1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
Il-liġi tistabbilixxi r-rekwiżiti ġuridiċi għad-divorzju (ara t-Taqsima 2). Il-qorti trid taċċerta ruħha li ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha għas-sentenza ta’ divorzju.
Dawn il-kontrolli jridu jsiru anki jekk il-konjuġi jippreżentaw rikors konġunt għal divorzju. Il-ftehim tal-konjuġi fih innifsu mhux raġuni għad-divorzju – għalhekk fir-realtà, fl-Italja m’hemmx divorzju kunsenswali: il-qorti trid dejjem tistabbilixxi l-fatti mir-rikors qabel tawtorizza d-divorzju.
Jekk iż-żwieġ ġie ċċelebrat skont ir-rekwiżiti tal-Kodiċi Ċivili, id-divorzju jxoljih, u jekk iż-żwieġ sar bil-Knisja u ġie rreġistrat fir-reġistru pubbliku tat-twelid, taż-żwieġ u l-mewt, id-divorzju jġib fi tmiemhom l-effetti ċivili. Il-prosekutur pubbliku għandu l-obbligu li jkun parti minn dawn il-proċedimenti.
Sorsi: L-Att Nru 898 tal-1 ta' Diċembru 1970, kif emendat mill-Att Nru 436 tal-1 ta’ Awwissu 1978, mill-Att Nru 74 tas-6 ta’ Marzu 1987 u mill-Att Nru 55 tas-6 ta’ Mejju 2015.
2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
Kull wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob għad-divorzju għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:
(1) meta l-konjuġi l-ieħor, wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, jiġi kkundannat, b’sentenza li tagħlaq l-istanza, għal reat partikolarment serju, kemm jekk imwettaq qabel jew wara ż-żwieġ, jiġifieri:
- piena ta’ għomor il-ħabs jew għal piena ta’ ħabs għal aktar minn 15-il sena, li tista' tkun is-somma ta’ bosta sentenzi f’daqqa, għal reati volontarji, bl-eċċezzjoni ta' reati politiċi jew reati li jkunu saru minħabba “raġunijiet ta’ valur morali u soċjali speċjali” (motivi di particolare valore morale e sociale);
- sentenza ta’ priġunerija għal reati ta’ inċest (l-Artikolu 564 tal-Kodiċi Kriminali) jew reati sesswali msemmija fl-Artikoli 609-a (abbuż sesswali), 609-c, 609-d, jew 609-g (li ġew introdotti mil-Att Nru 66 tal-15 ta’ Frar 1996);
- kundanna ta' ħabs għall-qtil tat-tfal jew għall-attentat qtil tal-konjuġi jew tat-tfal;
- sentenza ta’ priġunerija, b’żewġ kundanni jew aktar, għal reat ta’ offiża gravi fuq il-persuna, ta’ ksur tal-obbligu ta’ manteniment tal-familja, maltrattament fil-familja jew tal-minuri, jew influwenza żejda fuq persuni b’mard mentali, a skapitu tal-konjuġi jew tat-tfal, ħlief meta r-rikorrent għad-divorzju jkun ġie kkundannat ukoll bħala kompliċi għar-reat jew meta l-koppja tkun reġgħet stabbiliet il-koabitazzjoni;
(2) f’każijiet li fihom:
- il-konjuġi l-ieħor ikun ġie lliberat mill-akkuża ta’ reati ta’ inċest jew abbuż sesswali msemmija fil-punt 1(b) u (c), jekk il-qorti tkun tal-fehma li l-konvenut mhuwiex f’pożizzjoni li jkompli jew imur lura jgħix mal-familja tiegħu;
- il-koppja tkun ilha legalment separata, bi ftehim reċiproku jew inkella fuq rikors ta’ waħda mill-partijiet, għal perjodu kontinwu ta
- mill-inqas 12-il xahar minn mindu l-koppja tkun dehret il-qorti fi proċedimenti ta’ separazzjoni legali;
- 6 xhur f’każ ta’ separazzjoni b’kunsens reċiproku, inkluż meta sentenza kkontestata tiġi solvuta b’mod reċiproku;
- jew 6 xhur mid-data ċertifikata mogħtija fil-ftehim ta’ separazzjoni milħuq wara negozjati bl-avukat, jew mid-data tal-att tal-ftehim ta’ separazzjoni konkluż quddiem reġistratur ċivili;
- il-proċedimenti kriminali għal wieħed mir-reati msemmija fil-punt 1(b) u (c) ikunu twaqqfu għaliex ir-reat ġie preskritt, iżda l-qorti li tkun qed tisma’ d-divorzju tistabbilixxi li r-reat fih innifsu xorta kien jagħti lok għal responsabbiltà kriminali;
- il-proċedimenti kriminali għar-reat ta’ inċest ikun ikkonkluda li ma kienx hemm responsabbiltà kriminali għaliex ir-reat ma’ ħoloqx “skandlu pubbliku”;
- il-konjuġi l-ieħor, li jkun ċittadin barrani, ġab l-annullament jew ix-xoljiment taż-żwieġ f’pajjiż ieħor jew reġa’ żżewweġ barra l-pajjiż;
- iż-żwieġ ma jkunx ġie kkunsmat;
- wieħed mill-konjuġi jkun biddel is-sess b’mod uffiċjali: f’dan il-każ it-talba għad-divorzju tista’ titressaq mill-konjuġi li biddel is-sess jew inkella mill-konjuġi l-ieħor.
Fil-qosor, minbarra x-xenarji tad-“dritt kriminali” (li jinkludu, minbarra l-kundanni għal reati serji, każijiet fejn il-persuna tiġi lliberata minħabba nuqqas ta’ kapaċità ġuridika, każijiet fejn ir-reat ikun preskritt, u l-każijiet ta’ inċest meta r-rekwiżit oġġettiv għar-responsabbiltà kriminali jkun nieqes), ir-raġunijiet li għalihom jista’ jintalab id-divorzju huma: is-separazzjoni legali; l-annullament, ix-xoljiment taż-żwieġ jew żwieġ ġdid tal-konjuġi l-ieħor iċċelebrat barra l-pajjiż; iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat; u l-bidla fis-sess.
3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?
L-għoti ta’ sentenza ta’ divorzju tfisser is-segwenti.
L-ewwel nett, ir-rabta taż-żwieġ tiġi xolta: kull parti terġa’ tmur lura għall-istat ċivili ta’ xebba/ġuvni u jkollha d-dritt terġa’ tiżżewweġ.
Il-mara titlef kunjom żewġha, jekk tkun żiditu ma’ kunjomha xebba; madankollu, il-qorti tista’ tawtorizza lill-mara, b’talba tagħha, iżżomm kunjom żewġha flimkien ma’ kunjomha xebba, meta dan ikun fl-interess tagħha jew tat-tfal għal raġunijiet li jistħoqqilhom protezzjoni.
Id-divorzju ma jxolljix l-irbit bl-affinità, u b’mod partikolari ma jneħħix l-impediment ta’ żwieġ kostitwit bi żwieġ fil-linja diretta (l-Artikolu 87(4) tal-Kodiċi Ċivili).
Il-konjuġi barranin ma jitilfux iċ-ċittadinanza li jkunu kisbu biż-żwieġ.
3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi
Id-divorzju jxolji l-komunjoni tal-akkwisti stabbilita bil-liġi (comunione legale, li tinkludi l-akkwisti kollha li jkunu saru mill-konjuġi flimkien jew separatament matul iż-żwieġ, minbarra l-oġġetti personali mniżżla fl-Artikolu 179 tal-Kodiċi Ċivili) kif ukoll kwalunkwe fond imwarrab għall-bżonnijiet tal-familja (fondo patrimoniale). Madankollu dan il-fond jibqa’ jeżisti sakemm it-tfal ikunu għalqu l-età maġġuri. Id-divorzju ma jaffettwax il-komunjoni tal-beni regolata minn ftehim ieħor (comunione ordinaria, pereżempju, akkwisti li jkunu saru qabel iż-żwieġ pro rata, jew matul iż-żwieġ meta fil-mument taż-żwieġ kien ġie miftiehem li l-beni tal-miżżewġin se jinżammu separati (separazione dei beni)): ir-rabta fir-rigward ta’ komunjoni tal-beni ta’ dan it-tip tista’ tiġi xolta b’talba ta’ wieħed mill-konjuġi.
Ġenitur li jgħix ma’ wild minuri jista’ jingħata d-dritt li jibqa’ jgħix fid-dar matrimonjali jekk ikun fl-interess tal-minuri li jibqa’ f’dik id-dar.
3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi
Il-qorti li tordna d-divorzju tagħti kustodja konġunta tat-tfal minuri; il-kustodja lil ġenitur wieħed esklussivament isseħħ f’każijiet eċċezzjonali. Il-qorti tistabbilixxi r-regoli dwar iż-żmien li l-ulied minuri jistgħu jqattgħu mal-ġenitur li ma jgħixx magħhom; tagħti struzzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-beni tal-ulied; u tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ta’ kull xahar għall-manteniment tat-tfal li titħallas lill-ġenitur li jgħix magħhom.
3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?
Meta tordna d-divorzju, il-qorti, b’talba ta’ waħda mill-partijiet, tordna li jsir ħlas regolari ta’ manteniment lil parti li ma jkollhiex biżżejjed mezzi ta’ għajxien jew li ma tkunx kapaċi tipprovdi għaliha nnifisha għal raġunijiet oġġettivi. L-obbligu ta’ ħlas ta’ manteniment jieqaf jekk il-benefiċjarju jerġa’ jiżżewweġ. Jekk il-partijiet jaqblu, il-ħlas tal-manteniment jista’ jsir ukoll f’darba bit-trasferiment tad-drittijiet ta’ proprjetà fuq beni immobbli lill-konjuġi benefiċjarju (għal aktar informazzjoni ara: “Talbiet għall-Manteniment – l-Italja”).
Il-konjuġi li jonqos li jħallas il-manteniment f’każ ta’ separazzjoni jew wara d-divorzju jkun ħati ta’ reat ta’ ksur tal-obbligu tal-għajnuna lill-familja (l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Kriminali).
Effetti oħrajn. Konjuġi li huwa divorzjat iżda ma reġax iżżewweġ u li għandu dritt għall-manteniment għandu dritt ukoll għal sehem minn kwalunkwe kumpens għas-sensja li jingħata lill-konjuġi l-ieħor. F’każ tal-mewt tal-eks konjuġi, il-konjuġi superstiti għandu dritt jirċievi kwalunkwe pensjoni tas-superstiti, jew li jikkondividi din il-pensjoni ma’ kull konjuġi superstiti ieħor, u li jirċievi ħlas mill-wirt tad-deċedut, jekk ikun f’qagħda finanzjarja diffiċli. Il-liġi tipprovdi wkoll li konjuġi li għandu dritt għall-manteniment għandu dritt għall-iskrizzjoni ta’ ipoteka ġudizzjarja jew li jitlob il-qbid tal-assi tal-konjuġi li jrid iħallas il-manteniment.
4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
Is-separazzjoni legali tfisser li l-liġi ma teħtiġx aktar li jkun hemm il-koabitazzjoni tal-konjuġi. Is-separazzjoni de facto waħedha ma għandhiex effetti (ħlief f’sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-Att ta’ Riforma Nru 151 tat-22 ta’ Mejju 1975).
Is-separazzjoni legali ma xxoljix ir-relazzjoni matrimonjali iżda ddgħajjifha.
Is-separazzjoni legali tista’ sseħħ b’ordni tal-qorti jew b’kunsens reċiproku.
Sorsi: ir-regoli sostantivi huma stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili (l-Artikoli 150 et seq.; dwar il-kwistjonijiet ta’ suċċessjoni ara l-Artikoli 548 u 585).
5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
Is-separazzjoni ġudizzjarja — jiġifieri s-separazzjoni b’ordni tal-qorti — tirrikjedi konklużjoni li l-konjuġi ma għadhomx aktar kapaċi jgħixu flimkien.
Meta din il-kundizzjoni tkun issodisfata, il-qorti tordna s-separazzjoni, fuq talba ta’ xi ħadd mill-konjuġi, anki kontra x-xewqat tal-parti l-oħra.
F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista’ ssib ukoll li waħda mill-partijiet kienet ħatja tas-separazzjoni: dan għandu konsegwenzi għall-għoti ta’ manteniment waqt is-separazzjoni u wara d-divorzju, u fir-rigward ta’ drittijiet ta’ suċċessjoni. Il-prosekutur pubbliku jipparteċipa f’dawn il-proċedimenti.
Is-separazzjoni legali b’kunsens reċiproku hija bbażata fuq ftehim bejn il-konjuġi, iżda ssir effettiva biss wara l-approvazzjoni tal-qorti, li hija responsabbli biex tara li l-ftehim milħuq mill-konjuġi jkun fl-interessi superjuri tal-familja. B’mod partikolari, meta l-ftehim dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal ma jkunx fl-interess tat-tfal stess, il-qorti terġa’ ssejjaħ lill-partijiet u titlobhom ibiddlu l-ftehim. Jekk il-partijiet ma jagħmlux dan, il-qorti tista’ tirrifjuta li tapprova s-separazzjoni.
6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
Ir-relazzjonijiet personali: is-separazzjoni legali (kemm bil-qorti kif ukoll b’kunsens reċiproku) tneħħi r-rekwiżit ta’ kull forma ta’ assistenza assoċjata mal-koabitazzjoni. Tħassar ukoll il-preżunzjoni tal-paternità. Il-mara ma titlifx kunjom żewġha jekk tkun żiditu wara tagħha, iżda fuq talba tar-raġel il-qorti tista’ ma tħallihiex tużah fejn dan l-użu jista’ jikkawżalu dannu serju. Bl-istess mod, il-qorti tista’ tawtorizza lill-mara biex ma tużax kunjom żewġha meta dan ikun ta’ detriment għaliha.
Il-proprjetà tal-komunjoni tal-beni: il-komunjoni tal-akkwisti tiġi xolta mad-dikjarazzjoni tan-nuqqas jew mewt preżunta ta’ wieħed mill-konjuġi, l-annullament, ix-xoljiment jew tmiem tal-effetti ċivili taż-żwieġ, is-separazzjoni legali, is-separazzjoni ġudizzjarja tal-assi, il-bidla miftehma b’mod reċiproku fir-reġim tal-proprjetà matrimonjali, jew wieħed mill-konjuġi jiġi ddikjarat fallut.
F’każ ta’ separazzjoni legali, il-beni bi proprjetà konġunta tal-konjuġi jiġi xolt meta l-qorti tawtorizzahom jgħixu separatament, jew mid-data li fiha jiġi ffirmat il-verbal tal-ftehim tas-separazzjoni b’kunsens reċiproku bejn il-konjuġi quddiem l-imħallef li jippresjedi, dment li jiġu approvati. L-ordni li tawtorizza lill-konjuġi biex jgħixu għal rashom tintbagħat lir-reġistratur ċivili sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata d-dissoluzzjoni tal-komunjoni tal-akkwisti.
Is-setgħa tal-ġenituri: il-qorti li tordna s-separazzjoni tiddeċiedi dwar il-kustodja tal-ulied minuri u tistabbilixxi l-ammont ta’ manteniment għat-tfal li jrid jitħallas mill-ġenitur li ma jkunx koabitanti (li miegħu ma jgħixx il-minuri) jew, fil-każ eċċezzjonali ta’ kustodja esklużiva, mill-ġenitur li lilu ma ngħatatx il-kustodja. Meta jingħata d-dritt li wieħed jgħix fid-dar matrimonjali, il-ġenitur li jgħix mal-wild minuri jingħata prijorità (għal aktar dettalji ara “Is-setgħa tal-ġenituri – l-Italja”).
Għoti ta’ manteniment: b’talba ta’ waħda mill-partijiet, il-qorti tista’ tagħti lill-konjuġi mhux ħati tas-separazzjoni d-dritt għal manteniment mill-konjuġi l-ieħor, jekk huwa ma jkollux biżżejjed mezzi għall-għajxien. Konjuġi fil-bżonn xorta għandu dritt għall-manteniment, jiġifieri somma regolari meħtieġa għall-għajxien, anki jekk kien ħati tas-separazzjoni (għal aktar dettalji ara “Talbiet għall-manteniment – l-Italja”).
L-aġġustament awtomatiku tal-ħlas tal-manteniment minħabba l-inflazzjoni huwa provdut espressament fil-każ ta’ koppji divorzjati; il-ġurisprudenza estendiet dan il-prinċipju wkoll għall-koppji separati.
Il-miżuri stabbiliti mill-qorti dwar il-kustodja tat-tfal u l-kalkolu tal-ammont ta’ manteniment għall-konjuġi u għat-tfal jistgħu jiġu emendati aktar tard. In-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment huwa reat skont l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Kriminali.
Is-separazzjoni bi ħtija jew mingħajrha: il-konjuġi separati li mhumiex ħatja tas-separazzjoni jkomplu jgawdu mill-istess drittijiet tas-suċċessjoni daqs il-konjuġi mhux separati.
Il-konjuġi ħatja tas-separazzjoni min-naħa l-oħra għandhom biss dritt għall-manteniment mill-wirt tad-deċedut, u dan biss jekk fi żmien li jkunu għaddejjin il-proċedimenti tas-suċċessjoni kienu intitolati għall-manteniment mingħand il-konjuġi deċedut (l-Artikoli 548 u 585 tal-Kodiċi Ċivili).
Effetti oħra: f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-ordni ta’ separazzjoni tagħti d-dritt ta’ iskrizzjoni ta’ ipoteka ġudizzjarja; u b’talba tal-persuna intitolata, il-qorti tista’ tordna l-qbid tal-assi tal-konjuġi ħati tas-separazzjoni jew toħroġ mandat ta’ sekwestru fuq il-qligħ.
7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
Skont l-Artikoli 117 et seq. tal-Kodiċi Ċivili, żwieġ jista’ jitqies null u bla effett f’għadd ta’ każijiet differenti. Is-suġġett irid jitqies f’termini ta’ nullità, billi wieħed iħares lejn ir-raġunijiet għan-nullità u l-liġi li tapplika għal kull każ.
Iż-żwieġ ikun null jekk ikun vizzjat minn wieħed mid-difetti stabbiliti mil-liġi, iżda d-difett irid jiġi invokat il-qorti permezz ta’ kawża.
Il-kawża għall-annullament ta’ żwieġ ma tintiritx għand l-eredi sakemm is-sentenza ma tkunx diġà pendenti. Il-prosekutur pubbliku għandu l-obbligu li jipparteċipa f’dawn il-proċedimenti.
Sorsi: ir-regoli sostantivi jinsabu fl-Artikoli 117 sa 129-a. tal-Kodiċi Ċivili.
8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
Żwieġ jista’ jiġi ddikjarat null minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin (l-Artikoli 117 et seq. tal-Kodiċi Ċivili):
1. wieħed mill-konjuġi kien għadu marbut bi żwieġ preċedenti; in-nullità hija assoluta u mingħajr preskrizzjoni; jista’ jsir rikors minn konjuġi wieħed jew ieħor, minn qraba diretta fil-linja axxendenti, mill-prosekutur pubbliku, jew minn kull min għandu interess leġittimu.
2. impedimentum criminis; iż-żwieġ ġie ċċelebrat bejn żewġ persuni li waħda minnhom kienet instabet ħatja ta’ qtil jew attentat ta’ qtil tal-konjuġi tal-ieħor; in-nullità hija assoluta u irrimedjabbli, u tista’ tiġi invokata minn konjuġi jew ieħor, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittimu.
3. iż-żwieġ ma setax isir minħabba l-indeboliment mentali ta’ konjuġi jew ieħor; l-ordni li tiddikjara dan l-indeboliment tista’ tinħareġ anki wara ż-żwieġ, sakemm jiġi ppruvat li l-indeboliment kien jeżisti fil-mument li jkun seħħ iż-żwieġ; iż-żwieġ jista’ jiġi kkontestat minn kustodju, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittimu.
4. wieħed mill-konjuġi ma kellux il-fakultajiet mentali sani (incapacità naturale); iż-żwieġ jista’ jiġi kkontestat minn konjuġi li, minkejja li ma jkunx iċċertifikat bħala inabilitat, juri li daħal għaż-żwieġ meta ma kellux il-fakultajiet mentali sani. Ir-rikors ma jistax jiġi ppreżentat jekk il-koppja tkun għexet flimkien għal aktar minn sena minn meta r-rikorrent reġa’ akkwista l-fakultajiet mentali sani tiegħu.
5. wieħed mill-konjuġi kien taħt l-età; ir-rikors jista’ jsir minn konjuġi jew ieħor, mill-prosekutur pubbliku jew mill-ġenituri; id-dritt tal-minuri li jippreżenta r-rikors jiskadi sena wara li jkun għalaq l-età maġġuri;
6. kien hemm rabtiet familjali, affinità, adozzjoni jew affiljazzjoni; din ir-raġuni ta’ nullità tista’ titqajjem mill-konjuġi, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittimu, sakemm ma tkunx għaddiet sena jew aktar miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u l-każ ikun wieħed fejn setgħet tintalab l-awtorizzazzjoni għaż-żwieġ minkejja r-rabtiet.
7. pressjoni, biża’ u żball: il-kunsens inkiseb taħt pressjoni, jew kien dovut minħabba biża’ eċċezzjonalment serju ta’ avvenimenti mhux fil-kontroll tal-konjuġi; jew minħabba żball fl-identità tal-persuna jew żball dwar prerekwiżit personali essenzjali tal-konjuġi l-ieħor, skont l-Artikolu 122 tal-Kodiċi Ċivili; ir-rikors jista’ jitressaq mill-konjuġi bil-kunsens vizzjat minħabba waħda minn dawn ir-raġunijiet, sakemm il-konjuġi ma jkunux għexu flimkien għal sena wara li jkun intemm it-theddid ta’ vjolenza jew is-sors tal-biża’, jew wara li jkun inkixef l-iżball.
8. simulazzjoni: iż-żwieġ jista’ jiġi kkontestat minn konjuġi jew ieħor meta ż-żwieġ ikun sar bi qbil bejniethom li ma jidħlux għall-obbligi tiegħu jew li ma jeżerċitawx id-drittijiet li jirriżultaw minnu. Ir-rikors għall-annullament irid jitressaq fi żmien sena miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ; ma jistax jitressaq jekk il-konjuġi għexu flimkien bħala raġel u mara wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, anki jekk għal żmien qasir.
9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
Jekk il-konjuġi kienu in bona fide (jiġifieri ma kinux jafu bl-impediment meta żżewwġu), iż-żwieġ jiġi ddikjarat validu sakemm jiġi annullat, u l-annullament ikun effettiv biss minn meta tingħata s-sentenza (il-prinċipju taż-“żwieġ putattiv” (matrimonio putativo)). Żwieġ li ġie ddikjarat null u bla effett għandu l-effetti ta’ żwieġ validu fil-konfront tat-tfal, anki jekk iż-żewġ ġenituri kienu in mala fede.
Il-qorti tista’ wkoll tordna li wieħed mill-konjuġi jibgħat ħlas regolari lill-konjuġi l-ieħor, għal mhux aktar minn tliet snin, jekk il-konjuġi l-ieħor ma jkollux biżżejjed mezzi għall-għajxien u ma jkunx reġa’ żżewweġ.
Jekk wieħed mil-konjuġi biss kien in bona fide, l-effetti ta’ żwieġ validu jitqiesu li dejjem kienu jeżistu favur dak il-konjuġi u t-tfal kollha. Il-konjuġi in mala fede jkollu jħallas kumpens ġust ekwivalenti għal manteniment ta’ tliet snin u jħallas ukoll manteniment addizzjonali jekk ma jkun hemm ħadd aktar obbligat iħallas il-manteniment.
10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
Permezz tad-Digriet-Liġi Nru 132 tat-12 ta’ Settembru 2014, li ġie kkonvertit fl-Att Nru 162 tal-10 ta’ Novembru 2014, il-gvern Taljan ippreveda żewġ proċeduri alternattivi ġodda li ma jinvolvux il-qrati:
- il-partijiet jistgħu jfasslu ftehim ta’ negozjar (convenzione di negoziazione assistita) fil-preżenza ta’ avukat (bl-awtorizzazzjoni jew il-permess minn qabel tal-prosekutur pubbliku), u b’hekk ikollhom il-possibbiltà li jaslu għal ftehim bonarju dwar it-tilwima tagħhom barra l-qorti, bl-assistenza tal-avukati. Din il-possibbiltà hija disponibbli għal konjuġi li jixtiequ jaslu għal separazzjoni b’kunsens reċiproku, biex iwaqqfu l-effetti ċivili taż-żwieġ tagħhom jew biex ixoljuh, jew biex jemendaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw is-separazzjoni jew divorzju tagħhom, anki jekk ikollhom tfal taħt l-età jew li għalqu l-età maġġuri iżda li għandhom diżabilitajiet serji jew ma jkunux finanzjarjament indipendenti. Meta jagħżlu din it-triq, il-koppji jkunu jistgħu jevitaw li jiftħu proċedimenti fil-qorti (l-Artikoli 2 u 6);
- jekk ma jkollhomx ulied taħt l-età jew ulied li għalqu l-età maġġuri iżda li għandhom diżabilitajiet serji jew ma jkunux finanzjarjament indipendenti, il-konjuġi reċentement ingħataw il-possibbiltà li jilħqu ftehim quddiem reġistratur ċivili li jikkonferma s-separazzjoni legali tagħhom jew ix-xoljiment jew it-tmiem tal-effetti ċivili taż-żwieġ tagħhom, jew li jemenda l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-separazzjoni jew id-divorzju tagħhom (l-Artikolu 12).
11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Il-materja kollha ġiet riformata permezz tal-Artikolu 3(33) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 149 tal-10 ta’ Ottubru 2022, li introduċa t-Titolu IV-a (regoli għall-proċedimenti dwar il-persuni, il-minuri u l-familji) fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
B’riżultat ta’ dawn l-emendi, ġie introdott Artikolu II ġdid fil-Kapitolu III tal-Kodiċi Ċivili, li jittratta l-proċedimenti għas-separazzjoni, ix-xoljiment jew it-tmiem tal-effetti ċivili taż-żwieġ, ix-xoljiment tas-sħubijiet ċivili u r-regolamentazzjoni tal-eżerċitar tas-setgħa tal-ġenituri, kif ukoll emendi tal-kundizzjonijiet rilevanti.
Skont l-Artikolu 473-a 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-liġi, ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti għall-Persuni, il-Minuri u l-Familji (Tribunale per le persone, per i minorenni e le famiglie), li tiddeċiedi bħala sedja; madankollu, il-kawża tista’ tinstema’ u tiġi eżaminata minn membru delegat tas-sedja. Il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti tal-post fejn il-wild ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jekk ikunu jridu jittieħdu miżuri relatati ma’ wild minuri fil-proċedimenti; fil-każijiet l-oħrajn kollha, japplikaw ir-regoli ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali u għalhekk il-kriterju huwa dak tar-residenza tal-konvenut (l-Artikolu 473-a.11 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk il-konvenut ma jkunx jista’ jinstab jew jirrisjedi barra l-pajjiż, il-qorti tal-post ta’ residenza tal-attur ikollha ġuriżdizzjoni jew, jekk l-attur ikun jirrisjedi barra l-pajjiż, kwalunkwe qorti fl-Italja tista’ tisma’ l-kawża.
Ir-rikors ippreżentat irid jinkludi:
- l-isem tal-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat ir-rikors;
- l-isem, il-kunjom, il-post u d-data tat-twelid, in-nazzjonalità, ir-residenza, id-domiċilju jew il-post tal-abitazzjoni, u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-attur u tal-konvenut, u tal-ulied komuni tal-partijiet jekk ikunu taħt l-età jew tal-ulied li għalqu l-età maġġuri iżda la ma jkunux finanzjarjament indipendenti jew ikollhom diżabilitajiet serji, u tal-persuni l-oħrajn li jirreferu għalihom ir-rikorsi jew il-proċedimenti;
- l-isem, il-kunjom u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tar-rappreżentant legali, flimkien ma’ indikazzjoni tal-prokura;
- is-suġġett tar-rikors;
- dikjarazzjoni ċara u konċiża tal-fatti u l-punti tal-liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors, flimkien mat-talbiet tar-rikorrent;
- lista tal-provi li r-rikorrent ikun qed jibbaża fuqhom u tad-dokumenti li jkun qed jehmeż mal-atti tal-kawża.
Ir-rikors irid jindika wkoll l-eżistenza ta’ proċedimenti oħrajn li jirrigwardaw l-istess rikors jew rikorsi relatati, kollha jew parti minnhom. Mar-rikors trid tintbagħat kopja ta’ kwalunkwe miżura, inklużi miżuri interim, li tkun diġà ttieħdet f’dawk il-proċedimenti.
Id-dokumenti msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 473-a. 12 dejjem iridu jiġu mehmuża mar-rikors u mar-risposta, b’mod partikolari: (a) id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tal-aħħar 3 snin; (b) provi dokumentarji tal-proprjetà ta’ drittijiet in rem fuq beni immobbli u mobbli reġistrati, kif ukoll ta’ ishma; (c) rendikonti bankarji u dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-aħħar 3 snin.
F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 473-a.49 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-partijiet jistgħu jitolbu x-xoljiment jew it-tmiem tal-effetti ċivili taż-żwieġ u t-talbiet relatati ma’ dan fir-rikors promotur għas-separazzjoni legali. Ir-rikorsi magħmula b’dan il-mod huma ammissibbli wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mil-liġi għal dak l-iskop, u wara li s-sentenza li tiddikjara s-separazzjoni legali tkun għaddiet f’ġudikat bħala res judicata.
Ir-rikors irid jiġi ppreżentat fil-qorti kompetenti flimkien mad-dokumenti msemmija fih.
Fi żmien 3 ijiem mill-preżentata tar-rikors, il-President jinnomina r-relatur li jista’ jingħata delega biex jisma’ l-proċedimenti, u jiffissa s-seduta għall-ewwel dehra tal-partijiet, filwaqt li jistabbilixxi l-iskadenza għad-dehra tal-konvenut, li trid isseħħ mill-inqas 30 jum qabel is-seduta. Il-President jaħtar kustodju speċjali jekk il-konvenut ikollu xi mard mentali jew ikun legalment inabilitat.
Iż-żmien massimu bejn id-data li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors u s-seduta huwa ta’ 90 jum.
L-Artikolu 473-a.51 jirregola l-proċedura dwar ir-rikorsi konġunti ppreżentati mill-partijiet.
Rikors konġunt relatat mal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 473-a.47 irid jiġi ppreżentat fil-qorti tal-post ta’ residenza jew domiċilju ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet. Ir-rikors irid ikun iffirmat mill-partijiet u jrid ikun fih dettalji dwar l-introjtu u l-assi tal-aħħar 3 snin u l-ispejjeż li jridu jitħallsu mill-partijiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet relatati mal-ulied u r-relazzjonijiet ekonomiċi. Permezz tar-rikors, il-partijiet jistgħu jirregolaw ukoll ir-relazzjonijiet kollha tal-beni tagħhom jew parti minnhom. Jekk ikunu jixtiequ jissostitwixxu s-seduta bil-preżentata ta’ noti bil-miktub, iridu jitolbu dan fir-rikors, billi jiddikjaraw li ma jixtiqux jirrikonċiljaw u jippreżentaw id-dokumenti msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 473-a.13. Wara l-preżentata, il-President jiffissa s-seduta għad-dehra tal-partijiet quddiem l-imħallef relatur u jagħmel arranġamenti biex id-dokumenti jintbagħtu lill-prosekutur pubbliku, li jagħti l-opinjoni tiegħu sa mhux aktar tard minn 3 ijiem qabel id-data tas-seduta. Fis-seduta, l-imħallef jirreferi l-kawża għal deċiżjoni wara li jkun sema’ lill-partijiet u jkun ħa nota tax-xewqa tagħhom li ma jirrikonċiljawx. L-imħallef dejjem jista’ jitlob kjarifiki jekk ikunu meħtieġa u jistaqsi lill-partijiet jippreżentaw id-dokumenti msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 473-a.12. Is-sedja toħroġ ordni li permezz tagħha tapprova jew tieħu nota tal-ftehimiet bejn il-partijiet. Jekk il-ftehimiet imorru kontra l-interessi tat-tfal, issejjaħ lill-partijiet, tindika l-emendi li jridu jiġu adottati, u f’każ ta’ soluzzjoni mhux xierqa, tiċħad ir-rikors kif ikun. F’każ ta’ rikors konġunt biex jiġu emendati l-kundizzjonijiet relatati mal-eżerċitar tas-setgħa tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal u mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji lilhom jew lill-partijiet, il-President jinnomina r-relatur li, wara li jkun ħa l-opinjoni tal-prosekutur pubbliku, jirrapporta in camera. L-imħallef jordna li l-partijiet jidhru fiżikament meta jressqu talba konġunta għal dan jew jekk ikunu meħtieġa kjarifiki rigward il-kundizzjonijiet ġodda proposti.
12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
Il-benefiċċju tal-għajnuna legali huwa possibbli (patrocinio a spese dello Stato) jiġifieri l-possibbiltà ta' avukat mingħajr ma jitħallsu t-tariffi tiegħu u l-ispejjeż l-oħra tal-qorti. L-għajnuna legali hija disponibbli wkoll għaċ-ċittadini barranin li għandhom residenza fl-Italja. Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà jinsabu fl-Att Nru 217 tat-30 ta’ Lulju 1990 u fl-iskeda dwar l-għajnuna legali. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali jridu jiġu ppreżentati lill-Kamra tal-Avukati rilevanti (consiglio dell’ordine degli avvocati); ara s-siti web tal-Kmamar tal-Avukati (pereż. għall-Kamra tal-Avukati ta’ Ruma) u s-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
Sorsi: L-Att Nru 217 tat-30 ta’ Lulju 1990, kif emendat bl-Att Nru 134 tad-29 ta’ Marzu 2001.
13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
Jista’ jsir appell mis-sentenzi ta’ separazzjoni legali, divorzju jew annullament. L-appell irid jitressaq permezz ta’ rikors, li jrid jinkludi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 342 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru qabel l-1 ta’ Awwissu 2022 jiġu implimentati fl-Istati Membri l-oħrajn skont ir-regoli uniformi dwar ir-rikonoxximent stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (“Brussell IIa”). Id-deċiżjonijiet mogħtija wara l-1 ta’ Awwissu 2022 huma rikonoxxuti fl-Istati Membri tal-UE skont ir-Regolament sussegwenti (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (“Brussell IIb”).
Skont iż-żewġ Regolamenti, ir-rikonoxximent tas-sentenzi f’materji matrimonjali huwa awtomatiku. Id-deċiżjonijiet dwar divorzju, separazzjoni u annullament li ma jistgħux jiġu appellati aktar fl-Istat Membru ta’ oriġini jiġu implimentati, flimkien maċ-ċertifikat rilevanti, mingħajr bżonn ta’ aġġornament tar-reġistrazzjonijiet fir-reġistru ċivili tal-Istat Membru rikjest. Ftehimiet ekstraġudizzjarji f’materji matrimonjali (bħal ftehimiet ta’ negozjar konklużi fi tmiem il-proċedura stabbilita fid-Digriet-Liġi Nru 132 tat-12 ta’ Settembru 2014, ikkonvertit fl-Att Nru 162 tal-10 ta’ Novembru 2014) ukoll jiġu implimentati fl-UE fid-dawl tar-Regolament Brussell IIb.
Kwalunkwe parti interessata tista’ tapplika għal dikjarazzjoni li tgħid li s-sentenza barranija trid jew ma tridx tiġi rikonoxxuta; ir-raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent huma previsti espressament u b’mod komprensiv fir-regolament applikabbli. L-azzjoni, f’forma ta’ rikors (ricorso) lill-qorti, trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tal-appell (corte di appello) b’ġuriżdizzjoni territorjali fil-post ta’ implimentazzjoni tas-sentenza kif previst mid-dritt intern tal-Italja. Il-qorti għandha tagħti deċiżjoni mingħajr dewmien, bi jew mingħajr is-smigħ tal-parti l-oħra, u s-sentenza għandha tiġi nnotifikat lir-rikorrent. F’konformità mal-Artikolu 30-a. tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 150 tal-1 ta’ Settembru 2011, kif emendat mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 149/2022, il-proċedimenti jsiru in camera, mingħajr il-parti l-oħra.
15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Appell minn deċiżjoni mogħtija in camera jista’ jitressaq fi żmien 60 jum min-notifika tal-ordni.
Id-deċiżjoni mogħtija dwar din l-oġġezzjoni tista’ mbagħad tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (ara l-Annessi tar-Regolament).
16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
L-Italja hija parti għar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (Ruma III). Il-liġi applikabbli għall-proċedimenti dwar id-divorzju u s-separazzjoni legali relatati ma’ sitwazzjonijiet li jinvolvu elementi barranin hija dik magħżula mill-partijiet f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament, u fin-nuqqas ta’ għażla, dik determinata mill-fatturi ta’ konnessjoni previsti fl-Artikolu 8. Il-limiti uniformi dwar l-applikazzjoni ta’ liġi barranija stipulati minn dak ir-regolament jiġu applikati.
L-Artikolu 31 tal-Att Nru 218 tal-31 ta’ Mejju 1995 li jirriforma d-dritt internazzjonali privat Taljan, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 149/2022 u applikabbli kull meta ma japplikax id-dritt internazzjonali privat Ewropew uniformi, jirreferi wkoll b’mod sħiħ għar-regoli stipulati fir-Regolament Nru 1259/2010, filwaqt li jispeċifika li l-partijiet jistgħu jindikaw il-liġi applikabbli bi ftehim reċiproku bil-miktub, fis-sens tal-Artikolu 5 tiegħu, u li l-indikazzjoni tista’ ssir ukoll waqt il-proċedimenti, sal-konklużjoni tas-seduta għall-ewwel dehra tal-partijiet, anki permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula fil-verbal mill-konjuġi nfushom jew permezz ta’ rappreżentant legali speċjali.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.