Skip to main content

Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Flag of Sweden
Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Huwa possibbli li tressaq rikors għal taħrika fil-kawżi ċivili billi tuża s-servizz elettroniku tal-qrati Żvediżi, Kif tiffirma u tibgħat rikors għal taħrika b’mod diġitali – il-qrati Żvediżi.

Fil-proċeduri sommarji, rikors għal digriet ta’ ħlas jista’ jiġi ppreżentat lill-Awtorità Żvediża tal-Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten) online.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Is-servizz elettroniku jista’ jintuża f’kull tip ta’ litigazzjoni.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Is-servizz huwa disponibbli 24 siegħa kuljum / 7 ijiem fil-ġimgħa.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Rikors għal taħrika ppreżentat b’mod diġitali jrid ikun fih l-istess informazzjoni bħal rikors li ma jiġix ippreżentat b’mod diġitali. Hemm formola li tista’ tuża (Rikors għal taħrika – il-qrati Żvediżi), iżda tista’ wkoll tikteb ir-rikors tiegħek stess li jkun fih l-istess informazzjoni.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Id-data personali hija protetta f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Iva, ir-rikors irid jiġi ffirmat b’firma elettronika.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

L-istess tariffa tapplika fi proċedimenti ċivili miftuħa permezz ta’ rikors elettroniku bħal fi proċedimenti ċivili li ma jinfetħux permezz ta’ rikors elettroniku.

It-talbiet elettroniċi lill-Awtorità Żvediża tal-Eżekuzzjoni għal ordni ta’ ħlas iridu jiġu ffirmati b’firma elettronika avvanzata kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE. L-Awtorità Żvediża tal-Eżekuzzjoni tista’ tagħti eżenzjoni mir-rekwiżit tal-firma jekk persuna tkun mistennija tippreżenta għadd kbir ta’ talbiet b’mod sikur u teknikament xieraq. Jekk azzjoni għal ordni ta’ ħlas tiġi ttrasferita lill-qorti biex titrattaha bħala kawża normali, ma jkunx meħtieġ li tiġi pprovduta firma fiżika flimkien mat-talba elettronika.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

L-istess regoli japplikaw għal azzjonijiet li jitressqu permezz ta’ rikors elettroniku bħall-azzjonijiet li jitressqu b’mezzi oħrajn.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Ma hemm l-ebda rekwiżit li d-difiża trid tiġi ppreżentata b’mod elettroniku fi proċedimenti ċivili li jinbdew b’rikors elettroniku.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

L-istess regoli proċedurali japplikaw irrispettivament minn kif jinbdew il-proċedimenti ċivili.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

L-istess regoli proċedurali japplikaw irrispettivament minn kif jinbdew il-proċedimenti ċivili.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Dokumenti li ma hemmx bżonn jiġu ffirmati personalment jistgħu jintbagħtu elettronikament. Dan ifisser li fil-prinċipju huwa possibbli d-dokumenti kollha jiġu sottomessi b’mod elettroniku. Il-qorti tista', madankollu, tiddeċiedi f’kawża individwali li dokument li jkun ġie ppreżentat elettronikament irid ikun ikkonfermat mill-mittent permezz ta' dokument oriġinali ffirmat.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Ma hemm xejn li jipprevjeni qorti milli tibgħat dokument b’mod elettroniku u li tiġi kkonfermata l-wasla tad-dokument, pereżempju bl-email, jekk dan jitqies li huwa xieraq skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-data personali eċċ.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Sentenza tintbagħat bil-posta, ħlief jekk il-parti titlob li jsir mod ieħor. Fejn ikun xieraq, pereżempju b’referenza għad-dispożizzjonijiet dwar id-data personali fis-seħħ, minflok id-dokumenti jistgħu jintbagħtu bil-fax jew bl-email, jew inkella jsiru disponibbli f’forma elettronika.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Huwa possibbli li tressaq appell bl-email. Meta jkun hemm bżonn, il-qorti tista' titlob li dak l-appell ikun ikkonfermat mill-mittent permezz ta' dokument oriġinali ffirmat.

Fir-rigward tan-notifiki tal-proċess, ara t-tweġiba għall-mistoqsija nru 13.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Rikors għal eżekuzzjoni jista’ jsir mill-parti intitolata jew mir-rappreżentant tagħha, jew verbalment jew bil-miktub. Rikors verbali jirrikjedi li r-rikorrent (il-parti li titlob l-eżekuzzjoni) tidher quddiem l-Awtorità Żvediża tal-Eżekuzzjoni. Rikors bil-miktub irid jiġi ffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu. L-Awtorità Żvediża ta' Eżekuzzjoni tista', madankollu, tippermetti li parti li tkun qed tibgħat għadd kbir ta’ talbiet tibgħathom elettronikament.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Le.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna