1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?
L-iskadenzi li japplikaw fil-liġi proċedurali ċivili jistgħu b’mod ġenerali jinġabru flimkien kif ġej:
a. Perjodi minimi ta’ avviż għat-taħrika tal-parti l-oħra u ta’ kwalunkwe parti terza u tax-xhieda sabiex jidhru fil-proċedimenti. Normalment japplika perjodu ta’ mill-inqas ġimgħa. Fil-prinċipju, japplika wkoll perjodu ta’ mill-inqas ġimgħa għat-taħrika tal-partijiet interessati sabiex jidhru fil-proċedimenti b’rikors, sakemm il-qorti ma tispeċifikax mod ieħor (l-Artikoli 114 – 119 u 276 (it-taħrika tal-partijiet u ta’ partijiet terzi) u l-Artikoli 170 u 284 (it-taħrika tax-xhieda) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering)). Huwa importanti li jiġi nnotat li jekk il-konvenut ikollu indirizz magħruf jew ikun magħruf li fil-fatt jirrisjedi barra n-Netherlands, il-perjodu ta’ avviż għat-taħrika ta’ dik il-parti jkun ta’ mill-inqas 4 ġimgħat (l-Artikolu 115 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
b. Perjodi massimi għat-talba ta’ rimedji legali. Ir-rimedju legali tal-oġġezzjoni (verzet) normalment irid jintalab fi żmien 4 ġimgħat. Ġeneralment, japplikaw perjodi ta’ 3 xhur għal appell (hoger beroep), appell lill-Qorti Suprema (cassatie) u rikors għar-revoka ta’ sentenza li tkun għaddiet f’ġudikat bħala res judicata (herroeping) (ara l-Artikolu 143 (oġġezzjoni), l-Artikoli 339 u 358 (appell), l-Artikoli 402 u 426 (appell lill-Qorti Suprema) u l-Artikoli 383 u 391 (revoka) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
c. Termini għat-twettiq ta’ atti proċedurali mill-partijiet u għad-deċiżjonijiet mill-qorti. Dawn ġeneralment ivarjaw minn ġimagħtejn sa 6 ġimgħat. F’ċerti ċirkostanzi, il-qorti tista’ tippermetti li t-twettiq tal-atti proċedurali jiġi differit.
d. Perjodi ta’ preskrizzjoni biex jinfetħu azzjonijiet legali u biex tiġi eżerċitata l-awtorità ta’ eżekuzzjoni. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni ġenerali huwa ta’ 20 sena. Madankollu, f’ħafna każijiet japplika perjodu ta’ preskrizzjoni iqsar ta’ 5 snin. Il-pagamenti ta’ penali inkrementali jiġu preskritti 6 xhur wara l-jum li fih jinbdew. Perjodu ta’ preskrizzjoni li diġà jkun għaddej jista’ jiġi interrott u warajh ikun jista’ jibda perjodu ta’ preskrizzjoni ġdid. Pereżempju, il-perjodu ta’ preskrizzjoni li japplika għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni jista’ jiġi interrott permezz tan-notifika tas-sentenza jew permezz ta’ kwalunkwe att ieħor ta’ eżekuzzjoni (l-Artikoli 306 – 325, il-Ktieb 3, tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek)).
Ir-regoli stabbiliti fl-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini (Algemene Termijnenwet) ukoll japplikaw f’dak li jirrigwarda t-termini statutorji.
2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.
Minbarra s-Sibtijiet u l-Ħdud, l-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini jispeċifika dawn li ġejjin bħala btajjel pubbliċi rikonoxxuti b’mod ġenerali:
- L-Ewwel tas-Sena: L-1 ta’ Jannar
- Il-Ġimgħa l-Kbira: Il-Ġimgħa ta’ qabel l-Għid
- It-Tnejn ta’ wara l-Għid: Il-jum tat-Tnejn ta’ wara l-Għid
- Jum Lapsi: Il-Ħamis, 40 jum wara l-Għid
- Jum ir-Re: Is-27 ta’ April
- Jum il-Liberazzjoni: Il-5 ta’ Mejju
- L-Għada tal-Għid il-Ħamsin: It-Tnejn wara l-Pentekoste
- Il-Milied u San Stiefnu: Il-25 u s-26 ta’ Diċembru.
3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?
It-termini statutorji huma soġġetti għar-regoli stipulati fl-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini. Dan l-Att jistipula li terminu preskritt bil-liġi li jintemm nhar ta’ Sibt, Ħadd jew fi btala pubblika rikonoxxuta b’mod ġenerali jiġi estiż sa tmiem il-jum li jkun imiss li ma jkunx is-Sibt, il-Ħadd jew btala pubblika rikonoxxuta b’mod ġenerali. Jekk ikun meħtieġ, terminu li jinkludi mill-inqas 3 ijiem jiġi estiż sabiex b’hekk jinkludi mill-inqas jumejn li ma jkunux Sibt, Ħadd jew btala pubblika rikonoxxuta b’mod ġenerali.
Fir-regoli nazzjonali tal-proċedura għal kawżi ċivili mibdija b’taħrika (Landelijk procesreglement voor civiele dagvaardingen bij de rechtbanken) jingħata terminu ta’ 6 ġimgħat bħala punt tat-tluq għat-twettiq ta’ atti proċedurali mill-partijiet u għall-għoti tas-sentenza. L-eċċezzjonijiet għal dan huma l-ħlas tat-tariffi tar-reġistru tal-qorti (4 ġimgħat) u l-iskadenza għall-preżentata ta’ oġġezzjoni (4 ġimgħat). Ġeneralment, id-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati sa 10 ijiem qabel is-seduta (l-Artikolu 87(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’konformità mar-regoli nazzjonali tal-proċedura għall-kawżi elenkati għas-smigħ fil-qrati subdistrettwali (Landelijk procesreglement voor rolzaken kanton), il-qrati subdistrettwali jaħdmu, fil-prinċipju, b’termini ta’ 4 ġimgħat.
4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?
Iż-żmien dejjem jibda jiddekorri mill-ewwel jum wara l-avveniment deċiżiv.
Taħrika
Mhux applikabbli.
Rimedji legali
It-terminu għar-rimedju legali ta’ oġġezzjoni (possibbli biss kontra sentenzi mogħtija f’kontumaċja) għandu tliet punti ta’ bidu differenti:
- il-mument li s-sentenza tiġi nnotifikata personalment lill-parti li titlef il-kawża;
- f’każ li jintuża metodu ta’ notifika ieħor: il-mument li l-parti li titlef il-kawża twettaq att li juri li hija taf bis-sentenza jew bil-bidu tal-eżekuzzjoni; u
- f’każijiet oħrajn: il-mument li titlesta l-eżekuzzjoni tas-sentenza.
It-terminu għall-appelli u l-appelli quddiem il-Qorti Suprema kontra s-sentenzi jiġi kkalkulat mid-data meta tingħata s-sentenza. L-ewwel jum tal-perjodu huwa l-għada tal-jum tas-sentenza. Ara wkoll il-mistoqsija 12.
It-terminu għal appelli u appelli lill-Qorti Suprema kontra d-deċiżjonijiet mogħtija jiġi kkalkolat:
- mid-data meta tingħata d-deċiżjoni, fil-każ tar-rikorrent u tal-partijiet interessati li jidhru fil-proċedimenti, u
- wara li tkun saret in-notifika tad-deċiżjoni jew tkun ġiet innotifikata b’mod ieħor, fil-każ ta’ partijiet interessati oħrajn.
It-terminu għar-revoka ta’ sentenza jew deċiżjoni jibda wara li tkun tqajmet ir-raġuni għar-revoka u l-attur jew ir-rikorrent ikun sar jaf biha, iżda fi kwalunkwe każ mhux qabel ma s-sentenza jew id-deċiżjoni tkun għaddiet f’ġudikat bħala res judicata, jiġifieri ma tkunx tista’ tiġi annullata permezz ta’ oġġezzjoni, appell jew appell quddiem il-Qorti Suprema.
Atti proċedurali
It-termini stabbiliti għat-twettiq tal-atti proċedurali ġeneralment jiġu kkalkulati mid-data fil-lista tal-kawżi preċedenti f’ġimgħat sħaħ. Eżempju: wara seduta fil-lista tal-kawżi l-Erbgħa, il-kawża terġa’ titqiegħed fil-lista tal-kawżi l-Erbgħa ta’ 4 ġimgħat wara.
Perjodi ta’ preskrizzjoni
Iż-żmien tal-bidu tal-perjodi ta’ preskrizzjoni li japplikaw għall-azzjonijiet legali jiddependi fuq in-natura tal-azzjoni. Pereżempju, dritt ta’ azzjoni sabiex tintalab l-eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali sabiex tiġi provduta jew issir xi ħaġa jiskadi 5 snin wara l-bidu tal-jum wara dak li fih it-talba tkun saret eżiġibbli. Eżempju: dritt ta’ azzjoni sabiex tintalab it-terminazzjoni ta’ sitwazzjoni illegali jiskadi 5 snin wara l-bidu tal-jum wara dak li fih tkun tista’ tintalab it-terminazzjoni immedjata tas-sitwazzjoni.
Eżekuzzjoni
Fil-prinċipju, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiskadi 20 sena wara l-bidu tal-jum wara dak li fih tingħata s-sentenza.
5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?
Le, Madankollu, f’xi każijiet, il-mod li bih parti ssir taf bis-sentenza jinfluwenza l-bidu tat-terminu sabiex jiġi mfittex rimedju legali, pereżempju, sabiex titressaq oġġezzjoni. Ara wkoll il-mistoqsija 4.
6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?
Le. It-terminu jibda l-għada tal-jum li fih ikun seħħ l-avveniment.
7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?
Sakemm ma jiġix indikat mod ieħor, il-liġi Netherlandiża tuża l-jiem kalendarji. L-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini jistipula li terminu li jintemm nhar ta’ Sibt, Ħadd jew fi btala pubblika rikonoxxuta b’mod ġenerali jiġi estiż sal-aħħar tal-jum li jkun imiss li ma jkunx is-Sibt, il-Ħadd jew btala pubblika rikonoxxuta b’mod ġenerali.
Barra minn hekk, jekk ikun meħtieġ, terminu mogħti mil-liġi li jinkludi mill-inqas 3 ijiem jiġi estiż sabiex b’hekk jinkludi mill-inqas jumejn li ma jkunux is-Sibt, il-Ħadd jew btala pubblika rikonoxxuta b’mod ġenerali.
8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?
Dawn jirreferu wkoll għal xhur kalendarji u snin kalendarji.
9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?
Taħrika
Mhux applikabbli.
Atti proċedurali fil-prim’istanza
Jekk kawża tkun fil-lista tal-kawżi għall-preżentata ta’ dokumenti, japplika dan li ġej. Fil-prinċipju, dokument intiż għal data fil-lista tal-kawżi jiġi ppreżentat lir-reġistru tal-qorti sal-iskadenza tal-preżentata. Dan huwa l-aħħar ħin sa meta kwalunkwe dokument, bl-eċċezzjoni tat-taħrika, u rapport jridu jkunu fil-pussess tal-qorti. F’konformità mar-regoli nazzjonali tal-proċedura għall-kawżi tal-qorti ċivili mibdija b’taħrika, il-jum u l-ħin sa meta jridu jiġu ppreżentati d-dokumenti huma: L-Erbgħa fl-10.00 a.m. Jekk is-seduta ma ssirx minħabba li l-lista tal-kawżi tkun qed tiġi ttrattata bil-miktub, id-dokumenti jiġu ppreżentati lir-reġistru tal-qorti fid-data fil-lista tal-kawżi jew qabel.
Il-qorti subdistrettwali (kanton) dejjem tagħmel seduta, minħabba li f’dak il-każ l-atti proċedurali jistgħu jsiru wkoll verbalment. Id-dokumenti jridu jiġu ppreżentati lir-reġistru tal-qorti jew fis-seduta sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel id-data fil-lista tal-kawżi. Id-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati lir-reġistru tal-qorti b’mod elettroniku, bil-posta jew fiżikament waqt il-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru, jew bil-fax sa nofsillejl.
Appell
Fil-proċedimenti b’taħrika, ir-rimedji legali jintalbu billi tinħareġ taħrika. L-uffiċjal ġudizzjarju ma jistax joħroġ iċ-ċitazzjoni wara t-20.00, ħlief jekk jingħata permess biex jagħmel dan mill-qorti li quddiemha l-parti tkun imħarrka biex tidher. Għalhekk, it-terminu effettivament jintemm fit-20.00 tal-aħħar jum. Fi proċedimenti bħal dawn, għandu jiġi mfakkar ukoll li la l-jum li fih tinħareġ it-taħrika u lanqas il-jum meta l-parti tiġi mħarrka sabiex tidher quddiem il-qorti (l-ewwel data fil-lista tal-kawżi) ma jingħaddu meta jiġi kkalkolat il-perjodu tat-taħrika. Il-perjodu minimu tat-taħrika jrid għalhekk jibda wara l-ewwel waħda minn dawk iż-żewġ dati u jintemm qabel it-tieni waħda.
Fil-proċedimenti b’rikors, ir-rimedji legali jintalbu billi jiġi ppreżentat rikors fir-reġistru tal-qorti. Dan jista’ jsir bil-posta jew fiżikament matul il-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru tal-qorti, jew inkella b’email sa nofsillejl tal-aħħar jum. Il-qorti tista’ tippermetti lill-partijiet interessati jippreżentaw dokumenti proċedurali b’mod diġitali f’ċerti każijiet determinati mill-qorti, soġġett għar-regoli stabbiliti minnha.
Għall-appelli f’kawżi tal-familja, il-ħin tal-bidu huwa kemxejn differenti minn dak applikabbli għall-appelli fi proċedimenti oħrajn b’rikors (ara wkoll il-mistoqsija 4. “Rimedji legali”). L-applikant jista’ jressaq appell fi żmien 3 xhur mill-jum li fih tiġi nnotifikata s-sentenza. Partijiet interessati oħrajn jistgħu jressqu appell fi żmien 3 xhur minn meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni jew tiġi nnotifikata b’mod ieħor lilhom. Biex tkun taf kif tippreżenta appell fi proċedimenti ta’ divorzju fejn xi ħadd mill-konjuġi jkun kontumaċi, ara l-Artikolu 820 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.
Perjodi ta’ preskrizzjoni
Ara wkoll “Perjodi ta’ preskrizzjoni” taħt il-mistoqsija 4. Għal xi drittijiet ta’ azzjoni, il-ħin meta parti ssir taf b’fatt partikolari huwa importanti. Eżempju: dritt ta’ azzjoni sabiex jintalab l-irkupru ta’ pagament mhux dovut jiskadi 5 snin wara l-bidu tal-jum wara dak li fih il-kreditur ikun sar jaf kemm bl-eżistenza tat-talba kif ukoll bl-identità tal-benefiċjarju u, fi kwalunkwe każ, 20 sena wara li saret it-talba.
10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?
Iva, skadenza li tiskadi nhar ta’ Sibt, Ħadd jew fi btala pubblika rikonoxxuta b’mod ġenerali tiġi estiża sal-aħħar tal-jum li jkun imiss li ma jkunx is-Sibt, il-Ħadd jew btala pubblika rikonoxxuta b’mod ġenerali. Madankollu, f’konformità mal-Att dwar l-Estensjoni Ġenerali tat-Termini, dan ma japplikax għal skadenzi stabbiliti billi jingħadd iż-żmien b’lura minn waqt jew avveniment partikolari. Fi kliem ieħor, din ir-regola tapplika għall-perjodi massimi u mhux għall-perjodi minimi.
11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?
F’xi każijiet, il-liġi tipprevedi estensjoni għal skadenza. Pereżempju, jekk il-parti telliefa tmut matul il-perjodu għall-preżentata ta’ appell u l-werrieta ta’ dik il-parti jkunu jixtiequ jsiru s-suċċessuri tagħha fil-proċedimenti ta’ appell, japplika perjodu ġdid ta’ 3 xhur. F’każijiet oħrajn, ir-regoli tal-proċedura rilevanti jipprevedu estensjoni għal skadenza, pereżempju għall-preżentata ta’ dokumenti proċedurali. Ara l-mistoqsija 13 hawn taħt.
Ġeneralment, fl-appelli, ir-regoli relatati mat-termini jiġu infurzati b’mod strett, għalkemm il-Qorti Suprema tan-Netherlands (Hoge Raad der Nederlanden) għamlet eċċezzjoni għall-kawżi li fihom il-parti li kienet qed tappella ma ġietx mgħarrfa bis-sentenza minnufih minħabba żball jew ommissjoni min-naħa tal-qorti. F’każ bħal dan, dik il-parti tkun qabżet l-iskadenza mingħajr ebda ħtija min-naħa tagħha u tingħata estensjoni qasira.
12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?
Il-limitu ta’ żmien sabiex jitressaq appell ġeneralment ikun ta’ 3 xhur. F’ċerti kawżi ċivili, bħal proċedimenti interlokutorji (proċedimenti mħaffa), japplikaw termini iqsar għall-appelli u l-appelli lill-Qorti Suprema, jiġifieri 4 ġimgħat u 8 ġimgħat, rispettivament. Konvenut li kontrih tkun ingħatat sentenza fil-kontumaċja jista’ jippreżenta oġġezzjoni permezz ta’ ċitazzjoni fi żmien 4 ġimgħat mill-punti ta’ bidu stabbiliti fl-Artikolu 143(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?
Il-perjodi kollha relatati ma’ jekk parti għandhiex tidher quddiem il-qorti huma perjodi minimi. Ma ġie stabbilit ebda perjodu massimu.
Taħrika
Il-perjodi għat-taħrika jistgħu jitqassru mill-qorti fuq talba tal-attur, jekk ikun meħtieġ, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Fi proċedimenti interlokutorji, taħrika tinħareġ biss wara li l-imħallef ikun speċifika d-data u l-ħin tas-seduta, li tista’ ssir saħansitra nhar ta’ Ħadd. Jekk ikun meħtieġ, parti tista’ tiġi mħarrka b’avviż fuq perjodu qasir ħafna. Il-qorti tista’ tistabbilixxi wkoll perjodu ta’ avviż iqsar biex parti tidher fi proċedimenti b’rikors.
Il-qorti ma tistax testendi l-perjodi għat-taħrika, għalkemm hija tista’ tistabbilixxi perjodu ta’ avviż itwal sabiex parti tidher fi proċedimenti b’rikors (ara l-mistoqsijiet 7 u 8).
Atti proċedurali
Il-qorti tista’ testendi t-termini li fihom il-partijiet iridu jwettqu l-atti proċedurali jekk tali estensjoni tintalab b’mod konġunt mill-partijiet. Jekk talba ssir minn naħa waħda, differiment jingħata biss fuq il-bażi ta’ raġunijiet partikolarment konvinċenti jew ta’ forza maġġuri. Raġunijiet partikolarment kostrinġenti jinkludu, pereżempju, il-kumplessità attwali jew legali tal-kawża, il-ħtieġa ta’ stennija ta’ sentenza fi proċedimenti rilevanti oħrajn jew sitwazzjoni li fiha l-parti jew l-avukat tagħha jkunu morda jew fuq btala.
14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?
Il-liġi Netherlandiża ma fiha ebda dispożizzjoni għal sitwazzjoni bħal din.
15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?
Taħrika fi proċedimenti mibdija b’taħrika
Jekk parti tiġi mħarrka b’avviż insuffiċjenti, it-taħrika ssir invalida f’każ li l-konvenut jonqos milli jidher quddiem il-qorti u tiġi ddikjarata invalida mill-qorti. Hija ma ssirx invalida awtomatikament. L-attur jista’ jirrettifika difett bħal dan billi joħroġ ċitazzjoni emendata qabel l-ewwel data fil-lista tal-kawżi.
Jekk il-konvenut jonqos milli jidher fl-ewwel data fil-lista tal-kawżi, it-taħrika tiġi vverifikata għal kwalunkwe difett li jista’ jrendiha invalida. Jekk din tkun kif suppost, il-konvenut jiġi ddikjarat kontumaċi u t-talba ġeneralment tintlaqa’ fil-kontumaċja. Jekk il-konvenut jonqos milli jidher quddiem il-qorti u x’aktarx li ma jkunx irċieva ċ-ċitazzjoni minħabba d-difett, il-qorti tiddikjara ċ-ċitazzjoni invalida.
Jekk il-konvenut jonqos milli jidher quddiem il-qorti jew milli jaħtar avukat minkejja li jkun ġie avżat sabiex jagħmel dan fit-taħrika u jirriżulta li ċ-ċitazzjoni fiha difett li jagħmilha invalida, il-konvenut ma jiġix iddikjarat kontumaċi. Il-qorti tistabbilixxi data ġdida fil-lista tal-kawżi u tordna sabiex id-difett jiġi rrimedjat bl-ispejjeż għall-attur. Jekk il-konvenut jidher quddiem il-qorti u ma jinvokax id-difett, it-taħrika titqies bħala li nħarġet b’mod korrett.
Rimedji legali
Jekk it-terminu għat-tfittxija ta’ rimedju legali jinqabeż, il-piena tkun ir-rifjut tal-appell. Imbagħad, id-deċiżjoni sottostanti tal-qorti ssir finali, jiġifieri ma tkunx tista’ tiġi annullata aktar permezz ta’ oġġezzjoni, appell jew appell lill-Qorti Suprema.
Atti proċedurali
Jekk att proċedurali ma jitwettaqx fit-terminu stabbilit, jista’ jinkiseb differiment taħt ċerti ċirkostanzi (ara l-mistoqsija 10). Jekk ma jkunx jista’ jinkiseb differiment, id-dritt tat-twettiq tal-att proċedurali jiskadi.
Perjodi ta’ preskrizzjoni
Jekk il-parti interessata tkun ippermettiet li l-perjodu għall-bidu ta’ azzjoni legali jiskadi, id-dritt ta’ azzjoni protett mit-talba jkompli jeżisti. Madankollu, ma jibqax possibbli li dan id-dritt jiġi eżerċitat fil-qrati.
16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?
Ir-rimedji legali li ġejjin huma disponibbli għall-partijiet li qabżu l-iskadenzi.
Taħrika
Konvenut li jonqos milli jidher quddiem il-qorti fl-ewwel data fil-lista tal-kawżi ġeneralment jiġi ġġudikat fil-kontumaċja. Sakemm tingħata s-sentenza finali, il-konvenut jista’ jevita li sentenza tingħata fil-kontumaċja billi jidher bħala parti fil-proċedimenti. Wara li tkun ingħatat is-sentenza finali, il-parti ġġudikata fil-kontumaċja tista’ titlob ir-rimedju legali ta’ oġġezzjoni. Sentenza mogħtija fin-nuqqas ta’ dehra, il-prevenzjoni ta’ sentenza mogħtija f’kontumaċja billi l-parti tidher quddiem il-qorti u oġġezzjoni ma japplikawx fi proċedimenti b’rikors. F’każijiet bħal dawn, il-parti interessata li tkun naqset milli tidher quddiem il-qorti tkun tista’ tressaq appell.
Rimedji legali
It-termini għat-tfittxija ta’ rimedji legali jiġu infurzati ex officio mill-qorti. It-termini għat-tressiq ta’ appelli u appelli lill-Qorti Suprema huma obbligatorji. Il-qrati huma stretti ħafna fl-applikazzjoni ta’ dawn it-termini fl-interessi taċ-ċertezza tad-dritt. Madankollu, il-Qorti Suprema tan-Netherlands introduċiet ċertu ammont ta’ flessibilità għall-appelli fil-proċedimenti b’rikors. L-avviż tal-appell irid jistabbilixxi r-raġunijiet għall-appell, iżda fil-kawżi li fihom id-deċiżjoni tkun ingħatat iżda tkun għadha ma ntbagħtitx u, għalhekk, l-appellant ma jkollux aċċess għar-raġunament sottostanti, ikun permess li jippreżenta r-raġunijiet għall-appell f’avviż supplimentari u sussegwenti ta’ appell. Madankollu, l-appell innifsu jrid ikun tressaq fit-terminu. Huwa biss f’każijiet okkażjonali meta l-qorti tkun għamlet żball doppju li t-terminu jiġi estiż b’14-il jum minn meta tkun ingħatat id-deċiżjoni. Dan ikun il-każ jekk il-parti li tressaq l-appell ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf meta se tingħata d-deċiżjoni bħala riżultat ta’ żball min-naħa tal-qorti (jew ir-reġistratur tal-qorti) u d-deċiżjoni tkun intbagħtet jew inħarġet biss wara li jkun skada t-terminu għall-appelli, bħala riżultat ta’ żball li ma jistax jiġi attribwit lill-appellant. Fil-proċedimenti b’taħrika, l-avviż dwar l-appell ma għandux bżonn jistabbilixxi r-raġunijiet għall-appell. Dawn ma jiġux ippreżentati sa stadju aktar tard tal-proċedimenti.
Atti proċedurali
F’ċerti ċirkostanzi, jista’ jintalab differiment għat-twettiq tal-atti proċedurali (ara l-mistoqsija 13). Jekk ma jinkisibx differiment, id-dritt tat-twettiq tal-att proċedurali jiskadi.
Perjodi ta’ preskrizzjoni
Ma huwa disponibbli ebda rimedju kontra l-iskadenza tal-perjodi ta’ preskrizzjoni, għajr għall-interruzzjoni tagħhom fi żmien debitu (ara l-mistoqsija 1(d)). Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna, il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-invokazzjoni tal-preskrizzjoni tmur kontra l-prinċipji ta’ raġonevolezza u ġustizzja.