1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
Il-liġi tal-Lussemburgu tipprevedi żewġ forom ta’ divorzju: divorzju b’kunsens reċiproku u divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjoni matrimonjali.
- Divorzju b’kunsens reċiproku
Id-divorzju b’kunsens reċiproku jista’ jintalab b’mod konġunt mill-konjuġi meta jaqblu dwar it-tkissir taż-żwieġ u l-konsegwenzi tiegħu.
Jekk il-konjuġi jkollhom beni li jridu jinqasmu, ikollhom isiru inventarju u stima minn nutar. Imbagħad, il-konjuġi jkunu jistgħu jiftiehmu liberament dwar id-drittjiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-beni kkonċernati. Jekk ma jkunx hemm beni li jirrikjedu inventarju, ma jkunx hemm bżonn tas-servizzi ta' nutar.
Il-konjuġi jridu jiftiehmu wkoll dwar ir-residenza tagħhom waqt il-proċess tad-divorzju, dwar x'se jagħmlu bi wliedhom waqt u wara dak il-proċess, dwar il-kontribuzzjoni ta' kull wieħed mill-konjuġi għall-edukazzjoni u t-trobbija tat-tfal qabel u wara d-divorzju u finalment dwar l-ammont tal-manteniment eventwali pprovdut minn wieħed mill-konjuġi lill-ieħor waqt il-proċess u wara s-sentenza tad-divorzju. Dan il-ftehim irid ikun fil-forma ta’ kuntratt bil-miktub imfassal minn avukat jew nutar. Il-ftehim irid jiġi approvat minn qorti li tivverifika li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu ssalvagwardjati u li ma jkunx jippreġudika b’mod manifestament sproporzjonat l-interessi ta’ wieħed mill-konjuġi. Il-ftehim approvat huwa parti integrali mis-sentenza ta’ divorzju.
- Divorzju minħabba ħsara irrimedjabbli tar-relazzjoni matrimonjali
Id-divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjonijiet konjugali jista’ jintalab minn wieħed mill-konjuġi, jew, meta jkun hemm ftehim dwar il-prinċipju tad-divorzju iżda mhux il-konsegwenzi kollha tiegħu, miż-żewġ partijiet b’mod konġunt.
Il-ksur irrimedjabbli jiġi stabbilit bil-qbil tal-konjuġi dwar il-prinċipju tad-divorzju jew b’talba ta’ wieħed mill-konjuġi li jżommha għaddejja wara perjodu ta’ riflessjoni ta’ mhux aktar minn tliet xhur, li jista’ jiġġedded darba.
2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
Il-liġi tal-Lussemburgu tipprevedi żewġ forom ta’ divorzju: divorzju b’kunsens reċiproku u divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjoni matrimonjali.
3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?
Iż-żwieġ jiġi xolt bid-deċiżjoni tad-divorzju. Id-dmirijiet rispettivi tal-konjuġi, jiġifieri d-dmirijiet ta’ lealtà, appoġġ u assistenza, jieqfu.
Il-liġi Lussemburgiża tistipula li l-ebda ċittadin ma jista' juża isem jew kunjom differenti minn dak imniżżel fiċ-ċertifikat tat-twelid: kull min ikun waqaf jużahom irid jerġa’ jibda jużahom. Bidla fl-istat ċivili, pereżempju permezz taż-żwieġ, għalhekk ma jwassalx għal bdil fl-isem ta' wieħed mill-miżżewġin. Li tieħu kunjom il-konjuġi tiegħek mhux dritt akkwiżit. Il-konjuġi jrid jagħti l-kunsens tiegħu biex tuża kunjomu.
Il-qrati Lussemburgiżi ddeċidew dwar l-effett tad-divorzju fuq il-kunjom li persuna tuża.
Il-mara divorzjata ma tistax tibqa' tuża kunjom l-eks raġel tagħha mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, u l-awtorizzazzjoni tista' tiġi revokata f'kull ħin. L-ex raġel huwa intitolat joġġezzjona għall-użu ta’ kunjomu kompletament fid-diskrezzjoni tiegħu, sabiex il-qrati ma jkunux jistgħu jawtorizzaw lil mara divorzjata tkompli tuża l-kunjom ta’ żewġha għal perjodu illimitat, anki għal raġunijiet professjonali, jekk ir-raġel joġġezzjona għal dan l-użu. Madankollu, il-qorti tista’, fid-dawl tar-reputazzjoni li l-mara kisbet fil-professjoni tagħha taħt il-kunjom ta’ żewġha u sabiex tipprevjeni kwalunkwe dannu finanzjarju, tiffissa terminu sabiex hija tinforma lill-klijenti tagħha b’kunjomha stess. – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Mejju 2006, P. 33, 258.
3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi
- Id-digriet tad-divorzju jordna l-likwidazzjoni u l-qsim tal-beni matrimonjali tal-konjuġi. Fin-nuqqas ta' kuntratt taż-żwieġ, ir-reġim statutorju li japplika huwa dak tal-komunità tal-akkwisti, jiġifieri li l-komunità tal-beni tapplika biss għall-akkwisti. Id-divorzju jxolji l-komunità. Fil-qsim tal-beni, hemm żewġ stadji ewlenin:
- l-ewwel, kull wieħed mill-konjuġi jieħu lura kwalunkwe beni li qatt ma kienu proprjetà konġunta, jekk tkun in natura, jew kwalunkwe assi li jkun issostitwixxa dawk il-beni.
- it-tieni, il-patrimonju konġunt (assi u obbligazzjonijiet) jiġi likwidat. Issir dikjarazzjoni ta’ dak li huwa dovut mill-patrimonju konġunt lil kull wieħed mill-konjuġi u dak li huwa dovut minn kull wieħed mill-konjuġi lill-patrimonju konġunt.
- Meta konjuġi jkun ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza li tkun saret finali, għal reat previst fl-Artikoli 372, 375, 376, 377, 393, 394, 396, 397, 398, 399, 400, 401, 401 bis, 402, 403, 404, 405 u 409 tal-Kodiċi Kriminali (attentat għall-pudur, stupru, attentat u offiża ħafifa volontarja fuq il-persuna, omiċidju u offiża gravi volontarja fuq il-persuna, qtil, assassinju, infantiċidju u avvelenament), imwettaq matul iż-żwieġ kontra l-konjuġi l-ieħor jew wild li jgħix fl-istess unità domestika, jew għal tentattiv biex jitwettaq reat previst fl-Artikoli 372, 375, 376, 377, 393, 394, 396, 397, 401, 403, 404 u 405 tal-Kodiċi Kriminali kontra l-istess persuni matul iż-żwieġ, huwa jitlef, fuq talba tal-konjuġi l-ieħor, il-benefiċċji matrimonjali mogħtija lilu minn dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, il-konjuġi innoċenti jżomm il-benefiċċji mogħtija lilu mill-konjuġi tiegħu, anki jekk dawn il-benefiċċji kienu intiżi li jkunu reċiproċi u din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata.
- Meta konjuġi jkun waqaf jaħdem jew naqqas il-ħinijiet tax-xogħol tiegħu matul iż-żwieġ, huwa jista’ b’mod retroattiv jixtri pensjoni mill-iskema ġenerali tal-pensjoni, skont il-kundizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti mil-liġijiet ċivili u tas-sigurtà soċjali applikabbli. Għal dak l-għan, il-konjuġi jista’ jitlob id-deċiżjoni tal-qorti dwar id-divorzju, qabel ma jingħata d-divorzju u dment li ma jkollux aktar minn 65 sena fil-mument tat-talba, biex jikkalkula “ammont ta’ referenza” abbażi tad-differenza bejn l-introjti rispettivi tal-konjuġi matul il-perjodu meta l-konjuġi ma kienx qed jaħdem jew kien naqqas is-sigħat tax-xogħol tiegħu. Il-metodi għall-kalkolu ta’ dan l-ammont huma stabbiliti fir-Regolament tal-Gran Dukat tal-11 ta’ Settembru 2018 dwar il-kalkolu tal-ammont ta’ referenza u dwar ir-regoli għall-ħlas u r-rifużjoni tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 252 tal-Kodiċi Ċivili (Règlement grand-ducal du 11 septembre 2018 relatif au calcul du montant de référence et aux modalités de versement et de restitution des montants visés à l’article 252 du Code civil). Għall-fini ta’ dan ix-xiri retroattiv, il-konjuġi li telaq jew naqqas l-attività professjonali tiegħu għandu pretensjoni kontra l-konjuġi l-ieħor sa 50 % tal-ammont ta’ referenza, limitat għall-beni komuni jew indiviżi li jkun hemm wara s-saldu tal-obbligazzjonijiet. Il-konjuġi kreditur ikollu jħallas ammont ekwivalenti għal dan l-ammont dovut.
3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi
Fil-prinċipju, id-divorzju tal-ġenituri ma jbiddilx il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, li tkompli tiġi eżerċitata b’mod konġunt miż-żewġ ġenituri. Huma jridu jibqgħu jieħdu kwalunkwe deċiżjoni importanti dwar il-ħajja tat-tfal (manutenzjoni, trobbija, edukazzjoni, eċċ.) flimkien.
Huwa biss meta jkun fl-aħjar interess tat-tfal li l-qorti tafda l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri lil wieħed miż-żewġ ġenituri biss. F’każ bħal dan, il-ġenitur maħtur biex jassumi l-awtorità tal-ġenituri jieħu d-deċiżjonijiet dwar it-tfal waħdu. Madankollu, il-ġenitur l-ieħor jibqagħlu d-dritt li jkun infurmat u li jkun involut fit-trobbija u l-edukazzjoni tal-wild. Soġġetti għal eċċezzjonijiet għal raġunijiet serji, huwa għandu wkoll drittijiet ta’ aċċess u ta’ residenza. Għalhekk, fil-każ li l-ġenituri jisseparaw, kull wieħed minnhom għandu jżomm relazzjoni personali mat-tfal u jirrispetta r-relazzjoni tat-tfal mal-ġenitur l-ieħor.
F’każ ta’ divorzju, il-ġenituri għandhom ikomplu jikkontribwixxu flimkien għall-ispejjeż tat-trobbija u tal-edukazzjoni tat-tfal, sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor. Dan il-kontribut jieħu l-forma ta’ ħlas ta’ manteniment li ma jieqafx awtomatikament meta t-tfal jilħqu l-età maġġuri. Dan jista’ jitħallas direttament lit-tfal ta’ età maġġuri u jista’’ jiġi rivedut skont il-bżonnijiet tat-tfal u l-evoluzzjoni tar-riżorsi u l-piżijiet ta’ kull wieħed mill-ġenituri.
Fir-rigward tar-residenza tat-tfal, hemm żewġ xenarji possibbli (minbarra l-każijiet eċċezzjonali fejn il-qorti tiddeċiedi li tagħti lill-minuri lil parti terza):
- it-tfal jgħixu ma’ wieħed mill-ġenituri. F’dan il-każ, il-ġenitur l-ieħor jingħata dritt ta’ aċċess u residenza, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji li jipprekludu dan;
- it-tfal jgħixu b’mod alternat ma’ kull wieħed mill-ġenituri, f’liema każ il-qorti tivverifika li din ir-residenza alternata hija fl-interess tat-tfal. Il-każ ta’ residenza alternata ma jimplikax neċessarjament il-kondiviżjoni strettament ugwali tal-ħin ta’ residenza tal-minuri fir-residenza ta’ kull ġenitur.
Meta l-konjuġi jaqblu dwar l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri, id-domiċilju u l-post ta’ residenza tat-tfal, id-drittijiet ta’ aċċess u ta’ residenza, u l-kontribuzzjoni għall-manteniment u t-trobbija tat-tfal, huma jistgħu jissottomettu dan il-ftehim lill-qorti matul il-proċeduri tad-divorzju. Il-qorti tista’ tqis fis-sentenza tagħha jekk il-ftehim iħarisx biżżejjed l-interessi tal-minuri u jekk il-kunsens tal-konjuġi ingħatax liberament.
Id-divorzju tal-ġenituri ma jiċħadx lit-tfal mill-benefiċċji li kienu jingħataw f’ċirkostanzi differenti. F’dan ir-rigward, huma jiġu trattati kompletament bħat-tfal ta’ ġenituri mhux divorzjati.
3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?
Il-Qorti tista’ timponi fuq wieħed mill-konjuġi l-obbligu li jħallas il-manteniment lill-ieħor. Il-manteniment jiġi stabbilit skont il-bżonnijiet tal-konjuġi li jitħallas lilu u fil-limiti tal-kapaċitajiet tal-konjuġi l-ieħor li jikkontribwixxi. Jekk il-konjuġi jaqblu, il-qorti tista’ tiddeċiedi li dan il-manteniment jitħallas bħala somma f’daqqa, li l-ammont u t-termini tagħha jiġu stabbiliti minnha.
Biex tiddetermina l-bżonnijiet u l-kapaċitajiet kontributtivi, il-qorti tqis fost l-oħrajn l-elementi li ġejjin:
1. l-età u s-saħħa tal-konjuġi;
2. it-tul taż-żwieġ;
3. iż-żmien li diġà tqatta’ jew li se jkollu bżonn jitqatta’ fit-trobbija tat-tfal;
4. il-kwalifiki professjonali u s-sitwazzjoni tal-konjuġi fir-rigward tas-suq tax-xogħol;
5. id-disponibbiltà tagħhom biex isibu impjiegi ġodda;
6. id-drittijiet eżistenti u prevedibbli tagħhom;
7. il-patrimonju tagħhom, kemm f’kapital kif ukoll f’introjtu, wara l-qsim tal-beni bejn il-miżżewġin.
It-tul tal-perjodu ta’ għoti ta’ manteniment ma jistax jaqbeż it-tul taż-żwieġ, ħlief fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali.
Il-manteniment, ħlief meta jitħallas f’salt, huwa suġġett għal reviżjoni u revoka.
Meta konjuġi jkun ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza li tkun saret finali, għal reat previst fl-Artikoli 372, 375, 376, 377, 393, 394, 396, 397, 398, 399, 400, 401, 401 bis, 402, 403, 404, 405 u 409 tal-Kodiċi Kriminali (attentat għall-pudur, stupru, attentat u offiża ħafifa volontarja fuq il-persuna, omiċidju u offiża gravi volontarja fuq il-persuna, qtil, assassinju, infantiċidju u avvelenament), imwettqa matul iż-żwieġ kontra l-konjuġi l-ieħor jew wild li jgħix fl-istess unità domestika, jew għal tentattiv biex jitwettaq reat previst fl-Artikoli 372, 375, 376, 377, 393, 394, 396, 397, 401, 403, 404 u 405 tal-Kodiċi Kriminali kontra l-istess persuni matul iż-żwieġ, huwa jitlef, fuq talba tal-konjuġi l-ieħor, kwalunkwe drittijiet għal ħlasijiet ta’ manteniment.
4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
Is-separazzjoni legali tħoll ir-rabtiet matrimonjali, iżda ma tħassarhomx: hija ttemm id-dmir tal-koabitazzjoni, imma l-obbligu tal-fedeltà u l-obbligu tal-manteniment jibqgħu jgħoddu.
5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
Il-motivi tas-separazzjoni ġudizzjarja huma identiċi għal dawk tad-divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjonijiet konjugali.
6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
Is-separazzjoni ġudizzjarja tinvolvi dejjem is-separazzjoni tal-beni. Jekk is-separazzjoni ġudizzjarja ddum tliet snin, kull wieħed mill-konjuġi jista' jitlob divorzju lill-qorti. Il-qorti tikkonċedi d-divorzju, jekk il-konjuġi l-ieħor ma jagħtix mill-ewwel il-kunsens għat-tmiem tas-separazzjoni.
7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
L-annullament taż-żwieġ ifisser li ż-żwieġ huwa null u bla effett b'deċiżjoni ġudizzjarja. Fi kliem ieħor, ikun qisu ż-żwieġ qatt ma kien.
8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
Hemm diversi raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ:
- iż-żwieġ ikun sar mingħajr il-kunsens liberu tal-konjuġi. Dan ikun il-każ jekk kien hemm vjolenza, jew jekk il-persuna kkonċernata kellha żball dwar prerekwiżit essenzjali tal-parti l-oħra.
- iż-żwieġ ġie kkuntrattat mingħajr il-kunsens tal-ġenituri (jew l-awtorizzazzjoni tal-qorti) fejn wieħed mill-konjuġi kien minorenni fiż-żmien taż-żwieġ.
- bigamija: dan ikun il-każ jekk wieħed mill-konjuġi kien fl-istess ħin diġà miżżewweġ ma' ħaddieħor.
- il-konjuġi huma relatati f’ċertu livell;
- iż-żwieġ ikun żwieġ ta’ konvenjenza għall-fini li jinkiseb benefiċċju f’termini ta’ status residenzjali;
- il-formalitajiet taż-żwieġ ma kinux ġew osservati: iż-żwieġ ma jkun sar pubblikament, iż-żwieġ ikun ġie ċċelebrat quddiem uffiċjal pubbliku bla kompetenza.
9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
Żwieġ li jiġi annullat madankollu għandu effetti legali (din hija magħrufa bħala t-teorija ta’ “żwieġ putattiv”):
- fir-rigward taż-żewġ konjuġi, jekk ikunu kkuntrattaw iż-żwieġ b’bona fide;
- fir-rigward ta’ konjuġi wieħed li jkun aġixxa b’bona fide;
- fir-rigward ta’ kwalunkwe tfal taż-żwieġ, anki jekk l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jkun aġixxa b’bona fide.
Min-naħa l-oħra, iż-żwieġ annullat ma jipproduċi l-ebda effett ġuridiku fir-rigward tal-konjuġi li jkun aġixxa b'mala fide.
10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
Fil-Lussemburgu, iż-żwieġ jista' jinħall biss b'deċiżjoni ġudizzjarja, u qatt b'mezzi ekstraġudizzjarji alternattivi jew bil-medjazzjoni. Madankollu l-medjazzjoni familjari tista' tintuża għal kwistjonijiet li jirrigwardaw il-likwidazzjoni u l-qsim tal-komunità tal-beni, l-obbligi tal-manteniment u tal-kontribuzzjoni għall-ħtiġijiet tal-familja, l-obbligu tal-manteniment tat-tfal u l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.
11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Fejn nibgħat it-talba tiegħi
- Ir-rikorsi għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali jridu jiġu ppreżentati lill-qorti distrettwali (tribunal d’arrondissement) fil-post fejn il-konjuġi jkollhom id-domiċilju komuni tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ dan, fejn l-intimat jew, fil-każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, waħda mill-partijiet, ikollhom id-domiċilju tagħhom, soġġett għall-konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni).
- Ir-rikorsi għall-annullament taż-żwieġ iridu jiġu ppreżentati lill-qorti distrettwali fil-post fejn tinsab id-dar tal-familja jew, jekk il-ġenituri jgħixu separatament, lill-qorti distrettwali fil-post ta’ residenza tal-ġenitur li miegħu t-tfal minorenni jirrisjedu abitwalment fejn l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata b’mod konġunt jew fil-post ta’ residenza tal-ġenitur li jeżerċita din l-awtorità waħdu, jew, f’każijiet oħra, lill-qorti distrettwali fil-post ta’ residenza tal-persuna li ma tkunx ressqet il-proċeduri. Fil-każ ta’ talba konġunta, il-qorti distrettwali kompetenti tkun il-qorti tad-domiċilju ta’ waħda jew l-oħra mill-partijiet, skont liema minnhom jagħżlu huma. Dawn ir-regoli japplikaw soġġetti għall-konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1111 imsemmi hawn fuq.
Ir-rikorsi jinstemgħu minn imħallef tal-familja.
Formalitajiet li jridu jiġu rispettati u dokumenti li jridu jiġu ppreżentati
- Fil-proċedura għad-divorzju b’kunsens reċiproku hemm diversi stadji: jekk ikun hemm xi beni x’jinqasmu, il-konjuġi jridu jitolbu nutar jagħmlilhom inventarju u stima tal-beni mobbli u immobbli kollha tagħhom. Il-konjuġi jkunu jistgħu jiftiehmu liberament dwar id-drittjiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-beni kkonċernati. Barra minn hekk, iridu jħejju ftehim dwar għadd ta' punti, fosthom ir-residenza tal-konjuġi waqt il-proċess, l-amministrazzjoni tal-persuna u tal-beni tat-tfal, id-dritt ta' aċċess, il-kontribuzzjoni tal-konjuġi għat-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal kif ukoll il-manteniment eventwali li jrid jitħallas minn parti lill-oħra. Dan il-ftehim irid jinkiteb minn avukat jew minn nutar.
Imbagħad, il-kawża tersaq il-qorti permezz ta’ rikors konġunt miż-żewġ konjuġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti. Mhuwiex obbligatorju li jintuża avukat biex tinfetaħ il-kawża l-qorti.
Rikors ikun fih:
1. id-data tagħha;
2. il-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-indirizz(i) taż-żewġ konjuġi;
3. id-data u l-post tat-twelid taż-żewġ konjuġi;
4. meta jkun il-każ, l-identità tal-ulied komuni;
5. l-objettiv tat-talba;
6. spjegazzjoni fil-qosor tal-fatti u tal-motivi invokati.
Minbarra l-ftehim imsemmi fuq, id-dokumenti li ġejjin iridu jinhemżu mar-rikors:
1. iċ-ċertifikat taż-żwieġ;
2. iċ-ċertifikati tat-twelid tal-konjuġi;
3. iċ-ċertifikati tat-twelid ta’ kwalunkwe tfal li kellhom bejniethom;
4. dokument li jiċċertifika n-nazzjonalità tal-konjuġi;
5. jekk ikun il-każ, il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għad-divorzju mill-konjuġi skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali u skont il-modalitajiet previsti minn dan ir-Regolament. Il-konjuġi jistgħu wkoll jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 u skont il-modalitajiet previsti minn dan ir-Regolament fil-ftehim ta’ divorzju kunsenswali;
6 kull dokument ieħor li l-konjuġi beħsiebhom jużaw.
Iċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati mar-rikors li l-partijiet ikun beħsiebhom jużaw iridu jkunu legalizzati meta dawn jkunu nħarġu minn awtorità pubblika barranija, skont il-każ.
- Fil-każ ta’ divorzju minħabba ħsara irrimedjabbli tar-relazzjoni matrimonjali jew separazzjoni legali, huwa meħtieġ avukat. Il-kawża tinfetaħ quddiem il-qorti distrettwali bil-preżentazzjoni tar-rikors fir-reġistru tal-qorti.
Ir-rikors ikun fih:
1. id-data;
2. il-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-indirizz(i) taż-żewġ konjuġi;
3. id-data u l-post tat-twelid taż-żewġ konjuġi;
4. meta jkun il-każ, l-identità tal-ulied komuni;
5. l-objettiv tat-talba;
6. spjegazzjoni fil-qosor tal-fatti u tal-motivi invokati.
Ir-rikors jista' jkun fih ukoll talbiet għal miżuri provviżorji li jikkonċernaw il-persuna, il-manteniment u l-beni kemm tal-konjuġi kif ukoll ta' wliedhom.
Id-dokumenti li ġejjin iridu jinhemżu mar-rikors:
1. iċ-ċertifikat taż-żwieġ;
2. estratt taċ-ċertifikati tat-twelid tal-konjuġi jew tar-rikorrent;
3. iċ-ċertifikati tat-twelid ta’ kwalunkwe tfal li kellhom bejniethom;
4. dokument li jiċċertifika n-nazzjonalità tal-konjuġi jew tar-rikorrent;
5. jekk ikun il-każ, il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għad-divorzju mill-konjuġi skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali u skont il-modalitajiet previsti minn dan ir-Regolament;
6. jekk ikun il-każ, abbozz tal-ftehim dwar l-effetti tad-divorzju li l-konjuġi qablu dwarhom;
7. jekk ikun il-każ, kopja tas-sentenza ta’ kundanna ta’ konjuġi għal wieħed mir-reati msemmijin fil-punti 3.2 u 3.4 iktar ’il fuq;
8. kull dokument ieħor li r-rikorrent(i) beħsiebu/hom juża(w).
Iċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati mar-rikors li l-partijiet ikun beħsiebhom jużaw iridu jkunu legalizzati meta dawn jkunu nħarġu minn awtorità pubblika barranija, skont il-każ.
- Għal rikors għal annullament taż-żwieġ, il-kawża titressaq quddiem il-qorti permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru. Mhuwiex obbligatorju li jintuża avukat biex tinfetaħ il-kawża l-qorti. Ir-rikors ikun fih:
1. id-data;
2. il-kunjom, l-isem u l-indirizzi tal-partijiet;
3. id-data u l-post tat-twelid tal-partijiet;
4. is-suġġett tar-rikors;
5. dikjarazzjoni qasira tal-fatti u tar-raġunijiet invokati.
Iċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati mar-rikors li l-partijiet ikun beħsiebhom jużaw iridu jkunu legalizzati meta dawn jkunu nħarġu minn awtorità pubblika barranija, skont il-każ.
12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
Persuni bi dħul insuffiċenti skont il-liġi Lussemburgiża jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Biex jirċievu din l-għajnuna, iridu jimlew formola li tista’ tinkiseb mill-kamra tal-avukati tal-Lussemburgu (Barreau de Luxembourg) u jibagħtuha lill-President tal-Kamra tal-Avukati (Bâtonnier de l’Ordre des avocats) tal-post rilevanti, li se jieħu d-deċiżjoni.
L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mir-rikorsi, il-proċeduri jew il-kawżi li għalihom tkun ingħatat. Hija tkopri, pereżempju, it-taxxi tal-boll u l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni, it-tariffi tal-iskrivani, it-tariffi tal-avukati, l-ispejjeż u t-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji, l-ispejjeż u t-tariffi tan-nutara, l-ispejjeż u t-tariffi tat-tekniċi, l-allowances għax-xhieda, it-tariffi tat-tradutturi u tal-interpreti, it-tariffi għaċ-ċertifikati li jiddikjaraw pożizzjoni fil-liġi barranija (certificats de coutume), l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, id-dazji u t-tariffi relatati mal-formalitajiet għar-reġistrazzjoni, l-ipoteki u l-piżijiet, u, fejn meħtieġ, l-ispejjeż għall-avviżi fil-gazzetti.
13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
Fil-Lussemburgu, huwa possibbli li jitressaq appell kontra deċiżjoni ta' dan it-tip. Fil-prinċipju, il-perjodu għall-appell huwa ta’ 40 jum, iżda jista’ jiġi estiż jekk ir-rikorrent ikun residenti barra mill-pajjiż. Il-qorti kompetenti għal kwalunkwe appell hija tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja.
14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, sentenzi dwar divorzji, separazzjonijiet legali jew annullamenti taż-żwieġ mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea huma awtomatikament rikonoxxuti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Dan ifisser li ma hemm bżonn tal-ebda proċedura biex tiġi rikonoxxuta d-deċiżjoni.
Fil-Lussemburgu ma hijiex meħtieġa proċedura preliminari għall-korrezzjoni tar-reġistri ċivili wara sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li tkun saret res judicata. Id-deċiżjoni tal-qorti li tagħti d-divorzju trid titniżżel fil-marġini taċ-ċertifikat taż-żwieġ u taċ-ċertifikat tat-twelid tal-konjuġi. Jekk iż-żwieġ ikun ġie ċċelebrat barra mill-pajjiż, id-deċiżjoni tal-qorti trid tiddaħħal fir-reġistri ċivili tal-muniċipalità li fiha jkun iddaħħal iċ-ċertifikat taż-żwieġ, jew fir-reġistri ċivili tal-Belt tal-Lussemburgu, u trid tiddaħħal referenza wkoll fil-marġni taċ-ċertifikati tat-twelid ta’ kull konjuġi.
15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Kull parti interessata tista' titlob lill-president tal-qorti distrettwali biex jagħti deċiżjoni ta' nonrikonixximent ta' deċiżjoni ta' divorzju / separazzjoni ġudizzjarja / annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Il-President tal-qorti distrettwali jiddeċiedi minnufih; il-persuna li kontriha tintalab id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent ma tista’ tippreżenta l-ebda osservazzjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri. It-talba tista' tiġi miċħuda biss għar-raġunijiet li ġejjin:
- tkun manifestament kuntrarja għall-politika pubblika;
- id-drittijiet tad-difiża ma jkunux ġew rispettati;
- tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza fi proċedimenti relatati.
Kull parti tista’ tappella quddiem il-Qorti tal-Appell mid-deċiżjoni tal-imħallef li jippresjedi l-qorti distrettwali. L-appell għandu jiġi ttrattat skont ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri kontenzjużi. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tista’ tiġi appellata fuq punti tal-liġi quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.
16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu japplika r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, li ilu japplika mill-21 ta’ Ġunju 2012 bejn l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja (mill-11 ta’ Frar 2018), Franza, il-Ġermanja, il-Greċja (mid-29 ta’ Lulju 2015), l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja (mit-22 ta’ Mejju 2014), il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja. Dan ir-Regolament jiddikjara li l-konjuġi jistgħu jaqblu li jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali sakemm din tkun waħda minn dawn li ġejjin:
- il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-konjuġi fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew
- il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi kienu abitwalment residenti l-aħħar, sakemm wieħed minnhom ikun għadu residenti hemm fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew
- il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità ta’ wieħed mill-konjuġi fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew
- il-liġi tal-forum.
Skont l-istess Regolament, fin-nuqqas ta’ għażla skont il-paragrafu preċedenti, id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat:
- fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali fil-mument li fih tiġi adita l-qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan,
- fejn il-konjuġi kienu abitwalment residenti l-aħħar, dment li l-perjodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel ma ġiet adita l-qorti, sakemm wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fil-mument li l-qorti tiġi adita; jew, fin-nuqqas ta’ dan,
- li tiegħu ż-żewġ konjuġi huma ċittadini fil-mument li l-qorti tiġi adita; jew, fin-nuqqas ta’ dan,
- fejn il-qorti tiġi adita.
Fejn ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 ma japplikax, id-divorzju u s-separazzjoni legali huma rregolati, skont il-liġi tal-Lussemburgu:
- mil-liġi nazzjonali tal-konjuġi, jekk ikollhom l-istess nazzjonalità;
- mil-liġi tad-domiċilju komuni attwali tal-konjuġi, jekk ikollhom nazzjonalitajiet differenti;
- mil-liġi tal-forum, jekk il-konjuġi ta’ nazzjonalitajiet differenti ma jkollhomx domiċilju komuni effettiv.
Ħoloq relatati
Ktejjeb: Le divorce au Grand-Duché de Luxembourg
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.