1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?
Wild minuri jibqa’ taħt il-kustodja tal-ġenituri sakemm jilħaq l-età maġġuri.
Kustodja tfisser id-dritt u l-obbligu tal-ġenitur li jieħu ħsieb il-wild minuri u l-beni tiegħu u li jirrappreżenta lill-wild minuri fir-relazzjonijiet personali u tal-beni tiegħu.
It-tħaris tal-wild minuri jfisser il-kura u s-sorveljanza tiegħu, u d-dritt li tiddeċiedi l-post tar-residenza tiegħu.
It-tħaris tal-wild minuri jfisser il-manteniment tiegħu, jiġifieri li jingħata l-ikel, l-ilbies, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, il-kura personali, l-edukazzjoni u t-trobbija tiegħu (li jiżgura l-iżvilupp mentali u fiżiku, skont il-personalità, il-ħiliet u l-interessi tal-wild minuri, u t-tħejjija tiegħu għal xogħol utli fis-soċjetà).
Is-sorveljanza tal-ġenituri tfisser it-tħaris tas-sikurezza tal-minuri u l-prevenzjoni ta’ kwalunkwe periklu minn partijiet terzi. Id-dritt li jiġi deċiż il-post tar-residenza tal-wild minuri jfisser l-għażla ġeografika tal-post tar-residenza u l-għażla tal-akkomodazzjoni.
It-tħaris tal-beni tal-wild minuri tfisser iż-żamma u l-użu tal-beni tal-minuri b’tali mod li jiġi ppreżervat u mtejjeb il-valur tagħhom.
2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?
Il-ġenituri li jgħixu flimkien jeżerċitaw il-kustodja tal-ġenituri konġuntament. Jekk il-ġenituri jkunu separati, ir-responsabbiltà konġunta tagħhom tissokta. It-tħaris u s-sorveljanza tal-wild minuri jridu jiġu żgurati mill-ġenitur li miegħu jkun qed jgħix il-wild minuri. Il-ġenituri għandhom jieħdu deċiżjonijiet flimkien dwar kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-wild minuri.
3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?
Jekk is-saħħa jew il-ħajja tal-wild minuri tkun ipperikolata tort ta’ ġenitur (minħabba mġiba intenzjonali jew negliġenza) jew il-ġenitur jabbuża mid-drittijiet tiegħu jew jonqos milli jipprovdi tħaris u sorveljanza u b’hekk jipperikola l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-wild minuri, il-qorti tista’ ċċaħħad lill-ġenitur mid-dritt tal-kustodja.
Meta ċċaħħad il-kustodja lil wieħed mill-ġenituri, il-qorti tittrasferixxi lill-wild minuri taħt il-kustodja separata tal-ġenitur l-ieħor. Meta l-kustodja eżerċitata mill-ġenitur l-ieħor ma tkunx tista’ tipproteġi adegwatament lill-wild minuri mill-periklu jew jekk iż-żewġ ġenituri jiġu mċaħħda mill-kustodja, il-qorti tinkariga lill-qorti tal-familja (bāriņtiesa) sabiex tipprovdi tħaris barra mid-dar għall-wild minuri.
4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?
Jekk il-ġenituri jkunu separati, ir-responsabbiltà konġunta tagħhom tissokta. It-tħaris u s-sorveljanza tal-wild minuri jridu jitwettqu mill-ġenitur li miegħu jkun qed jgħix il-wild minuri. Il-ġenituri għandhom jieħdu deċiżjonijiet flimkien fi kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-wild minuri. It-tilwim bejn il-ġenituri jiġi solvut mill-qorti tal-familja, sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor. Il-kustodja konġunta tal-ġenituri tintemm meta ftehim bejn il-ġenituri jew deċiżjoni tal-qorti tistabbilixxi l-kustodja separata ta’ ġenitur wieħed.
5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?
Jekk il-ġenituri jaqblu dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri u jikkonformaw mal-ftehim b’mod volontarju, ma jkunx meħtieġ li tinkiseb approvazzjoni minn xi awtorità jew qorti.
6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?
F’każ ta’ tilwima, in-nuqqasijiet ta’ qbil u d-differenzi jiġu solvuti mill-qorti tal-familja.
Il-medjazzjoni tista’ tkun effettiva wkoll għar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti tal-familja; bl-għajnuna tal-medjatur bħala parti terza newtrali, isir tentattiv biex tinstab soluzzjoni għat-tilwima li tkun aċċettabbli għall-partijiet, billi huwa jisma’ l-aspettattivi u l-ħtiġijiet taż-żewġ partijiet. Skont il-programm tal-baġit tal-Istat dwar il-“Medjazzjoni fit-tilwim tal-familja”, implimentat mill-Ministeru tal-Ġustizzja f’kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Medjaturi Ċċertifikati, il-familji jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’sessjonijiet ta’ ħames sigħat ta’ medjazzjoni mħallsa mill-Istat, filwaqt li l-familji kklassifikati bħala li għandhom dħul baxx jew fil-bżonn, jitħallsulhom sessjonijiet ta’ seba’ sigħat.
7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?
Jekk il-ġenituri jirrikorru l-qorti, huma jistgħu jressqu rikors għal kustodja konġunta jew separata. Jekk ikun meħtieġ, l-imħallef jiddeċiedi wkoll dwar materji ta’ manteniment, il-post tar-residenza, eċċ. Ġenitur bi dritt ta’ kustodja separata jeżerċita l-kustodja tal-wild minuri, li tinkludi d-dritt li jaġixxi f’isem it-tfal fir-relazzjonijiet personali u tal-beni tagħhom u d-dritt li jistabbilixxi l-post tar-residenza tal-wild minuri. Kull ġenitur għandu l-obbligu u d-dritt li jżomm relazzjoni personali u kuntatt dirett mal-wild minuri. Din ir-regola tapplika wkoll jekk il-wild minuri jkun separat mill-familja jew jekk il-wild minuri ma jibqax jgħix ma’ wieħed mill-ġenituri jew mat-tnejn li huma. Il-ġenitur li ma jgħixx mal-wild minuri għandu d-dritt li jinżamm infurmat dwaru, speċjalment dwar l-iżvilupp, is-saħħa, il-kisbiet akkademiċi, l-interessi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tiegħu. Tilwima bejn il-ġenituri dwar il-kustodja għandha tiġi deċiża fl-interessi tal-wild minuri u għandha tintalab l-opinjoni tal-wild minuri, jekk dan ikun kapaċi jesprimiha.
8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?
Ġenitur li jkollu kustodja separata tal-minuri jkollu d-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn din il-kustodja. Il-ġenituri għandhom l-obbligu jmantnu t-tfal tagħhom skont il-kapaċitajiet u l-mezzi finanzjarji tagħhom. Il-missier u l-omm huma obbligati jmantnu lill-wild minuri sakemm il-wild minuri jkun jista’ jipprovdi għalih innifsu.
Ir-responsabbiltà tal-manteniment tal-wild minuri ma tintemmx jekk il-wild minuri jkun jgħix separatament mill-familja jew jekk il-wild minuri ma jibqax jgħix ma’ wieħed mill-ġenituri.
Meta jiddeċiedu dwar kustodja separata, il-qrati jqisu ċ-ċirkostanzi tal-kawża, jiġifieri, ma’ liema ġenitur ikun qed jgħix il-wild minuri meta jitressaq ir-rikors u liema ġenitur ikollu l-kustodja ta’ kuljum tal-wild minuri. Il-wild minuri għandu d-dritt li jżomm relazzjoni personali u kuntatt dirett ma’ kwalunkwe ġenitur (drittijiet ta’ aċċess). Kull ġenitur għandu l-obbligu u d-dritt li jżomm relazzjoni personali u kuntatt dirett mal-wild minuri. Il-ġenitur li ma jgħixx mal-wild minuri għandu d-dritt li jinżamm infurmat dwaru, speċjalment dwar l-iżvilupp, is-saħħa, il-kisbiet akkademiċi, l-interessi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tiegħu. Id-deċiżjoni li tingħata kustodja separata tal-wild minuri lil wieħed mill-ġenituri ma tfissirx li l-ġenitur l-ieħor huwa mċaħħad mid-dritt ta’ kustodja.
9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?
Jekk l-ulied minuri jkunu taħt il-kustodja konġunta taż-żewġ ġenituri, iż-żewġ ġenituri jistgħu jaġixxu f’isem it-tfal fir-relazzjonijiet personali u dwar il-beni tagħhom. Il-ġenituri jieħdu deċiżjoni konġunta dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-iżvilupp tal-wild minuri.
10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
It-talbiet li jirriżultaw mid-drittijiet ta’ kustodja u aċċess għandhom jitressqu quddiem il-qorti fil-post tar-residenza tal-wild minuri. Il-post tar-residenza rreġistrat tal-ġenituri jitqies li jkun il-post tar-residenza tal-wild minuri fit-talbiet ibbażati fuq id-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess. Jekk il-postijiet tar-residenza rreġistrati tal-ġenituri tal-wild minuri jkunu jinsabu f’żoni amministrattivi differenti, il-post tar-residenza tal-wild minuri jitqies li jkun il-post tar-residenza rreġistrat tal-ġenitur li jkun qed jgħix miegħu. Jekk il-ġenituri tal-wild minuri jew il-wild minuri ma jkollu l-ebda post ta’ residenza rreġistrat, il-post tar-residenza tal-wild minuri jitqies li jkun il-post tar-residenza tal-ġenituri.
In-nota tat-talba għandha tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 128 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums). L-Artikolu 129 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili japplika għad-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża man-nota tat-talba.
Man-nota tat-talba tista’ tiġi mehmuża wkoll opinjoni tal-qorti tal-familja dwar il-kwistjoni.
11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?
Il-proċedimenti ġudizzjarji f’kawżi ċivili huma rregolati mil-Liġi tal-Latvja dwar il-Proċedura Ċivili. Il-qorti tagħti prijorità lill-kawżi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-wild minuri. Il-qorti titlob l-opinjoni tal-qorti tal-familja f’materji relatati mal-għoti tal-kustodja, it-tħaris tat-tfal u l-proċedura għall-eżerċitar tad-dritt ta’ aċċess, u tistieden rappreżentant sabiex jattendi għas-seduta tal-qorti u jara x’inhi l-opinjoni tal-wild minuri jekk dan ikun kapaċi jesprimiha, waqt li jitqiesu l-età u l-grad ta’ maturità tiegħu.
II-qorti tisma’ l-kawżi ċivili f’seduti pubbliċi, ħlief, pereżempju, kawżi dwar id-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess. Bl-istess mod, il-qorti tista’ tiddikjara li s-seduta, jew parti minnha, issir bil-magħluq fl-interessi tal-minuri fuq talba sostanzjata tal-partijiet jew fid-diskrezzjoni tagħha stess.
Il-partijiet għandhom id-dritt li jagħmlu talba sostanzjata lill-qorti għal kunsiderazzjoni aktar mgħaġġla tal-kawża. Il-qorti mbagħad teżamina din it-talba sostanzjata.
Fuq talba ta’ xi ħadd mill-partijiet, sentenza tal-qorti tista’ tiddikjara li s-sentenza kollha dwar il-manteniment tal-minuri u f’kawżi relatati mal-kustodja u d-dritt ta’ aċċess, jew partijiet minnha, huma eżegwibbli minnufih.
Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, il-qorti tieħu deċiżjoni li tistabbilixxi temporanjament il-manteniment għall-wild minuri sakemm tingħata s-sentenza.
12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
Persuni bi dħul baxx jew fil-bżonn, li jkunu ġew ikklassifikati bħala tali skont il-proċedura stabbilita fil-leġiżlazzjoni, u persuni li f’daqqa waħda jsibu ruħhom f’pożizzjoni u sitwazzjoni finanzjarja tali li ma tippermettilhomx jipproteġu d-drittijiet tagħhom (minħabba diżastri naturali, ċirkostanzi ta’ forza maġġuri jew ċirkostanzi oħra li ma jkunux fil-kontroll tagħhom), jew li jkunu kompletament taħt it-tħaris tal-Istat jew tal-muniċipalità (minn hawn ’il quddiem imsejħa “sitwazzjoni speċjali”) għandhom id-dritt li jitolbu appoġġ finanzjarju għall-assistenza legali.
Fuq talba ssostanzjata ta’ persuna, il-qorti jew l-imħallef jikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ individwu u jeżentah kompletament jew parzjalment mill-ħlas tal-ispejjeż legali fil-baġit tal-Istat u jissospendi wkoll il-ħlas obbligatorju tal-ispejjeż tal-qorti fil-baġit tal-Istat jew jaqsamhom fi ħlasijiet bin-nifs.
Skont il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, ir-rikorrenti huma eżenti mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti fil-baġit tal-Istat għat-talbiet relatati mal-irkupru tal-manteniment għal wild minuri.
13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?
Sentenza tista’ tiġi appellata permezz tal-proċedura ġenerali, jiġifieri, billi jiġi ppreżentat appell lill-Qorti Reġjonali (Apgabaltiesa) jew appell fuq punt tal-liġi lill-Qorti Suprema (Augstākajā tiesa).
14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?
Id-deċiżjonijiet tal-qorti jiġu eżegwiti ladarba jsiru effettivi, jew minnufih jekk jiġu ddikjarati bħala eżegwibbli minnufih.
Dawn jiġu eżegwiti minn uffiċjal ġudizzjarju ġuramentat.
15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?
Id-deċiżjonijiet ta’ qrati barranin huma rikonoxxuti u eżegwiti mill-qrati tal-Latvja.
Id-deċiżjonijiet ta’ qrati barranin huma rikonoxxuti u eżegwiti skont il-proċedura stabbilità mil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili u skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.
Rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jiġi ppreżentat għall-konsiderazzjoni lill-qorti distrettwali (jew tal-belt) fil-post tar-residenza permanenti tal-persuna li fil-konfront tagħha tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni jew fil-post tar-residenza permanenti tal-wild minuri li għalih tirreferi l-eżekuzzjoni. Deċiżjoni dwar dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jew dwar iċ-ċaħda ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-eżegwibbiltà tittieħed minn imħallef uniku, abbażi tar-rikors ippreżentat u d-dokumenti mehmuża miegħu, fi żmien 10 ijiem mill-jum meta jiġi ppreżentat ir-rikors, mingħajr ma jħarrek lill-partijiet.
16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ qorti barranija tista’ tiġi kkontestata billi tiġi ppreżentata tilwima anċillari lill-qorti reġjonali, u d-deċiżjoni tal-qorti reġjonali tista’ tiġi kkontestata bil-preżentata ta’ tilwima anċillari lis-Senat (Senāts).
Parti fil-kawża li l-post ta’ residenza ddikjarat tagħha jkun fil-Latvja, jew fin-nuqqas ta’ dan, li l-post ta’ residenza attwali tagħha jkun fil-Latvja, tista’ tippreżenta tilwima anċillari fi żmien 30 jum minn meta tirċievi kopja tad-deċiżjoni; parti fil-kawża li l-post ta’ residenza ddikjarat tagħha jew il-post ta’ residenza attwali tagħha ma jkunx fil-Latvja tista’ tippreżenta tilwima anċillari fi żmien 60 jum minn meta tirċievi kopja tad-deċiżjoni.
17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Il-Latvja hija marbuta bil-Konvenzjoni ta’ The Hague tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, u l-ftehimiet bilaterali dwar l-assistenza legali konklużi bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-Federazzjoni Russa, l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Belarussja, ir-Repubblika tal-Użbekistan, ir-Repubblika Kirgiża u r-Repubblika tal-Moldova.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.