Skip to main content

Divorzju u separazzjoni legali

Flag of Sweden
Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Kemm wieħed kif ukoll iż-żewġ konjuġi flimkien jistgħu jitolbu għad-divorzju. F’ċerti ċirkostanzi, qabel id-divorzju jrid ikun hemm perjodu ta’ rikonsiderazzjoni ta’ 6 xhur. Dawn iċ-ċirkustanzi japplikaw:

  • jekk iż-żewġ konjuġi jitolbu hekk;
  • jekk wieħed mill-konjuġi jkun jgħix b’mod permanenti ma’ wild tiegħu li għandu inqas minn 16-il sena u jkun fil-kustodja ta’ dak il-konjuġi; jew
  • jekk wieħed mill-konjuġi biss jixtieq il-ħall taż-żwieġ. 

F'ċerti każijiet eċċezzjonali, madankollu, il-koppji li jaqgħu fil-punti msemmija hawn fuq għandhom ukoll id-dritt għad-divorzju mingħajr il-perjodu biex jerġgħu jikkunsidraw. Dan japplika jekk il-koppja jkun ilha tgħix separatament għal sentejn. Wieħed mill-konjuġi għandu dritt għad-divorzju wkoll mingħajr perjodu preċedenti ta’ rikonsiderazzjoni jekk jinstab li x’aktarx ġie mġiegħel jiżżewweġ, jew jekk il-konjuġi żżewweġ qabel ma għalaq it-18-il sena. Jekk iż-żwieġ seħħ minkejja li l-konjuġi kienu jiġu minn xulxin mill-qrib, jew jekk iż-żwieġ seħħ minkejja li wieħed mill-konjuġi kien diġà miżżewweġ jew kien fi sħubija rreġistrata u kien għadu ma nħallx iż-żwieġ jew is-sħubija ta’ qabel, kull konjuġi għandu dritt għad-divorzju mingħajr perjodu preċedenti ta’ rikonsiderazzjoni. F’każ ta’ bigamija, kull konjuġi fiż-żwieġ preċedenti għandu wkoll id-dritt li jinħall minn dak iż-żwieġ permezz ta’ divorzju mingħajr perjodu preċedenti ta’ rikonsiderazzjoni. L-istess japplika jekk tkun ġiet irreġistrata sħubija minkejja li wieħed mis-sħab kien miżżewweġ dak iż-żmien.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Konjuġi dejjem għandu dritt jikseb sentenza ta' divorzju u ma għandux għalfejn jistrieħ fuq xi raġunijiet speċjali biex jiksibha.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Divorzju ma jwassalx għal bidla fil-kunjom; il-konjuġi jibqgħu bl-istess kunjom li kellhom meta kienu miżżewġin. Madankollu, konjuġi jista’ jibdel lura għal kunjom li kellu qabel.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Wara d-divorzju, il-proprjetà tal-konjuġi tinqasam bejniethom permezz ta’ diviżjoni uffiċjali tal-assi. Il-prinċipju ġenerali huwa li l-proprjetà tinqasam f'ishma ndaqs. Ir-raġuni għall-ħall taż-żwieġ ma hijiex importanti għad-diviżjoni tal-proprjetà tal-konjuġi.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Wara d-divorzju, il-konjuġi jibqa’ jkollhom kustodja konġunta ta’ wliedhom.

Jekk wieħed mill-konjuġi jitlob dan, il-qorti li tisma’ l-proċedimenti tad-divorzju tista’ tiddeċiedi dwar il-kustodja tal-ulied, fejn se jgħixu u l-aċċess għalihom.

Fil-proċedimenti tad-divorzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll, mingħajr ma jkun ġie ppreżentat rikors, li wieħed mill-ġenituri għandu jkollu kustodja esklużiva, jekk ikun ċar li l-kustodja konġunta hija inkumpatibbli mal-aħjar interessi tal-wild. 

Iż-żewġ ġenituri jibqgħu responsabbli għall-manteniment ta' uliedhom. Il-ġenitur li ma jgħixx mal-wild b’mod permanenti jissodisfa l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment għall-wild lill-ġenitur l-ieħor.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Wara d-divorzju, kull konjuġi huwa responsabbli biex imantni ruħu. L-eċċezzjonijiet japplikaw biss f’ċerti sitwazzjonijiet speċjali, eż. meta konjuġi wieħed isibha diffiċli jmantni lilu nnifsu wara li jkun inħall żwieġ fit-tul jew jekk ikun hemm raġunijiet speċjali oħrajn.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Żvediża.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Żvediża.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Żvediża.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Ma hemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża. Żwieġ jista' jinħall jew jekk imut wieħed mill-konjuġi jew jekk il-qorti tagħti sentenza ta' divorzju.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ma hemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Ma hemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-qorti biss tista’ tiddeċiedi li tħoll żwieġ permezz ta’ divorzju. Madankollu, hemm alternattivi sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet varji li jistgħu jinqalgħu b'rabta ma' divorzju.

Il-konjuġi jistgħu jiksbu dak li huwa magħruf bħala “medjazzjoni tal-familja”, li għandha l-għan li tittratta kunflitti tal-koabitazzjoni bejn il-koppji u l-familji. L-awtoritajiet lokali huma responsabbli biex jiżguraw li l-medjazzjoni tal-familja tista’ tiġi offruta lil kull min jitlobha, jew permezz tal-awtorità lokali jew permezz ta’ konsulent professjonali xieraq.

Il-konjuġi għandhom ukoll id-dritt għal hekk imsejħa "diskussjonijiet ta' kooperazzjoni". Id-diskussjonijiet ta’ kooperazzjoni għandhom l-għan li jwasslu għal ftehim dwar kwistjonijiet relatati mal-kustodja tal-ulied, fejn se jgħixu u l-aċċess għalihom. Id-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni jsiru taħt is-superviżjoni ta' esperti. L-awtoritajiet lokali huma responsabbli biex jiżguraw li d-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni jiġu offruti lil kull min jitlobhom.

Jekk il-konjuġi jixtiequ jagħmlu xi tibdil fir-rigward tal-kustodja ta’ uliedhom, fejn se jgħixu jew l-aċċess għalihom, jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni. Tali ftehimiet iridu jiġu approvati mill-kumitat tal-assistenza soċjali tal-awtorità lokali.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża.

Il-proċedimenti tad-divorzju jinstemgħu mill-qorti distrettwali (tingsrätt) tal-lokalità fejn wieħed mill-konjuġi jkun resident abitwali. Jekk l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jkun residenti fl-Iżvezja, il-kawża tinstema’ mill-Qorti Distrettwali ta’ Stokkolma (Stockholms tingsrätt).

Jekk iż-żewġ konjuġi jixtiequ jiddivorzjaw, jistgħu jressqu rikors konġunt għal divorzju. Ir-rikors irid jiġi ppreżentat flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tad-divorzju għaż-żewġ konjuġi. Jekk wieħed biss mill-konjuġi jixtieq jiddivorzja, dak il-konjuġi għandu jressaq rikors għal taħrika. Ir-rikors irid jiġi ppreżentat flimkien ma’ dokumentazzjoni ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tad-divorzju għal dak il-konjuġi. Id-dokumentazzjoni ta’ identifikazzjoni tista’ tiġi ordnata mill-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża (Skatteverket).

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

F’kawżi li jikkonċernaw id-divorzju u kwistjonijiet relatati, l-għajnuna legali tista’ tingħata biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża.

Jista’ jsir appell kontra deċiżjoni dwar id-divorzju quddiem qorti tal-appell (hovrätt).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2019/1111 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ir-Regolament Brussell II), sentenza mogħtija fi Stat Membru trid tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali.

Ir-Regolament jippermetti li jitressqu rikorsi biex tiġi stabbilita l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ raġunijiet għar-rifjut ta’ rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Ir-rikorsi għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni barranija jitressqu quddiem il-qorti distrettwali. Ir-rikorsi għal dikjarazzjoni li ma hemm l-ebda raġuni għar-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija jitressqu quddiem il-qorti distrettwali.

Jekk ir-Regolament Brussell II ma jipprevedix mod ieħor, il-proċedimenti tal-qorti jiġu rregolati mill-Att (1996:242) dwar Kwistjonijiet tal-Qorti (lagen om domstolsärenden). 

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fir-rigward ta’ rikorsi għal divorzju li jinstemgħu minn qorti Żvediża, bħala regola l-kawża tiġi eżaminata skont il-liġi Żvediża.

F'ċerti każijiet, madankollu, iridu jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-liġi barranija. Dan japplikaw fil-każijiet li ġejjin:

  • Meta ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini barranin u l-ebda wieħed minnhom ma jkun għex l-Iżvezja għal mill-inqas sena, ma jistax jingħata digriet ta’ divorzju kontra x-xewqat ta’ wieħed mill-konjuġi jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni biex isir hekk skont il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità ta’ wieħed mill-konjuġi jew it-tnejn li huma.
  • Jekk iż-żewġ konjuġi jkollhom nazzjonalità barranija u wieħed minnhom isostni li ma hemm l-ebda raġuni għall-ħall taż-żwieġ skont il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tiegħu, ma jridx jinħareġ digriet ta’ divorzju jekk, meta jitqiesu l-interessi tal-konjuġi jew tal-ulied taż-żewġ konjuġi, ikun hemm raġunijiet partikolari biex dan ma jsirx.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna