1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?
Iva. Huwa possibbli li jinbdew ċerti proċedimenti, jiġifieri dawk li jinvolvu Talbiet Żgħar permezz tal-Internet.
2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?
Il-pretendenti li jsegwu Talba Żgħira (jiġifieri ċerti talbiet għal valur massimu ta’ EUR 2 000) jistgħu jagħżlu li jipproċessaw it-talba tagħhom b’mod elettroniku. Il-proċedura għal Talbiet Żgħar hija metodu alternattiv ta’ kif tinbeda u tiġi ttrattata proċedura ta’ qorti ċivili fir-rigward ta’ talba żgħira. Dan huwa servizz ipprovdut mill-uffiċċji tal-Qrati Distrettwali u huwa maħsub biex jittratta t-talbiet tal-konsumaturi bl-irħis mingħajr l-involviment ta’ konsulent legali.
3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?
Il-faċilità hija disponibbli l-ħin kollu.
4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?
Le. L-unika dispożizzjoni hija li d-dettalji tat-talba ma għandhomx jaqbżu l-1,500 kelma.
5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?
L-informazzjoni tinżamm sigura permezz tal-użu ta’ firewalls, SSL (Secure Socket Layer) għall-komunikazzjoni, Sistema ta’ Detezzjoni ta’ Intrużjoni fil-web-hosting u s-sigurtà tal-kontijiet tal-utenti, eċċ.
6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?
Le.
7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?
It-Tariffi tal-Qrati għal Talba Żgħira jitħallsu b’karta ta’ kreditu jew debitu u t-tariffa (EUR 25 fl-2012) hija l-istess għall-proċedimenti kemm elettroniċi kif ukoll mhux elettroniċi għal Talbiet Żgħar.
8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?
Iva. Jekk it-talba tkun għadha ma ġietx elenkata għall-qorti, talba tista’ tiġi rtirata billi tintbagħat ittra elettronika lir-Reġistratur tat-Talbiet Żgħar, fejn jintalab l-irtirar tat-talba.
9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?
Iva, huwa possibbli għall-konvenut li jirrispondi bl-użu tal-Internet.
10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?
Ir-Reġistratur tat-Talbiet Żgħar irid jagħmel l-aħjar sforzi tiegħu sabiex isolvi t-talba qabel tiġi elenkata għas-smigħ quddiem l-Imħallef
11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?
It-talba tiġi ttrattata bħala mhux ikkontestata u l-pretendent jista’ jitlob għal sentenza fin-nuqqas ta’ komparuzzjoni
12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?
Le. Mhuwiex possibbli li tippreżenta dokumenti quddiem qorti b’mod elettroniku.
13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?
Le.
14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?
Le.
15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?
Le.
16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?
Le.
17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?
Il-partijiet li jressqu t-talba jistgħu jsegwu l-istatus tat-talba tagħhom fuq l-internet.