Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Austria

Content provided by:
Austria

FINDING COMPETENT COURTS/AUTHORITIES

The search tool below will help you to identify court(s)/authority(ies) competent for a specific European legal instrument. Please note that although every effort has been made to ascertain the accuracy of the results, there may be some exceptional cases concerning the determination of competence that are not necessarily covered.

Austria

European Account Preservation Order


*mandatory input

Artikolu 50(1)(a) — Qrati kompetenti biex joħorġu l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

Il-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna (Bezirksgericht Innere Stadt Wien) hija kompetenti biex toħroġ Ordnijiet Ewropej ta’ Preservazzjoni tal-Kontijiet, li għalihom sar ir-rikors qabel ma jibdew il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, għal talbiet speċifikati fi strument awtentiku skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament dwar il-Preservazzjoni tal-Kontijiet Ewropej.

F’każijiet oħra, il-kompetenza hija f’idejn il-qorti li quddiemha għandu jingħata mandat ta’ eżekuzzjoni li fir-rigward tiegħu għandha tinħareġ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet, li tkun pendenti fiż-żmien tal-ewwel rikors.

Artikolu 50(1)(b) — l-awtorità nominata bħala kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kontijiet

Meta l-proċedimenti għal Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet ikunu pendenti barra l-Awstrija, l-awtorità kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kont fl-Awstrija hija l-Qorti Distrettwali b’ġuriżdizzjoni għad-distrett fejn id-debitur ikollu r-residenza (Wohnsitz) jew ir-residenza abitwali tiegħu jew tagħha (gewöhnlicher Aufenthalt).

Jekk id-debitur ma jkollux residenza jew residenza abitwali fl-Awstrija, l-awtorità kompetenti tkun il-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna (ara hawn fuq taħt l-Artikolu 50(1)(a)). Id-dettalji ta’ kuntatt għall-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna jistgħu jinsabu hawnhekk:

Jekk il-proċedimenti għall-ħruġ ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet ikunu pendenti quddiem qorti fl-Awstrija, dik il-qorti hija wkoll kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kont.

Artikolu 50(1)(c) — Metodi għall-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

L-obbligu huwa akkumpanjat minn ordni in personam mill-qorti. L-ordni tal-qorti trid tobbliga lid-debitur jiddikjara l-kontijiet bankarji domestiċi kollha. Din trid tipprojbixxi id-disponiment mid-debitur ta’ fondi miżmuma f’kontijiet bankarji domestiċi koperti mill-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet, sal-ammont li għandu jiġi ppreservat taħt l-Ordni. L-ordni tal-qorti trid tagħti struzzjonijiet lid-debitur biex jikkanċella d-debiti diretti u l-ordnijiet permanenti kollha li fuq il-bażi tagħhom jiġu ddebitati l-fondi mill-kont li jrid jiġi ppreservat, inkwantu dawn jippreġudikaw ir-rekuprabilità tal-ammont li għandu jiġi ppreservat mill-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u ma jistax jiġi mħallas minn ammonti li mhumiex soġġetti għall-preservazzjoni.

Artikolu 50(1)(d) — Qrati li quddiehom jista' jsir appell kontra rifjut li tinħareġ l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Id-deċiżjonijiet dwar kwalunkwe kontestazzjoni legali jridu jittieħdu mill-qorti li tkun ħarġet l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet. Ir-rikorsi għal dawn ir-rimedji jridu jitressqu quddiem dik il-qorti (ara hawn fuq skont l-Artikolu 50(1)(a)).

Artikolu 50(1)(e) — Awtoritajiet nominati bħala kompetenti biex jirċievu, jittrażmettu jew iservu l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u dokumenti oħra

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(2): L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni hija l-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna Interna ta’ Vjenna.

Artikolu 23(3): Jekk l-Awstrija hija biss l-Istat Membru tal-infurzar, il-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna hija l-awtorità kompetenti li lilha għandhom jiġu trażmessi d-dokumenti.

Jekk l-ordni tinħareġ fl-Awstrija, il-kompetenza għat-trażmissjoni hija tal-qorti emittenti. Il-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna hija kompetenti biex toħroġ Ordnijiet Ewropej tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet li jiġu applikati qabel ma jinbdew il-proċedimenti dwar il-mertu jew inkella wara li jiġu konklużi b’sentenza finali iżda qabel ma jibda l-infurzar. F’każijiet oħra, il-kompetenza hija f’idejn il-qorti distrettwali (Bezirksgericht) jew qorti reġjonali (Landesgericht) li quddiemha l-proċedimenti dwar il-mertu jew il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni li fir-rigward tagħhom għandha tinħareġ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet, huma pendenti fiż-żmien tal-ewwel rikors.

l-Artikolu 23(5) u (6) u l-Artikolu 27(2): Jekk l-Ordni tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet ġiet maħruġa fl-Awstrija, l-awtorità kompetenti għall-infurzar hija l-qorti emittenti. (Il-qorti emittenti: ara t-tweġiba għall-Artikolu 23(3))

Jekk l-Ordni tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet ma nħarġitx fl-Awstrija, il-kompetenza għall-infurzar hija tal-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna.

Artikolu 25(3): F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni trid tiġi trażmessa lill-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna.

Artikolu 28(3): F’dan il-każ, id-dokumenti jridu jiġu trażmessi lill-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna.

Artikolu 36(5): F’dan il-każ, id-deċiżjoni trid tiġi trażmessa lill-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna.

Artikolu 50(1)(f) — Awtorità kompetenti biex toħroġ l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

Jekk l-Ordni tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet tinħareġ fl-Awstrija nnifisha, il-qorti emittenti hija responsabbli wkoll għall-infurzar.

Jekk l-Ordni tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet nħareġ fi Stat Membru ieħor, il-kompetenza għall-infurzar hija tal-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna.

Artikolu 50(1)(g) — Il-punt sa fejn il-kontijiet konġunti jew ta' mandatarju jistgħu jiġu preżervati

Jekk hemm aktar minn detentur ta’ kont wieħed u kull wieħed minnhom għandu d-dritt li juża l-kont individwalment, bħal fil-każ ta’ Oder-Konto (kont konġunt li d-detenturi tiegħu jistgħu jiddisponu minnu b’mod individwali), il-pretensjoni tista’ tibqa’ tiġi ppreservata b’mod effettiv anki jekk l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet tkun inħarġet kontra wieħed mid-detenturi tal-kontijiet biss, minħabba li d-debitur huwa intitolat li jħallas id-dejn minn flusu biss.

Jekk il-kunsens tad-detenturi kollha tal-kont huwa meħtieġ biex titwettaq kwalunkwe tranżazzjoni, madankollu, bħal fil-każ ta’ “Und-Konto” (fejn il-partijiet kollha jridu jiffirmaw), il-preservazzjoni hija possibbiltà biss jekk l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet tkun inħarġet kontra d-detenturi kollha ta’ kont (eż. meta jkun hemm responsabbiltà konġunta tad-detenturi tal-kontijiet kollha).

Jekk jitressqu proċedimenti għall-ħruġ ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet kontra jinġiebu kontra Treuhandkonto-(fiduċjarju ta’ kont fiduċjarju) bħala debitur, is-settlor tat-trust jista’ iqajjem oġġezzjoni skont l-Artikolu 37 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni (Exekutionsordnung). L-oġġezzjoni tas-settlor jasserixxi li filwaqt li l-kont, inkwantu trust, jappartjeni lid-debitur, ma għandux jiġi meqjus bħala parti mill-assi tat-trustee, u għalhekk mhuwiex part mill-fondi disponibbli biex tiġi ssodisfatta l-pretensjoni tal-kreditur.

Artikolu 50(1)(h) — Ir-regoli applikabbli għall-ammonti eżenti minn qbid

Ir-regoli applikabbli għall-protezzjoni kontra s-sekwestru abbażi ta’ talba huma stabbiliti fl-Artikoli 290 et seq. tal-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni, u dawk dwar il-protezzjoni assoċjata tal-kontijiet fl-Artikolu 292i tal-istess Kodiċi; dawn jinsabu fi http://www.ris.bka.gv.at/. Dawn huma liġi vinkolanti.

Ir-rimunerazzjoni u l-pagamenti tal-pensjoni kurrenti huma soġġetti għall-preservazzjoni sa ċertu punt biss; id-daqs tal-parti tat-talba li ma tistax tiġi ppreservata (“mezzi minimi ta’ sussistenza”) (Existenzminimum)) jiddependi mid-daqs tal-pagamenti u mill-għadd ta’ obbligi ta’ manteniment tad-debitur. Dawn l-ammonti, li jiżdiedu kull sena, huma stabbiliti fit-tabelli ppubblikati fis-sit web tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja (https://www.bmj.gv.at/service/publikationen/Drittschuldnererkl%C3%A4rung.html)

Ir-regola fl-Artikolu 292i tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni dwar il-“protezzjoni tal-kontijiet” hija maħsuba biex jiġi evitat ir-riskju li wara li l-ammonti disponibbli għas-sekwestru jkunu ġew dedotti, il-mezzi minimi ta’ sussistenza trasferiti fil-kont jerġgħu jiġu sekwestrati. Jekk isiru pagamenti fil-kont tad-debitur li jkunu soġġetti għal sekwestru sa ċertu punt biss, is-sekwestru għandu jiġi sospiż fuq talba, sa fejn il-bilanċ tal-kreditu fil-kont jikkorrispondi għall-parti tal-introjtu li ma tkunx soġġetta għas-sekwestru għall-perjodu ms-sekwestru sad-data tal-pagament li jkun jmiss.

Hemm ukoll ammonti kompletament eżenti mis-sekwestru skont l-Artikolu 290 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni. Dawn jinkludu l-kategoriji ta’ pagament li ġejjin:

  1. pagamenti ta’ spejjeż meta dawn jikkumpensaw għan-nefqa addizzjonali mġarrba realment fl-eżerċitar tad-doveri professjonali;
  2. benefiċċji u għotjiet pagabbli bil-liġi biex ikopru n-nefqa addizzjonali li tirriżulta minn diżabilità fiżika jew mentali, vulnerabbiltà jew dipendenza fuq il-kura;
  3. ammonti rkuprati u spejjeż imħallsa fir-rigward ta’ drittijiet għal benefiċċji in rem, rimborżi ta’ spejjeż li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali statutorja u kumpens għan-nefqa fuq spejjeż għal trattamenti;
  4. benefiċċji tal-familja statutorji.

L-eżenzjoni mis-sekwestru ma tapplikax jekk l-eżekuzzjoni tkun relatata ma’ talba li l-kategorija ta’ pagament inkwistjoni tkun maħsuba li tissodisfa. Id-debitur irid jagħmel talba sabiex jikseb eżenzjoni mill-Ordni ta’ Preservazzjoni.

Artikolu 50(1)(i) — Tariffi, jekk imposti mill-banek, għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet, u informazzjoni dwar il-parti responsabbli biex iħallas dawk it-tariffi

Il-banek huma intitolati għal ħlas ta’ kostijiet fissi ta’ EUR 25 għall-implimentazzjoni ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet, l-istess bħalma huma għall-implimentazzjoni ta’ digriet interim (einstweilige Verfügung), li huwa strument ekwivalenti taħt il-liġi Awstrijaka.

Mar-rikors mill-bank, il-qorti tordna lill-kreditur biex jirrifondi l-kostijiet lill-bank.

Artikolu 50(1)(j) – l-iskala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor involut fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

Ma hemm ebda tariffi separati għall-ipproċessar jew l-infurzar tal-Ordni ta’ Preservazzjoni jew l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet.

Artikolu 50(1)(k) — Gradazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti

L-istrumenti għall-garanzija tal-pretensjonijiet previsti fil-liġi tal-infurzar Awstrijaka huma bażikament infurzar għas-sigurtà (Exekution zur Sicherstellung) u digrieti interim (einsweige Verfügungen).

L-infurzar għas-sigurtà (l-Artikoli 370 et seq. iservi biex jissalvagwardja pretensjoni tal-kreditur qabel ma l-pretensjoni ssir res judicata u tiġi wara infurzata. Għal infurzar għas-sigurtà - għall-kuntrarju ta’ digriet interim - irid ikun hemm dokument li jagħti titolu iżda li għadu mhux eżegwibbli. L-infurzar għas-sigurtà huwa permess biss biex tiġi ssodisfata talba pekunjarja. Waħda mill-forom ta’ infurzar għas-sigurtà elenkata fl-Artikolu 374(1) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni huwa l-qbid ta’ riċevibbli (Pfändung von Forderungen), fejn il-kreditur jirċievi dritt ta’ rahan (Pfandrecht).

Fl-infurzar għas-sigurtà l-kreditur jikseb rahan. Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament dwar il-Preservazzjoni tal-Kontijiet tal-UE, l-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha l-istess klassifikazzjoni, jekk ikun il-każ, bħal ordni nazzjonali ekwivalenti fl-Istat Membru ta’ Infurzar. Għalhekk, sabiex jinżamm il-paralleliżmu mal-istrumenti Awstrijaċi, il-liġi Awstrijaka tipprovdi li l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet toħloq rahan jekk il-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku. Il-fatt li rahan ikun fis-seħħ għandu jrid jiġi nnotifikat lill-bank u lid-debitur. Dan jiżgura konsistenza mal-infurzar għas-sigurtà.

Fil-każ ta’ digrieti interim biex jiġu żgurati pretensjonijiet pekunjarji (l-Artikoli 378 et seq. tal-Kodiċi tal-Infurzar), ma jinkiseb ebda dritt ta’ rahan jew klassifikazzjoni speċifika. Il-parti f’riskju m’għandhiex bżonn dokument li jikkonferixxi titolu sabiex tikseb digriet interim.

Artikolu 50(1)(l) — Qrati jew awtorità ta' eżekuzzjoni kompetenti biex tagħti rimedju

Id-deċiżjonijiet dwar kwalunkwe kontestazzjoni legali jridu jittieħdu mill-qorti li tkun ħarġet l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet. Ir-rikorsi għal dawn ir-rimedji jridu jitressqu quddiem dik il-qorti (ara hawn fuq skont l-Artikolu 50(1)(a)).

Artikolu 34(1) u (2): Jekk l-Ordni tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet nħareġ fi Stat Membru ieħor, il-kompetenza għar-rimedju legali hija tal-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna. Ir-rikorsi għal dawn ir-rimedji jridu jitressqu quddiem dik il-qorti.

Artikolu 50(1)(m) — Qrati li quddiemhom għandhom jiġi ppreżentat appell u l-limitu ta’ żmien, jekk ikun il-każ, biex jiġi ppreżentat l-appell

Il-forma ta’ appell disponibbli kontra deċiżjonijiet skont l-Artikoli 33, 34 jew 35 tar-Regolament hija magħrufa bħala Rekurs. It-tali appelli jridu jiġu ppreżentati fi żmien 14-il jum mill-qorti li tkun ħarġet l-ordni kkontestata u jridu jiġu indirizzati lill-Qorti Reġjonali jew lill-Qorti Għolja Reġjonali tal-ġuriżdizzjoni li jaqgħu taħtha l-Qorti Distrettwali jew Reġjonali kkonċernata. L-appelli jridu jiġu ffirmati minn avukat.

L-iskadenza tal-appell tibda mid-data tan-notifika tal-verżjoni bil-miktub tad-deċiżjoni kkontestata.

Artikolu 50(1)(n) — Tariffi tal-Qorti

Huma pagabbli tariffi għall-ħruġ ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet biss jekk it-talba għall-ordni ssir f’kuntest differenti minn proċess f’qorti ċivili. Barra minn hekk, għandha titħallas tariffa b’rata fissa għal appelli minn Ordni tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet. Id-dispożizzjonijiet dwar it-tariffi jinsabu fl-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Gerichtsgebührengesetz) taħt il-Punt tat-Tariffa 1, in-Nota 2, il-Punt tat-Tariffa 2, in-Nota 1a u l-Punt tat-Tariffa 3, in-Nota 1a. L-ammont ta’ tariffi li għandu jitħallas jiddependi fuq l-ammont tat-talba u huwa nofs ir-rata fissa fil-proċedimenti tal-qorti ċivili. Id-dispożizzjonijiet legali u t-tabelli jinsabu f’http://www.ris.bka.gv.at/.

It-tariffi tal-qorti inkwistjoni huma rati fissi.

Artikolu 50(1)(o) — Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti

Ebda

L-aħħar aġġornament: 18/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.