-perjodu mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru.
E. X’inhuma d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu qabel il-proċess quddiem il-qorti, inklużi alternattivi għall-arrest preventiv (qabel is-smigħ tal-kawża) u l-possibbiltajiet għal trasferiment fl-istat ta’ oriġini (Ordni ta’ Superviżjoni Ewropea)?
Jista’ jiġi ordnat konfinament domiċiljari permezz ta’ sorveljanza elettronika. Dan jinvolvi li l-persuna akkużata tkun projbita milli toħroġ minn bini speċifiku jew kumpless ta’ binjiet, kif speċifikat fl-ordni tal-maġistrat inkwirenti u li jkun ġie ppruvat li huwa l-post ta’ soġġorn jew ta’ residenza tagħha.