1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
Tista’ titressaq talba għal divorzju miż-żewġ konjuġi flimkien (talba konġunta) jew minn xi ħadd mill-konjuġi (talba unilaterali). Fi kwalunkwe każ, il-proċedimenti jridu jinbdew bil-preżentata ta’ talba (verzoekschrift) (ara l-mistoqsija 11).
Fi proċedimenti għal divorzju, kemm jekk mibdijin b’mod konġunt kif ukoll jekk b’mod unilaterali, il-konjuġi jeħtieġ li jkunu rappreżentati minn avukat. Il-proċedimenti għal divorzju jinstemgħu mill-qrati distrettwali (rechtbank) tal-post fejn jirresjedi l-attur jew xi ħadd mill-atturi. Talba għal divorzju tista’ tiġi ppreżentata fi kwalunkwe żmien wara ż-żwieġ: ma hemm l-ebda rekwiżit li l-konjuġi jkunu ilhom miżżewġin għal ċertu perjodu ta’ żmien. Id-divorzju jidħol fis-seħħ meta d-deċiżjoni tal-qorti tiddaħħal fir-reġistru tat-twelid, tal-mewt, taż-żwieġ u tas-sħubijiet irreġistrati (registers van de burgerlijke stand). Id-divorzju jista’ jiddaħħal fir-reġistru biss ladarba d-deċiżjoni ma tibqax soġġetta għal appell (deċiżjoni finali). Id-divorzju jrid jiddaħħal fir-reġistru fi żmien 6 xhur minn meta d-deċiżjoni ssir finali, inkella ma jibqax ikollha effett u d-divorzju ma jkunx jista’ jibqa’ jiddaħħal fir-reġistru. Jekk iż-żwieġ ikun seħħ barra l-pajjiż u ċ-ċertifikat taż-żwieġ barrani ma jkunx ġie rreġistrat fir-reġistru Olandiż tat-twelid, tal-mewt, taż-żwieġ u tas-sħubijiet irreġistrati, id-deċiżjoni dwar id-divorzju (mill-qorti Olandiża) tiddaħħal fir-reġistru speċjali tat-twelid, tal-mewt, taż-żwieġ u tas-sħubijiet irreġistrati tal-muniċipalità ta’ The Hague.
2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
Fid-dritt Olandiż, hemm raġuni waħda għal divorzju: tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ. Żwieġ jitqies li tkisser b’mod irrimedjabbli jekk ikun sar intollerabbli għall-konjuġi li jkomplu jgħixu flimkien u ma jkun hemm l-ebda prospett li r-relazzjonijiet taż-żwieġ ser jitranġaw b’mod xieraq. Meta tiġi ppreżentata talba minn xi ħadd mill-konjuġi, l-attur jeħtieġlu jiddikjara li ż-żwieġ ikun tkisser b’mod irrimedjabbli, u jekk dan jiġi miċħud mill-parti l-oħra fiż-żwieġ, l-attur jeħtieġlu jressaq provi. Il-qorti tiddetermina jekk iż-żwieġ tkissirx b’mod irrimedjabbli. Fil-każ ta’ talba konġunta, id-divorzju jingħata fuq il-bażi li ż-żewġ konjuġi jemmnu li ż-żwieġ tagħhom tkisser b’mod irrimedjabbli.
3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?
Persuna ddivorzjata tista’ terġa’ tiżżewweġ jew tidħol fi sħubija rreġistrata. Id-divorzju jista’ jkollu implikazzjonijiet għall-użu tal-kunjom ta’ eks konjuġi. Eks konjuġi jista’ jitlob lill-qorti biex jiġi rtirat id-dritt tal-eks konjuġi l-ieħor li juża kunjomu. Talba bħal din tkun marbuta mal-kundizzjoni li jeżistu raġunijiet validi għaliha u li ma jkun hemm l-ebda tfal miż-żwieġ.
3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi
Sistema statutorja
Is-sistema statutorja applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2018 hija komunjoni tal-beni limitata (beperkte gemeenschap van goederen). Dan ifisser li l-komunjoni tal-beni hija ristretta għall-assi u għad-djun li l-konjuġi kellhom konġuntament qabel iż-żwieġ u l-assi u d-djun kollha li l-konjuġi jiksbu matul iż-żwieġ. L-assi kollha miksubin konġuntament qabel iż-żwieġ u l-assi miksubin matul iż-żwieġ flimkien jifformaw il-beni konġunti (boedelmenging). Id-djun imġarrbin konġuntament qabel iż-żwieġ jew li jirriżultaw matul iż-żwieġ jinżammu konġuntament mill-konjuġi, irrispettivament minn min mill-konjuġi jkun daħal għad-dejn. Kreditur jista’ jirkupra d-dejn mill-assi li jagħmlu parti mill-beni konġunti. L-assi u d-djun li jappartjenu għal xi ħadd mill-konjuġi qabel iż-żwieġ ma humiex parti mill-komunjoni statutorja tal-beni. Dawn jibqgħu beni privati tal-konjuġi inkwistjoni. Il-wirt u d-donazzjonijiet ukoll jaqgħu barra mill-komunjoni statutorja limitata tal-beni, irrispettivament minn meta jkunu nkisbu. Il-wirt u d-donazzjonijiet miksubin kemm qabel kif ukoll matul iż-żwieġ jibqgħu l-beni privati tal-konjuġi inkwistjoni.
Konjuġi li jkunu żżewġu qabel l-introduzzjoni tar-reġim tal-komunjoni statutorja limitata tal-beni (jiġifieri li d-data taż-żwieġ tagħhom tkun qabel l-1 ta’ Jannar 2018) huma soġġetti għas-sistema statutorja tal-komunjoni sħiħa tal-beni. F’dan il-każ, fil-prinċipju, il-beni kollha miksubin mill-konjuġi qabel jew matul iż-żwieġ jifformaw parti mill-beni konġunti. L-assi kollha li huma proprjetà ta’ xi ħadd mill-konjuġi jifformaw il-beni konġunti (boedelmenging). Fil-prinċipju, id-djun kollha mġarrbin qabel jew matul iż-żwieġ ukoll huma obbligazzjonijiet konġunti, irrispettivament minn liema konjuġi jkun daħal għad-dejn. Kreditur jista’ jirkupra d-dejn mill-beni konġunti sħaħ.
Kemm permezz tar-reġim tal-komunjoni limitata tal-beni kif ukoll permezz tar-reġim tal-komunjoni sħiħa tal-beni, applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2018, il-komunjoni tal-beni tiġi xolta mad-divorzju, jiġifieri mar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti li tagħti d-divorzju fir-reġistru tat-twelid, tal-mewt, taż-żwieġ u tas-sħubijiet irreġistrati. Minn hemm ’il quddiem, il-beni konġunti ma jibqgħux jeżistu. Mad-divorzju, il-beni konġunti jridu jinqasmu. Irid jiġi stabbilit għal xiex ikun intitolat kull wieħed mill-konjuġi minn dawk il-beni konġunti. Ir-regola ġenerali hija li kull wieħed mill-konjuġi jkun intitolat għal nofs. Il-konjuġi jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux din ir-regola u jagħmlu arranġamenti oħrajn, fi ftehim ta’ divorzju (echtscheidingsconvenant) jew fil-mument tad-diviżjoni tal-beni.
Ftehimiet dwar il-beni tal-miżżewġin
Il-konjuġi jistgħu jagħżlu reġim ieħor differenti mill-arranġament statutorju billi jidħlu fi ftehimiet dwar il-beni tal-miżżewġin qabel jew (rarament) matul iż-żwieġ. Imbagħad, ftehimiet bħal dawn jistabbilixxu r-regoli għad-diviżjoni tal-beni fil-każ ta’ divorzju.
3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi
Kustodja
Wara d-divorzju, iż-żewġ ġenituri jkomplu bil-kustodja konġunta ta’ kwalunkwe wild, hekk kif kellhom matul iż-żwieġ. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-qorti tista’ tintalab tagħti kustodja lil ġenitur wieħed. Talba għal kustodja unika tista’ tiġi ppreżentata minn kwalunkwe ġenitur jew mit-tnejn li huma. Ġenitur li ma jingħatax kustodja jkollu dritt ta’ aċċess għall-ulied. Kwalunkwe wieħed mill-ġenituri jew it-tnejn li huma jistgħu jitolbu lill-qorti tistabbilixxi arranġamenti ta’ kuntatt.
Manteniment tat-tfal
Jekk il-ġenituri jżommu kustodja konġunta wara d-divorzju, għandhom jagħmlu arranġamenti finanzjarji għat-trobbija tat-tfal. Jistgħu jitolbu wkoll lill-qorti sabiex tistabbilixxi arranġamenti bħal dawn. Jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal ftehim, il-qorti tista’ tiddetermina somma li trid titħallas bħala manteniment. Jekk xi ħadd mill-ġenituri jingħata kustodja unika, il-qorti, fuq talba, tivvaluta kemm il-ġenitur l-ieħor għandu jikkontribwixxi għall-ispejjeż tat-trobbija tat-tfal. Fil-prinċipju, il-ġenituri għandhom jagħmlu l-arranġamenti ta’ ħlas huma stess. Għal aktar informazzjoni f’dan ir-rigward, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġbir tal-Ħlasijiet ta’ Manteniment (Landelijk Bureau Inning Onderhoudsbijdragen).
3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?
L-obbligu ta’ manteniment bejn il-konjuġi jkompli wara x-xoljiment taż-żwieġ. Fid-deċiżjoni dwar divorzju jew f’deċiżjoni sussegwenti, il-qorti tista’ tagħti lil eks konjuġi li l-introjtu tiegħu ma jkunx suffiċjenti sabiex ilaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja u li ma jistax ikun raġonevolment mistenni jaqla’ introjtu bħal dan, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, pensjoni tal-manteniment pagabbli mill-eks konjuġi l-ieħor. Il-pensjoni tista’ tiġi stabbilita mill-qorti fid-deċiżjoni ta’ divorzju jew f’deċiżjoni sussegwenti. Meta tikkalkola l-pensjoni, il-qorti tqis il-ħtiġijiet tal-eks konjuġi li jirċievu l-ħlas u l-mezzi finanzjarji tal-eks konjuġi l-ieħor. Fatturi mhux finanzjarji jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni wkoll, bħal kemm ikun dam iż-żwieġ, jew kemm damu jgħixu flimkien il-konjuġi. Jekk il-qorti ma tistabbilixxi l-ebda terminu fuq l-obbligu ta’ manteniment, dan jintemm wara 12-il sena. Il-qorti tista’ testendi dan il-perjodu fuq it-talba tal-eks konjuġi li jeħtieġ il-manteniment fil-każijiet ta’ diffikultà finanzjarja. Fil-prinċipju, jekk żwieġ kien qasir (anqas minn 5 snin) u ma jkunx ipproduċa tfal, il-perjodu li matulhom iridu jsiru l-ħlasijiet tal-manteniment ma jaqbiżx id-durata taż-żwieġ. Jekk il-konjuġi jew l-eks konjuġi jaqblu dwar il-ħlasijiet tal-manteniment, jistgħu jżommu rekord tal-arranġamenti fil-ftehim dwar id-divorzju.
4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
Is-separazzjoni legali (scheiding van tafel en bed) hija l-mezz li bih il-konjuġi jieqfu jgħixu flimkien mingħajr ma fil-fatt itemmu ż-żwieġ bejniethom. Is-separazzjoni legali hija ta’ interess għall-konjuġi li jixtiequ jisseparaw u jindirizzaw il-konsegwenzi legali sabiex jagħmlu dan, iżda li jixtiequ jibqgħu miżżewġin, pereżempju għal raġunijiet reliġjużi jew finanzjarji. Is-separazzjoni legali toffri l-possibbiltà ta’ rikonċiljazzjoni. Tista’ tkun ukoll stadju intermedju qabel ix-xoljiment taż-żwieġ. Separazzjoni legali tidħol fis-seħħ meta d-deċiżjoni tal-qorti tiddaħħal fir-reġistru tal-beni tal-miżżewġin. Bħal fil-każ ta’ divorzju, dan irid isir fi żmien 6 xhur.
5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
L-unika raġuni għal separazzjoni legali huwa t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.
6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
Il-konsegwenzi tas-separazzjoni legali għall-beni tal-miżżewġin, għall-kustodja tat-tfal (drittijiet ta’ aċċess), għall-ħlasijiet tal-manteniment u għall-pensjonijiet huma l-istess bħal dawk ta’ divorzju. Iż-żwieġ ikompli jeżisti. Bil-liġi, konjuġi li jkun issepara legalment ma jiritx fil-każ ta’ mewt. Jekk, wara separazzjoni legali, il-konjuġi jiddeċiedu li ma jixtiqux jinfirdu għalkollox, jistgħu japplikaw għal xoljiment taż-żwieġ wara s-separazzjoni legali. Konjuġi li jkun issepara legalment jista’ jgħix ma sieħeb jew sieħba ġdida u jibni ħajja ġdida, imma ma jistax jerġa’ jiżżewweġ jew jidħol fi sħubija rreġistrata.
Qatt ma tista’ tiġi ppreżentata talba għal xoljiment taż-żwieġ wara separazzjoni legali. It-talbiet unilaterali huma soġġetti għal perjodu ta’ stennija ta’ 3 snin, li jista’ jitnaqqas għal sena mill-qorti f’ċerti każijiet. Il-perjodu ta’ 3 snin jibda fid-data meta s-separazzjoni legali tiddaħħal fir-reġistru. Fil-każ ta’ rikors konġunt għal xoljiment taż-żwieġ wara separazzjoni legali, ma jkun hemm l-ebda perjodu ta’ stennija. Ix-xoljiment taż-żwieġ jidħol fis-seħħ meta d-deċiżjoni tiddaħħal fir-reġistru tat-twelid, tal-mewt, taż-żwieġ u tas-sħubijiet irreġistrati.
7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
Żwieġ jista’ jiġi annullat biss permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti, wara l-preżentata ta’ talba. Żwieġ li jkun ġie kkuntrattat ma jistax jiġi annulat ipso jure (awtomatikament). Dment li żwieġ ma jkunx ġie annullat, jibqa’ validu. Il-liġi tispeċifika fuq liema bażi żwieġ jista’ jiġi annullat u min jista’ jippreżenta talba.
8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
Jeżistu r-raġunijiet li ġejjin fil-liġi għal talba għal annullament. Il-partijiet iridu jkunu żżewġu minkejja:
- l-preżenza ta’ impedimenti għaż-żwieġ (rekwiżiti tal-età minima, nuqqas ta’ kunsens għaż-żwieġ ta’ minorenni, bigamija, grad projbit ta’ parentela);
- b’mod imġiegħel jew bi żball;
- li ż-żwieġ ikun żwieġ ta’ konvenjenza;
- li jkun hemm disturb mentali ta’ xi ħadd mill-konjuġi;
- nuqqas ta’ awtorità tar-reġistratur; jew
- nuqqas ta’ xhieda.
9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
Annullament għandu effett retroattiv miż-żmien meta jkun ġie kkuntrattat iż-żwieġ. Dan ifisser li, wara l-annullament mill-qorti, iż-żwieġ jitqies li qatt ma eżista. F’ċerti ċirkustanzi, tista’ ssir eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. F’dak il-każ, l-annullament ikollu l-istess konsegwenzi bħal divorzju. Pereżempju, tfal li jitwieldu minn żwieġ annullat jibqgħu relatati maż-żewġ ġenituri. Eċċezzjoni oħra hija relatata ma’ konjuġi putattivi, jiġifieri konjuġi li ma jkunux jafu li ż-żwieġ kien invalidu. F’dan ir-rigward, ara l-kundizzjonijiet għall-annullament taż-żwieġ, kif elenkati taħt il-mistoqsija 8. Konjuġi putattiv jista’, pereżempju, jitolob li l-konjuġi l-ieħor iħallas il-manteniment.
10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
Il-medjazzjoni hija pjuttost komuni f’każijiet ta’ divorzju fin-Netherlands. Bl-għajnuna ta’ medjatur u, meta jkunu neċessarji, tal-avukati tal-konjuġi, il-konjuġi jistgħu jippruvaw jidħlu fi ftehim dwar id-divorzju u l-konsegwenzi tiegħu. Dawn l-arranġamenti jiġu stabbiliti fi ftehim dwar id-divorzju, li jkun dokument miktub. Il-ftehim jista’ jkopri kwistjonijiet bħad-diviżjoni tal-beni, l-obbligi ta’ manteniment u l-ispejjeż għat-trobbija tat-tfal. Il-qorti tista’ tinkorpora l-ftehim abbozzat matul il-proċess ta’ medjazzjoni fid-deċiżjoni tagħha.
Hemm Assoċjazzjoni ta’ Avukati tal-Familja u ta’ Medjaturi tad-Divorzju (Vereniging van Familierechtadvocaten en Scheidingsbemiddelaars) li l-membri tagħha jispeċjalizzaw f’oqsma bħad-divorzju u l-ħlas tal-manteniment. Huma jispeċjalizzaw ukoll fil-medjazzjoni għad-divorzju u f’dak kollu li jġib miegħu. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għal: https://www.verenigingfas.nl/.
11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Rikors
Il-proċedimenti għal divorzju dejjem jibdew b’talba ppreżentata quddiem il-qorti (verzoekschrift). Din it-talba trid tispeċifika l-kunjom, l-ismijiet u r-residenza abitwali jew permanenti tal-konjuġi. Jekk ikun hemm ulied minuri, l-istess dettalji jridu jiġu pprovduti fir-rigward ta’ dawk l-ulied. L-attur jista’ jitlob ukoll għajnuna anċillari (nevenvoorzieningen) fir-rigward tad-divorzju. Il-qorti tista’ tagħti għajnuna anċillari għal, fost affarijiet oħrajn:
- drittijiet ta’ kustodja u ta’ viżitazzjoni fir-rigward ta’ wlied minuri;
- manteniment tat-tfal u/jew ta’ eks konjuġi;
- diviżjoni tal-beni tal-miżżewġin jew likwidazzjoni tar-reġim stabbilit fi ftehim dwar il-beni tal-miżżewġin;
- użu tad-dar matrimonjali; u
- ugwalizzazzjoni tal-pensjoni.
L-avukat tal-attur jeħtieġlu jippreżenta t-talba quddiem il-qorti distrettwali (rechtbank). Jekk l-attur ikun jgħix fin-Netherlands, it-talba tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti fid-distrett ġudizzjarju fejn jgħix l-attur. Jekk l-attur ma jgħixx fin-Netherlands, iżda l-konjuġi l-ieħor iva, it-talba trid tintbagħat il-qorti fid-distrett ġudizzjarju fejn jgħix il-konjuġi l-ieħor. Jekk iż-żewġ konjuġi jkunu jgħixu barra n-Netherlands, it-talba trid tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti Distrettwali ta’ The Hague.
Liema dokumenti jeħtieġ li jiġu ppreżentati?
- siltiet oriġinali (maħruġin fl-aħħar 3 xhur) mir-reġistru tal-popolazzjoni, għaż-żewġ konjuġi, li jindikaw in-nazzjonalità, l-istat ċivili u, fil-każ ta’ persuni li ma humiex ċittadini Olandiżi, id-data tad-dħul fin-Netherlands; f’każijiet li fihom xi ħadd mill-konjuġi jkun ċittadin Olandiż u l-ieħor le, id-data meta dan tal-aħħar sar residenti fin-Netherlands;
- siltiet oriġinali mir-reġistru tat-twelid (maħruġin fl-aħħar 3 xhur) għal kwalunkwe wild minuri;
- silta oriġinali mir-reġistru taż-żwieġ (li għandha tinkiseb miċ-ċentru muniċipali fil-post taż-żwieġ, u li għandha tkun inħarġet fl-aħħar 3 xhur); fil-każ ta’ żwieġ li jkun seħħ barra l-pajjiż, iċ-ċertifikat taż-żwieġ oriġinali jew silta eqdem tkun biżżejjed; u
- jekk ikunu involuti wlied minuri, pjan dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri; pjan dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jistabbilixxi l-arranġamenti miftehmin bejn il-ġenituri fir-rigward ta’ wliedhom, u jista’ jfassal l-indukrar ta’ kuljum ta’ wliedhom, l-edukazzjoni tagħhom, l-ativitajiet sportivi, il-kura medika, l-arranġamenti għal jiem speċjali bħal festi u festi pubbliċi, finanzi, u arranġamenti prattiċi (ġbir u twassil tat-tfal).
12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
Jekk l-applikant ma jkunx jista’ jġarrab l-ispejjeż ta’ avukat jew ta’ medjatur bis-sħiħ jew b’mod parzjali, jista’ jkun eliġibbli għal għajnuna legali sussidjata, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. Il-Bord tal-Għajnuna Legali (Raad voor Rechtsbijstand) jissussidja l-għajnuna legali biss permezz ta’ medjaturi li jkunu rreġistrati miegħu. Għal aktar informazzjoni rigward il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, jekk jogħġbok irreferi għal https://www.rvr.org/.
L-intitolament għall-għajnuna legali sussidjata japplika wkoll għal tilwimiet transfruntieri jekk l-applikant jgħix barra n-Netherlands iżda fi ħdan l-UE, f’konformità mad-Direttiva Ewropea dwar l-għajnuna legali dwar tilwimiet transfruntieri (ĠU L 26, 31.1.2003). Talba għal għajnuna legali sussidjata tista’ tiġi sottomessa lill-Bord tal-Għajnuna Legali f’The Hague billi tintuża l-formola standard stabbilita fid-Direttiva, li hija identika fl-Istati Membri kollha. Jekk ikun neċessarju, il-Bord tal-Għajnuna Legali jista’ jgħin lill-applikanti jagħżlu avukat. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għal: https://www.rvr.org/.
L-applikanti li jgħixu barra l-UE jistgħu jiksbu għajnuna legali fin-Netherlands f’ċerti ċirkustanzi koperti minn trattat jew minn konvenzjoni. It-trattati li ġejjin huma rilevanti f’dan ir-rigward: il-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Proċedura Ċivili (1954), il-Ftehim Ewropew dwar it-Trażmissjoni ta’ Applikazzjonijiet għal Għajnuna Legali (1977) u l-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar l-Aċċess Internazzjonali għall-Ġustizzja (1980). Dawn it-trattati jinkludu dispożizzjoni li essenzjalment tistipula li ċ-ċittadini tal-Istati kontraenti huma eliġibbli għal għajnuna legali mingħajr ħlas fl-Istati kontraenti l-oħrajn kollha, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dawk l-istati l-oħrajn. Meta jirriżultaw każijiet bħal dawn fin-Netherlands, trid tintalab dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ mezzi suffiċjenti (verklaring van onvermogen) mingħand l-awtorità kompetenti fil-post ta’ residenza abitwali tal-applikant. L-applikazzjoni għall-għajnuna legali u d-dikjarazzjoni ta’ mezzi insuffiċjenti jintbagħtu minn din l-awtorità lill-awtorità kompetenti fil-pajjiż fejn tkun se tingħata l-għajnuna legali. Imbagħad, dak il-pajjiż jivvaluta jekk l-applikant ikunx intitolat għal għajnuna legali mingħajr ħlas.
13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
Iva, jista’ jitressaq appell quddiem ir-reġistru tal-qorti tal-appell (gerechtshof) fi żmien 3 xhur mid-data tad-deċiżjoni dwar divorzju. Id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell normalment tkun tista’ tiġi kkontestata fuq punt ta’ dritt fil-Qorti Suprema (Hoge Raad der Nederlanden). Hawn ukoll, l-applikanti jeħtiġilhom ikunu rappreżentati minn avukat.
14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
Mill-1 ta’ Awwissu 2022, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni) (ir-“Regolament Brussell IIb”) kien applikabbli fl-Istati Membri tal-UE. Dan iħassar ir-“Regolament Brussell IIa”, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000. Ir-Regolament Brussell IIa jkompli jibqa’ japplika biss għal proċedimenti mibdijin qabel l-1 ta’ Awwissu 2022 u għal strumenti u ftehimiet awtentiċi li tfasslu jew ġew irreġistrati formalment, jew saru eżegwibbli, qabel l-1 ta’ Awwissu 2022. Ir-Regolament Brussell IIb japplika għad-divorzju, għas-separazzjoni legali u għall-annullament taż-żwieġ. Skont it-termini tiegħu, deċiżjonijiet maħruġin fl-Istati Membri l-oħrajn (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) huma rikonoxxuti fin-Netherlands mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali (l-Artikolu 30(1)). B’mod simili, ma hija meħtieġa l-ebda proċedura speċjali għall-aġġornar tar-rekords dwar l-istat ċivili, eż. meta tkun tried tiddaħħal nota marġinali li tirreġistra divorzju fuq ċertifikat taż-żwieġ.
Kwalunkwe parti interessata tista’ tibda proċedimenti ġudizzjarji sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni dwar divorzju minn pajjiż ieħor għandhiex tiġi rikonoxxuta. Ir-Regolament Brussell IIb jagħti numru ta’ raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom jista’ jiġi miċħud ir-rikonoxximent ta’ divorzju. Pereżempju, rikonoxximent ma jistax imur kontra l-ordni pubbliku. Tingħata kunsiderazzjoni wkoll għal jekk il-konvenut (il-parti li ma ppreżentatx talba għal divorzju) ġiex informat kif xieraq dwar il-proċedimenti. Madankollu, id-deċiżjoni nnifisha ma tistax tiġi mistħarrġa fuq il-bażi tal-merti. Skont ir-Regolament, il-qorti tal-Istat Membru li ta deċiżjoni jeħtiġilha, wara li jsir rikors minn parti, toħroġ ċertifikat fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni (billi tintuża formola standard). Dan iċ-ċertifikat jinkludi informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tad-deċiżjoni, id-dettalji tal-partijiet, jekk id-deċiżjoni ngħatatx f’kontumaċja, it-tip ta’ deċiżjoni, eż. divorzju jew separazzjoni legali, id-data tad-deċiżjoni, u liema qorti tat id-deċiżjoni.
15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Jekk parti interessata tixtieq topponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija dwar divorzju fin-Netherlands, tista’ tressaq talba biex ma tiġix rikonoxxuta quddiem il-qorti li tisma’ l-proċedimenti dwar miżuri proviżorji (voorzieningenrechter) fid-distrett ġudizzjarju fejn huma abitwalment residenti.
16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Fl-1 ta’ Jannar 2012, daħal fis-seħħ il-Ktieb 10 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż (Burgerlijk Wetboek). Il-Ktieb 10 tal-Kodiċi Ċivili jinkludi regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jiddeterminaw id-dritt applikabbli.
Ir-regola ewlenija hija li l-qrati dejjem japplikaw il-liġi dwar id-divorzju tan-Netherlands, irrispettivament min-nazzjonalità u mir-residenza abitwali tal-konjuġi. Jekk, pereżempju, tiġi ppreżentata talba għal divorzju fin-Netherlands minn koppja miżżewġa li t-tnejn li huma jkunu ċittadini Belġjani li jgħixu fin-Netherlands, il-liġi dwar id-divorzju tan-Netherlands tiġi applikata b’mod awtomatiku. L-uniku każ li fih dan ma jseħħx huwa meta l-konjuġi jagħżlu liema liġi għandha tiġi applikata għad-divorzju. Konjuġi tal-istess nazzjonalità jistgħu jagħżlu li tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom matul il-proċedimenti għal divorzju, minflok id-dritt Olandiż. Għalhekk, koppja Belġjana tista’ tagħżel li tiġi applikata l-liġi tal-Belġju dwar id-divorzju, pereżempju.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.