1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?
Ir-responsabbiltà tal-ġenituri b’mod partikolari tinkludi l-obbligi u d-drittijiet tal-ġenituri li jieħdu ħsieb il-persuna u l-assi tal-wild minuri u li jrabbu l-wild minuri, b’rispett għad-dinjità u d-drittijiet tal-wild minuri (l-Artikolu 95(1) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela (Kodeks rodzinny i opiekuńczy, KRiO)).
2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?
Iż-żewġ ġenituri għandhom responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild minuri. Meta ġenitur wieħed ikun mejjet jew ma jkollux kapaċità legali sħiħa, il-ġenitur l-ieħor huwa d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri. L-istess japplika fil-każ li r-responsabbiltà ta’ ġenitur ta’ wieħed mill-ġenituri tkun ġiet sospiża.
Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ tkun ukoll limitata b’deċiżjoni tal-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġenitur l-ieħor ikun intitolat li jeżerċita r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-wild sa fejn ikun speċifikat fid-deċiżjoni tal-qorti.
3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?
F’każ li l-ġenituri ma jkunux jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, dawn jistgħu jagħmlu talba lill-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela (sąd opiekuńczy) jew awtorità pubblika oħra biex il-wild minuri jitqiegħed f’foster care. F’każijiet ta’ urġenza estrema, fuq it-talba jew bil-kunsens tal-ġenituri tal-wild minuri, il-wild minuri jista’ jitqiegħed ma’ foster family abbażi ta’ ftehim bejn il-kap ta’ distrett (starosta) u foster family jew persuni li jmexxu dar għall-foster care (rodzinny dom dziecka).
Meta l-ġenituri ma jkunux iridu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq wild minuri, dawn jistgħu jagħtu l-kunsens għall-adozzjoni tiegħu. Hemm tliet forom ta’ adozzjoni skont il-liġi Pollakka: sħiħa, sħiħa u irrevokabbli (magħrufa wkoll bħala “adozzjoni sħiħa”), u mhux sħiħa.
Jekk il-ġenituri, waqt li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, jipperikolaw l-interessi tal-wild minuri, ir-responsabbiltà tagħhom ta’ ġenituri tkun soġġetta għal restrizzjoni b’sentenza tal-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela u l-wild minuri jista’ jitqiegħed f’foster family, f’dar ta’ foster family, taħt foster care istituzzjonali, f’ċentru ta’ indukrar u trattament, f’ċentru ta’ indukrar minn infermiera jew f’ċentru ta’ riabilitazzjoni terapewtika.
4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?
Meta tagħti sentenza dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, qorti Pollakka hija meħtieġa li ssolvi l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri għal wild minuri ħlief jekk ma jkollha l-ebda ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ responsabbiltà tal-ġenituri f’każ speċifiku. Meta tkun qed issolvi l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti Pollakka tista’ tqis ftehim bil-miktub bejn il-miżżewġin dwar kif tkun se tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri, dment li dan ikun fl-aħjar interessi tal-wild minuri.
Jekk il-ġenituri ma jaqblux, il-qorti tista’, wara li tikkunsidra d-dritt tal-wild minuri li jitrabba miż-żewġ ġenituri:
- tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju konġunt tar-responsabbiltà tal-ġenituri;
- tagħti r-responsabbiltà tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri u tirrestrinġi r-responsabbiltà tal-ġenitur l-ieħor għal obbligi u drittijiet speċifiċi fir-rigward tal-wild minuri.
Meta jkun ġustifikat mill-aħjar interessi tal-wild minuri, il-qorti li tittratta l-kwistjoni ta’ tutela tista’ tbiddel sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-mod kif tiġi eżerċitata f’digriet ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ (l-Artikolu 106 KRiO).
5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?
M’hemm l-ebda forma speċifikata mil-liġi għal ftehim tal-ġenituri bħal dan. Madankollu, ta’ min jinnota li ftehim bejn il-ġenituri dwar kif tkun se tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri m’għandu l-ebda effett legali u jista’ jitqies sempliċiment bħala bażi għas-sentenza tal-qorti f’dan ir-rigward. Il-ftehim jista’ jintlaħaq ukoll permezz ta’ medjazzjoni. F’dak il-każ, dan isir bil-miktub u jiġi ffirmat miż-żewġ ġenituri u minn medjatur. Sabiex ikun legalment vinkolanti, il-ftehim irid jiġi approvat mill-qorti.
6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?
Il-ġenituri jistgħu jiġu megħjuna minn medjatur. Is-servizzi tal-medjazzjoni jiġu pprovduti abbażi ta’ ftehim ta’ medjazzjoni jew deċiżjoni tal-qorti li tirreferi l-ġenituri għal medjazzjoni. Il-ftehim jista’ jiġi konkluż ukoll permezz tal-kunsens ta’ ġenitur biex jimmedja meta l-ġenitur l-ieħor ikun talab medjazzjoni. Madankollu, soluzzjoni li tinstab quddiem medjatur m’għandhiex il-forza legali ta’ sentenza tal-qorti sakemm din ma tkunx approvata mill-qorti.
7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?
Il-ġenituri jistgħu jmorru f’qorti fil-Polonja li tittratta l-materji ta’ tutela b’rabta ma’ bosta kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq wild minuri, bħal:
- id-determinazzjoni ta’ kif għandha tiġi eżerċitata r-responsabbiltà tal-ġenituri, id-determinazzjoni tal-post tar-residenza tal-minuri u l-aċċess għall-wild minuri meta l-ġenituri jgħixu separatament;
- riżoluzzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna kwistjonijiet importanti fir-rigward tal-wild minuri f’każ li l-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar kif għandhom jiġu riżolti kwistjonijiet bħal dawn, inkluż id-determinazzjoni tal-post ta’ residenza, l-għażla tal-iskola, l-għażla tal-isem u l-kunjom, deċiżjonijiet dwar kura medika, ivvjaġġar barra mill-pajjiż, eċċ.
- tranżazzjonijiet legali bejn wild minuri u ġenitur fejn tali tranżazzjonijiet legali jmorru lil hinn mill-immaniġġjar ordinarju tal-assi tal-wild minuri.
8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?
Jekk qorti tkun fdat l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri biss, dak il-ġenitur ikun liberu li jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw lill-wild minuri mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor jew jikseb il-kunsens tiegħu. Tranżazzjonijiet legali li jmorru lil hinn mill-ambitu tal-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-beni tat-tfal jeħtieġu l-approvazzjoni tal-qorti li tittratta kwistjonijiet ta’ tutela.
Ġenitur jista’ jiġi mċaħħad mir-responsabbiltà tal-ġenituri mill-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela jekk ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma tkunx tista’ tiġi eżerċitata minħabba impediment permanenti, il-ġenitur ikun jabbuża mir-responsabbiltà tal-ġenituri jew ikun jittraskura serjament l-obbligi tiegħu fil-konfront tal-wild minuri.
9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?
L-għoti tal-kustodja konġunta lill-ġenituri jfisser li dawn jistgħu u għandhom jeżerċitaw l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-wild minuri. Dan ifisser, fost l-oħrajn, li kwistjonijiet importanti li jikkonċernaw il-wild minuri jiġu deċiżi b’mod konġunt mill-ġenituri, jew minn qorti li tittratta materji ta’ tutela meta ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim.
10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Il-kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jinstemgħu mill-qorti distrettwali (sąd rejonowy) b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tar-residenza tal-wild minuri. It-taqsima tal-familja u tal-minorenni fi ħdan il-qorti distrettwali hija l-qorti li tittratta l-kwistjonijiet ta’ tutela (sąd opiekuńczy). Meta ma jkunx hemm bażi bħal din, il-ġuriżdizzjoni tinsab fil-Qorti Distrettwali tal-Belt Kapitali Varsavja.
Għandu jitressaq rikors flimkien maċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild minuri, iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri (meta jkunu miżżewġin), dokumenti oħrajn li jappoġġaw it-talba, bħal ċertifikati mediċi, ċertifikati tal-iskola u kopji ta’ sentenzi preċedenti minn qrati oħrajn li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri.
11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?
Il-kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jinstemgħu f’dik li hija magħrufa bħala proċedura mhux kontenzjuża, li hija inqas formali minn proċedura kontenzjuża.
Barra minn hekk, fuq it-talba ta’ parti fil-proċedimenti, il-qorti li tittratta materji ta’ tutela tista’ tagħti miżura provviżorja fil-mod li tqis xieraq taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Id-deċiżjonijiet f’dan ir-rigward isiru effettivi u eżegwibbli meta jinħarġu.
12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
Il-partijiet għal proċedimenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri huma meħtieġa li jħallsu t-tariffi u l-ispejjeż previsti fl-Att dwar l-Ispejjeż Legali f’Kawżi Ċivili (Ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych). Madankollu, skont l-Artikolu 102(1) tal-Att, parti għall-proċedimenti tal-qorti tista’ titlob eżenzjoni mill-ispejjeż legali billi tressaq dikjarazzjoni li ma tistax tħallas spejjeż bħal dawn mingħajr tbatija għaliha stess jew għall-familja tagħha. It-talba għal eżenzjoni mill-ispejjeż legali għandha tiġi akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tagħti dettalji dwar l-istatus tal-familja, l-assi, l-introjtu u l-għajxien tal-applikant. Parti għal proċedimenti tista’ tiġi eżentata parzjalment mill-ispejjeż legali mill-qorti fil-każ li tali parti tkun f’pożizzjoni li tħallas biss parti mit-tali spejjeż (l-Artikolu 101(1)).
13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?
Iva, appell kontra kwalunkwe deċiżjoni jista’ jitressaq quddiem qorti superjuri. Fil-każ ta’ ordnijiet protettivi, jiġi ppreżentat appell quddiem qorti tal-istess istanza. Appelli kontra sentenzi li jingħataw minn qorti distrettwali (sąd rejonowy) dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jistgħu jitressqu quddiem qorti reġjonali (sąd okręgowy). Sentenzi li jingħataw minn qorti reġjonali (sąd okręgowy) li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fi proċedimenti għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ huma soġġetti għal appell quddiem il-qorti tal-appell (sąd apelacyjny).
14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?
Il-korp tal-eżekuzzjoni tal-qorti f’kawżi li jikkonċernaw ir-ritorn ta’ wild minuri huwa tutur maħtur mill-qorti (kurator sądowy). Fil-każ li ma jkunx hemm konformità mas-sentenza tal-qorti li tordna r-ritorn ta’ wild minuri, il-persuna intitolata sabiex il-wild minuri jiġi rritornat għandha titlob lill-qorti li ħarġet tali deċiżjoni biex tordna t-tneħħija obbligatorja tal-wild minuri minn tutur maħtur mill-qorti. Fil-każ li l-inħawi ta’ persuna soġġetta għar-responsabbiltà tal-ġenituri ma jkunux magħrufa, il-qorti twettaq investigazzjoni sabiex tistabbilixxi fejn tinsab. Id-digriet jingħata mill-qorti lil tutur maħtur mill-qorti fil-forma ta’ deċiżjoni, li tista’ tingħata in camera. Ma jista’ jitressaq l-ebda appell kontra deċiżjoni bħal din. It-tutur maħtur mill-qorti jistabbilixxi d-data għat-tneħħija tal-wild minuri u jinnotifika l-persuna intitolata. It-tutur maħtur mill-qorti jista’ jieħu l-wild minuri mingħand kwalunkwe persuna li jkun qiegħed joqgħod magħha l-wild minuri. Għal dan il-għan, il-tutur maħtur mill-qorti jista’ jfittex l-assistenza ta’ uffiċjali tal-pulizija, psikologi u l-bqija.
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Kodeks postępowania cywilnego) jipprevedi proċedura differenti fir-rigward ta’ sentenzi dwar arranġamenti għall-aċċess. F’dak il-każ, fuq it-talba ta’ persuna intitolata għal aċċess għall-wild minuri, il-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela (sąd opiekuńczy) thedded li toħroġ mandat fil-konfront tal-persuna li għandha l-kustodja u li tonqos milli tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn sentenza jew soluzzjoni fir-rigward ta’ aċċess għall-wild minuri, li jkun jeħtieġ il-ħlas ta’ ammont speċifiku lill-persuna intitolata għal kull ksur tal-obbligu. Fil-każ li persuna intitolata għal aċċess għall-wild minuri jew persuna pprojbita minn tali aċċess tikser l-obbligu impost mid-deċiżjoni, il-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela (sąd opiekuńczy) thedded li tordna lil din il-persuna tħallas ammont speċifiku lill-persuna b’kustodja tal-wild minuri. F’każ li persuna ordnata mill-qorti li tittratta l-materji ta’ tutela biex tagħmel ħlas tkompli tonqos milli tissodisfa l-obbligu tagħha, il-qorti tat-tutela (sąd opiekuńczy) se tordna lit-tali persuna biex tħallas ammont dovut, li jiġi stipulat skont in-numru ta’ każijiet ta’ ksur.
Sentenza jew soluzzjoni eżegwibbli li tikkonċerna l-aċċess għall-wild minuri trid tiġi mehmuża mar-rikors imsemmi hawn fuq.
15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?
Dawn il-kwistjonijiet huma rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni). Bħala regola, dawn is-sentenzi jiġu rikonoxxuti u eżegwiti mingħajr ebda proċediment addizzjonali. Madankollu, huwa possibbli li jiġi ppreżentat rikors għal rikonoxximent u eżekuzzjoni lil qorti reġjonali. Il-qorti reġjonali hija wkoll kompetenti biex teżamina rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità. Fiż-żewġ każijiet, ir-rikors għandu jissodisfa l-kriterji ta’ dokument proċedurali, li jfisser li dan għandu speċifikament jistabbilixxi t-talba, il-fatti li jiġġustifikaw tali talba, u jekk il-partijiet ippruvawx jagħmlu medjazzjoni jew le.
16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Bil-liġi, is-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ pajjiżi barranin, id-dokumenti uffiċjali u l-ftehimiet milħuqa ta’ responsabbiltà tal-ġenituri huma soġġetti għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, sakemm ma jkunx hemm impediment skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Kull min ikollu interess legali jista’ jitlob dikjarazzjoni li sentenza ta’ qorti barranija, dokument uffiċjali jew ftehim li joriġina fi Stat Membru huwa jew mhuwiex soġġett għal rikonoxximent u eżekuzzjoni. Talba għal ċaħda ta’ eżekuzzjoni, ċaħda ta’ rikonoxximent jew dikjarazzjoni li ma hemm l-ebda raġuni għal ċaħda ta’ rikonoxximent trid tkun akkumpanjata minn:
- kopja uffiċjali tas-sentenza, dokument uffiċjali jew ftehim;
- dokument li jikkonferma li s-sentenza hija finali, sakemm dak il-fatt ma jkunx ċar mid-diċitura tagħha;
- traduzzjoni ċċertifikata għall-Pollakk tal-kopja tas-sentenza, tad-dokument uffiċjali jew tal-ftehim.
Talbiet għal dikjarazzjoni li sentenza tal-qorti, dokument uffiċjali jew ftehim mhumiex soġġetti għal rikonoxximent u eżekuzzjoni jridu jkunu akkumpanjati minn kopja uffiċjali tagħhom bi traduzzjoni ċċertifikata għall-Pollakk.
It-talbiet jiġu eżaminati mill-qorti reġjonali (sąd okręgowy) li tkun ġeografikament kompetenti biex tikkunsidra l-kawża li tkun inqatgħet permezz tas-sentenza tal-qorti barranija jew mill-qorti reġjonali tar-reġjun fejn tinsab il-qorti distrettwali ġeografikament kompetenti (sąd rejonowy) jew, fin-nuqqas ta’ din il-qorti, mill-Qorti Reġjonali f’Varsavja (Sąd Okręgowy w Warszawie).
Jista’ jiġi ppreżentat appell kontra tali deċiżjoni tal-qorti reġjonali u appell fil-kassazzjoni kontra deċiżjoni tal-qorti tal-appell; huwa possibbli wkoll li ssir talba biex jerġgħu jinfetħu proċedimenti magħluqin permezz ta’ deċiżjoni finali dwar ċaħda ta’ eżekuzzjoni, ċaħda ta’ rikonoxximent jew dikjarazzjoni li ma jeżistux raġunijiet biex jinċaħad ir-rikonoxximent u sabiex din id-deċiżjoni finali tiġi ddikjarata illegali.
Fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-qrati barranin, il-proċeduri tant ivarjaw skont it-tip ta’ proċedimenti li dejjem ikun aħjar li wieħed jikkuntattja minn qabel lill-awtorità ċentrali għal informazzjoni dwar kif wieħed għandu jipproċedi.
17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Il-liġi applikabbli f’materji li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ aċċess hija stipulata fil-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal li saret f’The Hague fid-19 ta’ Ottubru 1996, jew fi ftehimiet bilaterali li l-Polonja hija parti għalihom. Meta l-ebda wieħed minn dawk l-istrumenti ma jkun applikabbli, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tal-4 ta’ Frar 2011 (Ustawa z dnia 4 lutego 2011 r. - Prawo prywatne międzynarodowe). Fil-każ li r-residenza abitwali tal-wild minuri tinbidel għal residenza f’pajjiż li mhuwiex parti għall-Konvenzjoni, il-liġi ta’ dak il-pajjiż tirregola t-tibdiliet sussegwenti kollha fil-kondizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri adottati fil-pajjiż tal-ewwel residenza abitwali preċedenti tal-wild minuri.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.