1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
Hemm każ ta’ divorzju ekstraġudizzjarju:
- id-divorzju bil-kunsens reċiproku tal-partijiet (“divorce par consentement mutuel”) permezz ta’ skrittura privata bil-kontrofirma tal-avukati u depożitata fl-atti ta’ nutar pubbliku.
Hemm erba' tipi ta' divorzju:
- id-divorzju bonarju;
- id-divorzju bl-aċċettazzjoni tal-prinċipju tat-tkissir taż-żwieġ (“divorce par acceptation du principe de la rupture du mariage”) jew divorzju aċċettat (“divorce accepté”);
- divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ (“divorce pour altération définitive du lien conjugal”);
- divorzju minħabba ħtija (“divorce pour faute”).
2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
- Id-divorzju bonarju permezz ta’ skrittura privata bil-kontrofirma ta’ avukati ddepożitata fl-atti ta’ nutar pubbliku jista’ jiġi applikat jekk il-miżżewġin jaqblu dwar il-prinċipju tat-tkissir u jaċċettaw il-konsegwenzi kollha tad-divorzju. Flimkien mal-avukati tagħhom iridu jfasslu ftehim, li jiġi ffirmat minnhom it-tnejn u mill-avukati tagħhom wara perjodu ta’ riflessjoni. Jekk ikollhom wild jew ulied, dawn jeħtiġilhom jiġu mgħarrfa bid-dritt tagħhom li jinstemgħu. Jekk tal-inqas wieħed minnhom jitlob li jiġi mismugħ, il-partijiet allura jeħtiġilhom li jmorru quddiem il-qorti tal-familja (“juge aux affaires familiales”) b’talba għal divorzju bonarju ġudizzjarju sabiex ikun jista’ jiġi mismugħ il-minuri.
- Id-divorzju bonarju ġudizzjarju jista’ jintalab biss mill-miżżewġin jekk minuri jixtieq jiġi mismugħ u jekk il-miżżewġin jaqblu dwar il-prinċipju tat-tkissir u jaċċettaw il-konsegwenzi kollha tiegħu. F’dak il-każ, ma għandhomx għalfejn jindikaw ir-raġuni għad-divorzju u jeħtieġ biss li jressqu abbozz ta’ ftehim li jirregola l-konsegwenzi tad-divorzju għall-awtorizzazzjoni tal-imħallef. L-awtorizzazzjoni tiġi micħuda mill-imħallef biss jekk ma jiġux imħarsa biżżejjed l-interessi tal-minuri jew ta’ xi ħadd mill-miżżewġin.
- Id-“divorzju aċċettat” jista’ jintalab minn wieħed mil-miżżewġin u aċċettat mill-ieħor jew mit-tnejn li huma. Għall-kuntrarju tad-divorzju bonarju, il-miżżewġin jaċċettaw il-prinċipju tad-divorzju iżda jkunu għadhom ma kisbux ftehim dwar il-konsegwenzi tiegħu. Għalhekk huwa l-imħallef li jrid jiddeċiedi f’dan ir-rigward.
- Id-divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ jista’ jintalab minn wieħed mill-miżżewġin dment li l-koppja tkun ilha ma tgħix flimkien għal sena mid-data tal-preżentata tar-rikors għad-divorzju. Dan jippreżumi nuqqas ta' koabitazzjoni u xewqa biex jintemm iż-żwieġ.
- Id-divorzju minħabba ħtija jista’ jintalab minn wieħed mill-miżżewġin għal atti ħtija tal-konjuġi l-ieħor fejn dawn l-atti jikkostitwixxu ksur serju jew ripetut tad-dmirijiet u obbligi matrimonjali li jrendu l-ħajja flimkien impossibbli.
3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?
- L-obbligi tal-fedeltà, il-koabitazzjoni u l-assistenza jiġu fi tmiemhom meta tkun saret res judicata d-deċiżjoni tal-qorti li tagħti d-divorzju, jiġifieri ma jkunx hemm aktar il-possibiltà ta’ appell.
- Kull wieħed mill-miżżewġin mbagħad huwa liberu li jerġa’ jiżżewweġ.
- Wara d-divorzju, kull wieħed mill-miżżewġin jitlef id-dritt li juża kunjom l-ieħor. Madankollu, konjuġi jista’ jibqa’ juża kunjom l-ieħor, jew bil-kunsens tiegħu jew bl-awtorizzazzjoni tal-imħallef jekk jista’ jressaq argumenti għalfejn huwa partikolarment importanti għalih jew għat-tfal.
3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi
- Id-divorzju jwassal għat-tmiem tar-reġim tal-propjetà matrimonjali, u fejn xieraq, id-diviżjoni tal-assi.
- Id-divorzju ma għandux impatt fuq il-benefiċċji matrimonjali li seħħew matul iż-żwieġ jew fuq assi li ngħataw b’rigal. Madankollu, id-divorzju jwassal għar-revoka awtomatika tal-benefiċċji matrimonjali li seħħew mat-tmiem tar-reġim tal-propjetà matrimonjali, mal-mewt ta’ xi ħadd mill-miżżewġin jew fuq trasferimenti causa mortis.
- F’każ ta’ divorzju bonarju ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju, l-għoti ta’ sentenza ta’ divorzju jiddependi mill-ftehim tal-miżżewġin dwar il-likwidazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom. F’tipi oħra ta’ divorzju, il-miżżewġin jistgħu jaqblu dwar dan qabel ma jingħata d-divorzju iżda dan mhuwiex obbligatorju. F’dan il-każ, il-likwidazzjoni sseħħ aktar tard.
3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi
Id-divorzju ma għandux konsegwenzi partikolari fuq ir-regoli dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri li, fil-prinċipju, għalhekk tibqa’ f’idejn iż-żewġ ġenituri. Madankollu, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li jafda l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri lil ġenitur wieħed biss jekk dan ikun fl-interessi tat-tfal. It-termini u kundizzjonijiet tal-awtorità tal-ġenituri jridu jkunu stabbiliti (residenza abitwali, drittijiet għall-aċċess, eċċ.).
Iż-żewġ ġenituri jeħtiġilhom jibqgħu jikkontribwixxu għall-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal. Dan il-kontribut jieħu l-forma ta’ manteniment imħallas minn wieħed mill-ġenituri lill-ieħor iżda jista’ jieħu l-forma wkoll, kollu kemm hu jew parzjalment, tal-ħlas dirett tal-ispejjeż tat-tfal. Jista’ jieħu wkoll il-forma ta’ dritt ta’ użu u dritt ta’ abitazzjoni.
3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?
Ħu nota: Il-ħlas tal-manteniment minn konjuġi lill-ieħor huwa miżura temporanja, jiġifieri l-manteniment jitħallas biss sakemm jingħata d-divorzju. Ladarba jkun ingħata d-divorzju, wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob biss għal ħlas ta’ sostenn ta’ kumpens (“prestation compensatoire”) jew għad-danni (“versement de dommages-intérêts”) mill-parti l-oħra. Il-manteniment jista’ jingħata b’mod bonarju f’każ ta’ divorzju bonarju ġudizzjarju jew esktraġudizzjarju jew mill-imħallef f’każijiiet oħra.
- L-għan ta’ dan il-ħlas ta’ sostenn huwa biex jagħmel tajjeb għall-inugwaljanza li jista’ joħloq it-tkissir taż-żwieġ fl-istandard ta’ għajxien rispettiv tal-miżżewġin. L-ammont ta’ ħlas jiġi stabbilit mill-imħallef skont l-introjtu u l-bżonnijiet ta’ kull wieħed mill-miżżewġin. Min-natura tiegħu huwa somma ta’ flus imħallsa, fil-prinċipju, f’forma ta’ kapital:
- jew permezz tal-ħlas ta’ somma ta’ flus, bi ftehim dwar il-metodu għall-ħlas;
- jew permezz tal-allokazzjoni tal-assi għas-sjieda jew għad-dritt tal-użu, l-abitazzjoni jew l-użufrutt, fuq bażi temporanja jew għal tul il-ħajja.
B’mod eċċezzjonali, jista’ jkun hemm ftehim li l-għajnuna ta’ kumpens tieħu l-forma ta’ vitalizju li jista’, f’każ ta’ tibdil fir-riżorsi jew fil-bżonnijiet tal-miżżewġin, jiġi rivedut u mnaqqas.
- Id-danni jistgħu jingħataw lil konjuġi jekk id-divorzju jkollhu konsegwenzi partikolarment serji għalih:
- jekk huwa kien l-intimat f’kawża ta’ divorzju li ngħata minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ fejn ir-rikors għad-divorzju ma jkunx tressaq mill-istess konjuġi;
- jew fejn id-divorzju jingħata kontra l-konjuġi l-ieħor għaliex il-ħtija tkun kollha tiegħu.
(Ara “Talbiet għall-manteniment - Franza”).
4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
Is-separazzjoni legali (“séparation de corps”) hija arranġament legali li jtemm ċerti obbligi matrimonjali, bħal pereżempju l-obbligu tal-koabitazzjoni, iżda li ma jħollx iż-żwieġ innifsu. Għalhekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jerġgħu jiżżewġu u jibqa’ d-dmir ta’ appoġġ.
5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
- Il-każijiet u l-proċedura huma l-istess bħal tad-divorzju, iżda ma tistax issir b’mod bonarju ekstraġudizzjarju.
- Fil-prinċipju, il-konjuġi li kontrih infetħet kawża għas-separazzjoni legali jista’ jippreżenta kontrotalba għad-divorzju jew separazzjoni legali u, viċe versa, il-konjuġi li kontrih infetħet kawża għad-divorzju jista’ jiftaħ kawża għad-divorzju jew separazzjoni legali.
- Fil-każ ta’ divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ, ma tistax issir kontrotalba għas-separazzjoni legali, iżda biss għad-divorzju.
- Meta t-talba għad-divorzju u rikors għas-separazzjoni legali jsiru fl-istess ħin, l-imħallef l-ewwel jisma’ t-talba għad-divorzju. Huwa biss jekk l-imħallef jiddeċiedi li ma jilqax it-talba għad-divorzju illi mbagħad jgħaddi biex jeżamina r-rikors għas-separazzjoni legali. Meta ż-żewġ talbiet jkunu bbażati fuq il-ħtija, l-imħallef jikkunsidrahom flimkien u, jekk jaċċettahom, jilqa’ t-talba għad-divorzju fuq il-bażi ta’ ħtija konġunta.
6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
L-effetti tas-separazzjoni legali.
- Is-separazzjoni legali ġġib fi tmiemu l-obbligu tal-koabitazzjoni għalkemm jibqgħu fis-seħħ l-obbligi tal-għajnuna, il-fedeltà u l-appoġġ. Barra minn hekk, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-imħallef, il-mara tista’ tkompli tuża kunjom żewġha. L-obbligu ta’ appoġġ ifisser illi wieħed mill-konjuġi jista’ jkollu jħallas manteniment lill-ieħor jekk ikun fil-bżonn. L-ammont ta' dan il-manteniment huwa stabbilit irrispettivament mill-ħtija sakemm il-konjuġi li qed jirċievi l-ħlas ma jkunx naqas serjament milli jissodisfa l-obbligi tiegħu matul iż-żwieġ. Il-manteniment jista’ jinbidel b’somma ta’ kapital jekk l-assi tal-konjuġi li jrid iħallas hekk jippermettu.
- Fir-rigward tal-assi, il-konsegwenzi tas-sentenza huma s-separazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali (l-Artikolu 302 tal-Kodiċi Ċivili).
- F’każ ta’ mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin, id-drittijiet ta’ suċċessjoni tal-ieħor jibqgħu l-istess u jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ġuridiċi stabbiliti għall-konjuġi superstiti. Madankollu, f’separazzjoni legali bonarja ġudizzjarja, il-miżżewġin jistgħu jiddeċiedu li jinkludu rinunzja tad-drittijiet ta’ suċċessjoni fil-ftehim.
Konverżjoni ta' separazzjoni legali f’divorzju
Fuq it-talba ta’ wieħed mill-miżżewġin, sentenza mogħtija għal separazzjoni legali tista’ tiġi kkonvertita bi dritt f’divorzju jekk is-separazzjoni legali tkun damet sentejn. F’dan il-każ, l-imħallef jilqa' t-talba għad-divorzju u jiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tiegħu. Ir-raġunijiet għas-separazzjoni legali jsiru r-raġunijiet għad-divorzju. L-għoti tal-ħtija ma jistax jinbidel.
F’kull kawża ta’ separazzjoni legali, din tal-aħħar tista’ tinbidel f’kawża ta’ divorzju bonarju, fuq talba taż-żewġ partijiet. Madankollu, meta t-talba għas-separazzjoni legali bonarja ġudizzjarja tintlaqa’, tista’ tiġi konvertita f’divorzju biss bonarjament.
7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
L-annullament taż-żwieġ (“annulation du mariage”), li jippreżumi sentenza, jannulla b’mod retroattiv l-effetti kollha taż-żwieġ, daqslikieku qatt ma eżista.
Dan huwa differenti mid-divorzju jew mis-separazzjoni legali, għaliex l-effetti tagħhom jinħassu biss fil-futur.
8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
Ir-raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ huma varji, skont jekk huwiex żwieġ annullabbli (“nullité relative”) (fejn il-kunsens ikun vizzjat jew jiġi mqajjem in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-persuni li kellhom jawtorizzaw iż-żwieġ) jew żwieġ null (“nullité absolue”) (fejn ma jkunx ġie ssodisfat ir-rekwiżit tal-ordni pubbliku).
Żwieġ annullabbli
Hemm tliet każijiet possibbli:
- kien hemm żball dwar il-persuna, jew dwar il-kwalitajiet essenzjali tal-persuna;
- il-koerċizzjoni;
- ma nkisbitx, mingħand il-persuni li mingħandhom hija neċessarja, l-awtorizzazzjoni għaż-żwieġ.
Ir-rikors għall-annullament jista’ jsir biss minn ċerti persuni: il-konjuġi li l-kunsens tagħhom kien vizzjat jew li kien legalment inkapaċi meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ u l-persuni li suppost taw il-kunsens tagħhom għaż-żwieġ jew il-Prosekutur Pubbliku.
Rikors għall-annullament huwa ammissibbli biss jekk isir fi żmien ħames snin mid-data taċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ (jew ħames snin mid-data meta l-parti kkonċernata jkollha l-età rikjesta biex tagħti l-kunsens tagħha għaż-żwieġ).
Żwieġ null
In-nuqqas totali tal-kunsens, żwieġ ma’ minuri, il-bigamija, l-inċest, l-assenza ta’ wieħed mill-miżżewġin dakinhar tat-tieġ, l-inkompetenza tar-reġistratur u żwieġ klandestin.
Ir-rikors jista’ jsir minn kull persuna li għandha interess fit-teħid ta’ azzjoni jew mill-Prosekutur Pubbliku, fi żmien 30 sena mid-data taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ (jew 5 snin mid-data meta l-parti kkonċernata jkollha l-età legali biex tagħti l-kunsens tagħha għaż-żwieġ).
9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
L-effetti huma identiċi f’każ ta’ żwieġ annullabli jew null.
- L-effetti personali u finanzjarji taż-żwieġ jiġu nulli, għaliex ir-rabta taż-żwieġ titqies li qatt ma eżistiet. Pereżempju, jekk imut wieħed mill-miżżewġin, l-annullament taż-żwieġ jiċħad lill-konjuġi l-ieħor mid-drittijiet ta’ suċċessjoni.
Madankollu, dan il-prinċipju jista’ jittaffa jekk xi ħadd mill-miżżewġin jew it-tnejn li huma aġixxew in bona fide matul iż-żwieġ. F’dan il-każ, iż-żwieġ “putattiv” (“mariage putatif”) jibqa’ null u bla effett iżda jiġi meqjus bħala maħlul. B’hekk, l-effetti ċivili, personali u finanzjarji qabel l-għoti tal-annullament jibqgħu fis-seħħ. - Fir-rigward tat-tfal, l-annullament taż-żwieġ tal-ġenituri tagħhom ma għandux effetti legali u s-sitwazzjoni tagħhom tiġi ttrattata bħal f’każijiet ta’ divorzju.
10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
Id-divorzju u l-konsegwenzi tiegħu jistgħu jiġu deċiżi matul il-proċediment tad-divorzju bonarju ekstraġudizzjarju, li jirrikjedi l-intervent ta’ żewġ avukati u ta’ nutar iżda mhux ta’ mħallef, ħlief f’każ fejn minuri jitlob li jinstema’.
Fil-każijiet l-oħra kollha, l-intervent ta’ mħallef huwa obbligatorju iżda l-partijiet jistgħu imorru għal medjazzjoni tal-familja qabel imorru quddiem imħallef jew fl-istess żmien.
Il-qorti tista’ wkoll tipproponi l-medjazzjoni. Din tiġi fdata f’idejn persuna fiżika jew lill-assoċjazzjoni li hija responsabbli għas-smigħ tal-partijiet, li tqis il-fehmiet tagħhom u tgħinhom isibu soluzzjoni għat-tilwima tagħhom.
Wara medjazzjoni bħal din, il-partijiet li jkunu laħqu ftehim jistgħu jissottomettu l-ftehim tagħhom lill-imħallef għall-approvazzjoni jew jagħżlu l-proċedura ta’ divorzju bonarju ekstraġudizzjarju.
11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Fejn nippreżenta r-rikors tiegħi
- Ir-rikors għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali
Dawn ir-rikorsi jieħdu l-forma ta’ talba ppreżentata minn avukat lir-reġistru tal-qorti (“tribunal judiciaire”).
Il-qorti b'ġurisdizzjoni territorjali hija:
- il-qorti tal-post ta’ residenza tal-familja;
- jekk il-miżżewġin ma jgħixux flimkien u jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri konġuntament, il-qorti tal-post ta’ residenza tal-konjuġi li miegħu jgħixu t-tfal minuri;
- jekk il-miżżewġin ma jgħixux flimkien u s-setgħa tal-ġenituri tkun eżerċitata minn wieħed minnhom biss, il-qorti tal-post ta’ residenza ta’ dak il-ġenitur;
- f’każijiet oħra, il-qorti tal-post ta’ residenza tal-konjuġi li ma ppreżentax ir-rikors;
- fil-każ ta’ rikors konġunt, il-ġuriżdizzjoni hija, skont l-għażla tal-miżżewġin, tal-qorti tal-post ta’ residenza ta’ xi ħadd minnhom.
- Rikors għall-annullament
Talba għal annullament taż-żwieġ trid issir lill-qorti reġjonali tal-post ta’ residenza tal-intimat. Din issir permezz ta’ taħrika nnotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju. - Id-divorzju bonarju permezz ta’ skrittura privata kontrofirmata mill-avukati:
il-ftehim iffirmat mill-partijiet u miż-żewġ avukati jrid jiġi ddepożitat fl-arkivji ta’ nutar prattikant fi Franza.
Dokumenti li għandhom jiġu pprovduti
- Ir-rikors għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali
Fil-kawżi kollha għad-divorzju, il-miżżewġin jridu jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jidentifikaw ruħhom u l-fond tal-assigurazzjoni medika tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar is-servizzi u l-organizzazzjonijiet li jipprovduhom b’pagamenti, pensjonijiet u kwalunkwe benefiċċji oħra.
Fejn issir talba għall-għajnuna kumpensatorja lill-imħallef, il-miżżewġin jridu jipprovdu dikjarazzjoni li tiċċertifika b’ġurament il-korrettezza tal-introjtu, ir-riżorsi, l-assi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom.
F’każ ta’ divorzju bonarju ġudizzjarju, it-talba ma għandhiex għalfejn tindika r-raġunijiet għad-divorzju iżda trid tinkludi ftehim anness, iddatat u ffirmat mill-miżżewġin u mill-avukat(i) tagħhom, fejn jifthemu dwar l-effetti kollha tad-divorzju u li jinkludi, fejn xieraq, dikjarazzjoni dwar il-likwidazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali (“état liquidatif du régime matrimonial”).
F’każijiet oħra, ir-rikors ma għandux għalfejn isemmi l-bażi ġuridika jew ir-raġunijiet għad-divorzju iżda jrid jinkludi, fejn xieraq, it-talbiet għal miżuri temporanji.
- Rikors għall-annullament
L-ebda dokument partikolari ma huwa meħtieġ, iżda r-rikorrent irid jippreżenta d-dokumenti li jistgħu jippruvaw li r-raġuni jew raġunijiet imqajma jistgħu jwasslu għall-annullament taż-żwieġ.
12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
L-għajnuna legali, kemm jekk sħiħa jew parzjali, tista’ tinkiseb wara ttestjar tal-mezzi (ara “Għajnuna Legali - Franza”).
13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
Dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji huma soġġetti għall-proċeduri normali ta’ appell.
14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
Id-deċiżjonijiet mogħtija matul proċedimenti ta' divorzju jiġu rikonoxxuti awtomatikament mingħajr il-bżonn ta' xi proċedura partikolari.
Dan huwa l-każ ukoll għad-deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam tal-annullament taż-żwieġ.
15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Għal appell kontra r-rikonoxximent ta’ dawn id-deċiżjonijiet, tista’ tiġi ppreżentata kawża sabiex is-sentenza tiġi ddikjarata mhux eżegwibbli (“action en inopposabilité”) permezz tal-qorti reġjonali (“tribunal de grande instance”). Deċiżjoni ta' non eżegwibilità tipprovdi l-bażi sabiex tiġi opposta kull talba ulterjuri għall-exequatur mill-parti l-oħra (pereżempju talba sabiex id-deċiżjoni ta' Stat ieħor tiġi ddikjarata eżegwibbli fi Franza). Iċ-ċaħda ta’ deċiżjoni bħal din hija ekwivalenti għal exequatur.
Il-proċedura hija l-istess bħal dik għal kawża ta' exequatur.
16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Skont ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, il-miżżewġin jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tagħhom.
Fin-nuqqas ta’ għażla, id-divorzju jew is-separazzjoni legali huma soġġetti għal-liġi tal-Istat:
- fejn il-miżżewġin jkunu residenti abitwali fiż-żmien meta l-qorti ġiet adita; jew fin-nuqqas ta’ dan,
- fejn il-miżżewġin kienu residenti abitwali l-aħħar, sakemm il-perijodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel ma l-qorti ġiet adita, sa fejn wieħed mill-miżżewġin jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fiż-żmien meta l-meta l-qorti ġiet adita; jew fin-nuqqas ta’ dan,
- li tiegħu ż-żewġ miżżewġin jkunu ċittadini fiż-żmien meta l-qorti ġiet adita; jew fin-nuqqas ta’ dan,
- il-lex fori.
Madankollu, jekk ir-rikors jikkonċerna l-konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju, il-liġi applikabbli għad-divorzju għandha tkun il-liġi applikata għas-separazzjoni legali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor.
Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għall-miżżewwġin f'każ ta' divorzju bonarju permezz ta' skrittura privata bil-kontrofirma tal-avukati u ddepożitata għand nutar; Madankollu l-miżżewġin ma jistgħux jużaw il-kunċett ta’ “liġi tal-pajjiż” għaliex l-ebda qorti ma tiġi invokata.
Ħoloq relatati
Sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.