Skip to main content

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Flag of Estonia
Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tiddenota dritt ta’ kustodja, li huwa d-dmir u d-dritt ta’ ġenitur li jieħu ħsieb il-wild minuri tiegħu. Il-kustodja tal-ġenituri tinkludi d-dritt li ġenitur jieħu ħsieb il-persuna tal-wild (“kustodja tal-persuna”), id-dritt li jamministra l-proprjetà tal-wild (“kustodja tal-proprjetà”) u d-dritt li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-wild. Il-kustodja tal-proprjetà tinkludi d-dritt u d-dmir li jiġġestixxi l-proprjetà tal-wild, inkluż li jirrappreżenta lill-wild. Dan ma jipprekludix id-dritt tal-wild li jimmaniġġja l-proprjetà tiegħu b’mod indipendenti fil-każijiet previsti mil-liġi.

Il-ġenitur għandu setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-wild minuri, jiġifieri d-dritt li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-ħajja ta’ kuljum tal-wild (“kustodja ordinarja”). Deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ kuljum ġeneralment iridu jinftiehmu bħala t-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ rutina li jseħħu ta’ spiss u ma għandhomx impatt dejjiemi fuq l-iżvilupp tal-wild. Minbarra s-setgħa ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, ġenitur bid-dritt ta’ kustodja għandu wkoll dritt ta’ rappreżentanza fir-rigward tal-wild minuri tiegħu. Il-ġenituri li għandhom kustodja konġunta għandhom dritt konġunt ta’ rappreżentanza.

Iż-żewġ ġenituri għandhom drittijiet ta’ aċċess, li jiddenotaw id-dmir u d-dritt min-naħa taż-żewġ ġenituri li jikkomunikaw mal-wild wiċċ imb wiċċ. Id-drittijiet ta’ aċċess tal-ġenituri ma jiddependux fuq l-eżistenza tad-drittijiet ta’ kustodja. Il-ġenituri għandhom ukoll obbligu ta’ manteniment fir-rigward tal-ulied minuri tagħhom.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Id-drittijiet u d-dmirijiet reċiproċi tal-ġenituri u tal-ulied jirriżultaw mill-parentela tal-wild, li hija ddeterminata f’konformità mal-proċedura stipulata mil-liġi. L-omm hija l-mara li welldet lill-wild. Il-missier huwa r-raġel li nissel lill-wild. Il-wild jitqies li tnissel mir-raġel kien miżżewweġ ma’ omm il-wild fiż-żmien tat-twelid tat-tarbija, li rrikonoxxa l-paternità jew li l-paternità tiegħu ġiet stabbilità minn qorti.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-forma ta’ drittijiet ta’ kustodja fuq wild tiġi eżerċitata b’mod konġunt minn ġenituri miżżewġin. Jekk il-ġenituri ma jkunux miżżewġin flimkien fiż-żmien tat-twelid tal-wild, ikollhom kustodja konġunta jekk, meta jissottomettu r-rikonoxximent tal-paternità, ma esprimewx xewqa li jillimitaw id-drittijiet ta’ kustodja lil wieħed biss mill-ġenituri.

F’każijiet li fihom l-ebda wieħed mill-ġenituri tal-wild minuri ma jkollu d-dritt ta’ rappreżentanza jew meta l-oriġini tal-wild ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, jinħatar tutur għal dak il-wild. F’każijiet bħal dawn, it-tutur ikollu d-drittijiet ta’ kustodja. Ir-rwol tat-tutur huwa li jipprovdi lill-wild bi trobbija u li jipproteġi l-interessi personali u tal-proprjetà tal-wild.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika adulta b’kapaċità ġuridika attiva sħiħa, eż. qarib tal-wild minuri, parti terza jew persuna ġuridika (kumpanija jew gvern lokali) tista’ tkun it-tutur legali. Persuna ġuridika tinħatar bħala tutur jekk ma tkun tista’ tinstab l-ebda persuna fiżika xierqa, jew jekk ġenitur ikun jixtieq hekk permezz ta’ testment jew ftehim ta’ suċċessjoni. Il-persuna ġuridika hija meħtieġa tfittex tuturi b’mod sistematiku li jkunu persuni fiżiċi għall-persuni taħt it-tutela tal-persuna ġuridika, u li tipprovdi pariri u taħriġ lil dawn it-tuturi.

Sal-ħatra ta’ tutur legali, id-dmirijiet tat-tutur jitwettqu temporanjament mill-muniċipalità rurali jew mill-gvern tal-belt tal-post ta’ residenza tal-wild kif imdaħħal fir-reġistru tal-popolazzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-prerekwiżiti għall-istabbiliment tat-tutela. Fil-qadi tad-dmirijiet tat-tutur, muniċipalità rurali jew gvern tal-belt ikollu d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ tutur legali.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jieħdu kustodja tal-wild, jistgħu jagħtu kunsens għall-adozzjoni tal-wild. Il-kunsens għall-adozzjoni minn ġenitur ma jidħolx fis-seħħ qabel ma jgħaddu 8 ġimgħat mit-twelid tal-wild, u ma jistax jiġi ppreżentat rikors għall-adozzjoni quddiem qorti qabel ma jidħol fis-seħħ il-kunsens tal-ġenitur. Bil-kunsens ta’ ġenitur, wild jista’ jingħata lill-persuna li tixtieq tadotta lill-wild sabiex tieħu ħsiebu qabel id-dħul fis-seħħ tal-kunsens mogħti għall-adozzjoni.

Jekk l-ebda wieħed mill-ġenituri tal-wild minuri ma jkollu s-setgħa ta’ rappreżentanza jew jekk ma tkunx tista’ tiġi stabbilita l-oriġini tal-wild, il-qorti tiddeċiedi li taħtar tutur, ex ufficio jew fuq talba ta’ awtorità muniċipali jew tal-belt jew ta’ parti interessata.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri jkunu divorzjati jew separati, jeħtiġilhom jiddeċiedu kif għandhom jiġu solvuti kwistjonijiet futuri rigward id-drittijiet ta’ kustodja. Ġenituri bi drittijiet ta’ kustodja jistgħu jaqblu li jorganizzaw l-eżerċitar konġunt tad-dritt ta’ rappreżentanza, iżda kwalunkwe bidla fid-drittijiet ta’ kustodja, inkluża t-terminazzjoni tal-kustodja konġunta, hija possibbli permezz tal-qrati biss.

Kull ġenitur għandu d-dritt li jitlob lil qorti fi proċedimenti dwar talba sabiex il-kustodja tal-wild tiġi ttrasferita lilu parzjalment jew kompletament. Tilwima dwar kustodja tista’ tiġi deċiża wkoll mill-qorti bħala parti mill-proċedimenti dwar azzjoni, jekk din tintalab f’azzjoni għal divorzju jew għall-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Ġenituri bi drittijiet ta’ kustodja jistgħu jorganizzaw l-eżerċitar konġunt tad-dritt ta’ rappreżentanza liberament, iżda kwalunkwe bidla fid-drittijiet ta’ kustodja, inkluża t-terminazzjoni tal-kustodja konġunta, hija possibbli permezz tal-qrati biss. Kwistjonijiet relatati mal-kustodja huma deċiżi u ddeterminati b’mod legalment vinkolanti minn qorti. Meta jeżaminaw kwistjonijiet li jikkonċernaw il-wild, il-qorti tikkunsidra fuq kollox l-aħjar interessi tal-wild, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi kollha u l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati. It-tilwim dwar il-kustodja jikkostitwixxi kwistjonijiet tal-liġi tal-familja, li jinstemgħu mill-qrati b’talba u jiġu aġġudikati permezz ta’ digriet tal-qorti. Sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet tiegħu għal wild, ġenitur jeħtieġlu jippreżenta rikors lill-qorti.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Ġenituri bi drittijiet ta’ kustodja jistgħu jorganizzaw eżerċizzju konġunt tad-dritt ta’ rappreżentanza liberament, iżda kwalunkwe bidla fid-drittijiet ta’ kustodja, inkluża t-terminazzjoni tal-kustodja konġunta, hija possibbli permezz tal-qrati biss. Il-ġenituri jistgħu jużaw ukoll is-servizz nazzjonali ta’ medjazzjoni tal-familja sabiex jilħqu ftehim. Is-servizz nazzjonali ta’ medjazzjoni tal-familja huwa maħsub għal ġenituri li sseparaw jew li jinsabu fil-proċess li jisseparaw, li għandhom tal-anqas wild minuri wieħed jew aktar flimkien u li naqsu milli jilħqu ftehim dwar kwistjonijiet relatati mal-arranġamenti tal-għajxien ta’ wild (bħal arranġamenti ta’ kuntatt jew manteniment).

Is-servizz nazzjonali ta’ medjazzjoni tal-familja huwa mingħajr ħlas għall-ġenituri; sabiex jaċċessawh, jeħtiġilhom jikkuntattjaw lill-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali (Sotsiaalkindlustusamet). L-eżitu tal-proċess ta’ medjazzjoni tal-familja huwa ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ffirmat mill-ġenituri. Ftehim dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri approvat mill-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali huwa strument eżegwibbli. Ir-rwol tal-gvern lokali meta l-ġenituri jirrikorru għas-servizz ta’ medjazzjoni tal-familja huwa li jappoġġahom u jagħtihom pariri.

Meta tiddetermina l-proċedura għall-kuntatt mal-wild, il-qorti taġixxi wkoll bħala korp ta’ konċiljazzjoni fi proċedimenti tal-qorti, bl-għan li jintlaħaq ftehim bejn il-ġenituri dwar il-kuntatt mal-wild. Il-qorti tisma’ lill-partijiet ikkonċernati mill-aktar fis possibbli u tiġbdilhom l-attenzjoni tagħhom għall-possibbiltà li jagħmlu użu mill-għajnuna ta’ konsulent tal-familja, b’mod partikolari bl-għan li jaslu għal pożizzjoni konġunta dwar il-kustodja tal-wild u r-responsabbiltà għalih. Il-qorti tista’ tissospendi l-proċedimenti dwar il-wild jekk azzjoni bħal din ma tinvolvix dewmien li jipperikola l-aħjar interessi tal-wild u jekk il-partijiet ikkonċernati jkunu lesti li jwettqu konsultazzjonijiet barra mill-proċedimenti tal-qorti, jew jekk il-qorti tqis għal raġunijiet oħrajn li jidher li hemm mod kif jiġi solvut il-każ permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tinkludi kwistjonijiet relatati mad-dritt ta’ kuntatt tal-ġenituri mat-tfal, bidliet fid-drittijiet ta’ kustodja, restituzzjoni tad-drittijiet ta’ kustodja, l-obbligu ta’ ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment u bidliet fuq it-talba ta’ ġenitur fl-ammont tal-pensjoni tal-manteniment.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Id-drittijiet u d-dmirijiet reċiproċi tal-ġenituri u tal-ulied jirriżultaw mill-parentela tal-wild, li hija ddeterminata f’konformità mal-proċedura stipulata mil-liġi, li jfisser li l-ġenitur li jkun l-axxendent ta’ wild ikollu dmir li jieħu ħsieb il-wild. Id-drittijiet u d-dmirijiet reċiproċi ta’ ġenitur u ta’ wild jiddependu fuq min għandu kustodja tal-wild, jiġifieri jekk wieħed mill-ġenituri biss ikollu l-kustodja tal-wild, dak il-ġenitur jista’ jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-wild mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor.

Ġenitur jista’ jkollu drittijiet ta’ kustodja unika mill-mument tat-twelid tal-minuri, eż. jekk f’tagħrif ta’ wild mill-missier, il-missier jesprimi xewqa li jillimita l-awtorità tal-ġenituri għal persuna waħda biss minn fost il-ġenituri. Ġenitur jista’ jikseb ukoll kustodja unika fit-tliet każijiet spjegati hawn taħt.

Ġenitur jikseb kustodja unika jekk il-ġenitur ikun talab minn qorti, fi proċedimenti li jinbdew b’talba, sabiex il-kustodja tal-wild tiġi ttrasferita lilu parzjalment jew kompletament. Normalment ġenitur jitlob dan l-arranġament meta l-ġenituri b’kustodja konġunta jkunu sseparaw minn xulxin b’mod permanenti jew għal xi raġuni oħra ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-kustodja b’mod konġunt fil-futur.

Ġenitur jeżerċita wkoll id-drittijiet ta’ kustodja unika meta d-drittijiet ta’ kustodja jinżammu b’mod konġunt mill-ġenituri iżda jkunu ġew sospiżi d-drittijiet ta’ persuna waħda minn fost il-ġenituri. Jekk il-kustodja unika ta’ minuri mogħtija lil ġenitur fuq il-bażi tal-liġi jew ta’ deċiżjoni tal-qorti tkun sospiża u ma jkun hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jistenna li l-bażi għas-sospensjoni ma tibqax teżisti, qorti tagħti d-drittijiet ta’ kustodja lill-ġenitur l-ieħor. dment li dan ikun konsistenti mal-aħjar interessi tal-wild.

Qorti tagħti wkoll kustodja lill-ġenitur l-ieħor jekk il-ġenitur b’kustodja unika jkun miet jew ġie mċaħħad mill-kustodja, sakemm dan ma jkunx f’kunflitt mal-aħjar interessi tal-wild.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Jekk il-ġenituri jkollhom kustodja konġunta, huma jeżerċitaw il-kustodja konġunta fir-rigward tal-wild tagħhom u jwettqu d-dmirijiet ta’ kustodja b’responsabbiltà tagħhom u unanimament, filwaqt li jikkunsidraw il-benessri ġenerali tal-wild. Il-ġenituri li għandhom kustodja konġunta għandhom ukoll dritt konġunt ta’ rappreżentanza.

Jekk il-ġenituri li jeżerċitaw kustodja konġunta ma jilħqux ftehim rigward kwistjoni sinifikanti għall-wild, qorti tista’, fuq talba ta’ ġenitur, tagħti setgħat ta’ teħid tad-deċiżjoni dwar din il-kwistjoni lil ġenitur wieħed. Fil-każ tat-trasferiment tas-setgħat ta’ teħid tad-deċiżjoni, qorti tista’ tirrestrinġi l-eżerċitar tas-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjoni jew timponi obbligi supplimentari fuq il-ġenitur li jeżerċita d-dritt.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

It-tilwim relatat mal-kustodja jiġi aġġudikat mill-qrati tal-kontej. Għal tilwim relatat mad-drittijiet ta’ kustodja, rikorrent jeħtieġlu jressaq rikors quddiem il-qorti tal-kontea għal deċiżjoni fi proċedimenti mibdijin permezz ta’ talba. It-talba trid tiġi ppreżentata fil-qorti tal-kontea tal-post tar-residenza tal-wild.

Ir-rikors irid jiddikjara l-isem tal-qorti, l-identità tar-rikorrent, tal-persuna kkonċernata mill-każ u ta’ wliedha, kif ukoll it-talba tar-rikorrent, espressa b’mod ċar. Ir-rikors irid jiddikjara wkoll il-fatti tal-każ, u r-rikorrent jeħtieġlu jelenka u jipprovdi l-provi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu. Ir-rikors irid ikun iffirmat mir-rikorrent jew minn rappreżentant tiegħu. Jekk tiġi ffirmata minn rappreżentant, irid jiġi inkluż dokument ta’ awtorizzazzjoni jew dokument ieħor li jiċċertifika s-setgħat tar-rappreżentanza.

Ir-rikors u l-provi dokumentarji jridu jiġu ppreżentati lill-qorti bil-miktub u bl-Estonjan. Jekk rikors, talba, appell jew oġġezzjoni ppreżentata l-qorti minn parti għall-proċedimenti ma tkunx bl-Estonjan, il-qorti teħtieġ li l-persuna li tippreżentaha tipprovdi traduzzjoni bl-Estonjan sa skadenza stabbilita.

Kwistjonijiet li jinvolvu d-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ ġenitur fir-rigward ta’ minuri u l-arranġament ta’ aċċess għall-wild, jiġifieri kwistjonijiet relatati mal-kustodja, jistgħu wkoll jiġu aġġudikati f’kawża, jekk dan jintalab bħala parti minn kawża flimkien mad-divorzju jew mal-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-qrati jisimgħu kwistjonijiet relatati mal-kustodja permezz ta’ talba skont id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw kawżi, b’kunsiderazzjoni tad-differenzi stabbiliti fir-rigward ta’ proċedimenti li jinbdew b’talba (ara l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik) [1]).

Fi proċedura sommarja dwar wild, il-qrati jistgħu jaġġudikaw biss fuq talba għall-manteniment kontra ġenitur li jkun separat minn wild minuri. Kwistjonijiet relatati mal-kustodja ma jistgħux jinstemgħu fi proċedura simplifikata. Madankollu, kwistjonijiet relatati mal-kustodja huma kwistjonijiet mismugħa permezz ta’ talba u għalhekk ivarjaw minn kawża ordinarja. Għal kwistjonijiet li jinstemgħu b’talba, il-qorti stess tistabbilixxi l-fatti u tiġbor il-provi meħtieġa għal dak l-għan, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi. Il-qorti ma hijiex marbuta mit-talbiet magħmulin jew mill-fatti ppreżentati mill-partijiet fil-proċedimenti, u lanqas mill-valutazzjoni tagħhom tal-fatti, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi. Ir-rekwiżiti għat-teħid tal-minuti tas-seduti u għan-notifika tad-dokumenti huma wkoll anqas stretti. Fi kwistjonijiet relatati ma’ kustodja, il-qrati jistgħu japplikaw ukoll miżuri sabiex jirregolaw l-eżerċitar tal-kustodja jew l-aċċess għall-wild matul il-proċedimenti jew sabiex jiżguraw konformità fil-futur mal-ftehimiet.

Il-qorti tista’ tapplika miżuri kawtelatorji jew provviżorji jekk ikun hemm raġuni sabiex temmen li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri jista’ jagħmel l-eżekuzzjoni ta’ sentenza diffiċli jew impossibbli. Il-protezzjoni legali provviżorja f’materja tal-familja fuq talba tista’ tiġi imposta minn kwalunkwe qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha l-miżura rilevanti trid tiġi applikata. Eżempji ta’ miżuri jinkludu l-konsenja ta’ wild lill-ġenitur l-ieħor jew l-infurzar ta’ obbligu ta’ manteniment legali, inkluża l-possibbiltà li l-intimat jintalab iħallas manteniment matul il-proċedimenti jew jipprovdi garanzija għal dak l-għan.

[1] Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (RT I 2005, 26, 197; RT I, 21.06.2014, 58). Online: https://www.riigiteataja.ee/akt/121062014058?leiaKehtiv.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Jekk il-qorti tikkonstata li persuna fiżika ma tistax iġġarrab l-ispejjeż tal-proċedimenti minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, il-qorti tista’ teżentaha milli tħallas it-tariffi tal-għajnuna legali u tal-Istat, kollha kemm huma jew parti minnhom.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Deċiżjoni fi proċedimenti mibdijin permezz ta’ talba hija digriet tal-qorti li għalih ikunu applikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ digriet tal-qorti f’kawża, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi. Appell jista’ jiġi ppreżentat kontra digriet dwar id-drittijiet ta’ kustodja f’konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċeduri tal-appell, jekk l-appellant isib li d-deċiżjoni tal-qorti tal-prim’istanza tkun ibbażata fuq ksur ta’ dispożizzjoni legali (pereżempju, jekk il-qorti tal-prim’istanza tkun applikat dispożizzjoni legali tad-dritt sostantiv jew tad-dritt proċedurali b’mod żbaljat). Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, appell fil-kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat ukoll quddiem il-Qorti Suprema.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Kwistjonijiet relatati mal-kustodja jinstemgħu fi proċedimenti mibdijin permezz ta’ talba. Fi kwistjoni tal-familja mressqa b’talba, il-qorti toħroġ digriet li huwa eżegwibbli mill-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mil-liġi. Digriet maħruġ fi kwistjoni mressqa b’talba huwa titolu eżekuttiv. Jekk id-debitur ma jikkonformax minn jeddu mad-digriet ta’ kustodja, dan jiġi eżegwit fuq il-bażi ta’ rikors mir-rikorrent fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Għal dan il-għan, ir-rikorrent jeħtieġlu jippreżenta rikors lill-uffiċjal ġudizzjarju tal-post fejn id-debitur ikun domiċiljat jew residenti jew fejn jinsabu l-assi tad-debitur. Fi kwistjoni li tikkonċerna aċċess għal wild, l-uffiċjal ġudizzjarju, fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, jaħdem flimkien ma’ rappreżentant tal-gvern lokali tal-post tar-residenza tal-wild jew, f’każijiet eċċezzjonali, tal-post tar-residenza tal-persuna obbligata, li jkollha kompetenza fl-interazzjoni mat-tfal. Jekk ikun neċessarju, l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jissuġġerixxi lill-gvern lokali li l-wild jitqiegħed temporanjament f’faċilità tal-assistenza soċjali. Jekk il-persuna obbligata tfixkel l-eżekuzzjoni obbligatorja, hija tista’ tkun soġġetta għal pagament ta’ penali.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill tal-Ewropa (UE) 2019/1111. li jirregola l-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u l-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u l-ħtif internazzjonali ta’ minuri, sentenza maqtugħa fi Stat Membru wieħed tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali. Ir-Regolament japplika għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Sentenza mogħtija fi Stat Membru dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ minuri li tkun eżegwibbli f’dak l-Istat Membru u li tkun ġiet innotifikata tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, wara rikors ta’ kwalunkwe parti interessata, tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli hemmhekk. Għal dan l-għan, talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà trid tiġi ppreżentata lill-qorti.

Il-qorti li lilha jrid jiġi ppreżentat ir-rikors tista’ tinstab hawnhekk.

Parti li titlob jew tikkontesta r-rikonoxximent jew li tressaq rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jeħtiġilha tissottometti:

  1. kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilità l-awtentiċità tagħha; u
  2. iċ-ċertifikat dwar sentenza fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

Formola disponibbli hawnhekk.

Sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma tkunx rikonoxxuta jekk:

  1. ikun jidher ċar li dan ir-rikonoxximent imur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent wara li jitqiesu l-aħjar interessi tal-wild;
  2. tkun ingħatat in absentia jekk il-persuna assenti ma tkunx ġiet innotifikata bl-att promotur jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’mod li jkun ippermetta lil dik il-persuna torganizza d-difiża tagħha, ħlief jekk jiġi ddeterminat li dik il-persuna tkun aċċettat is-sentenza b’mod inekwivoku;
  3. fuq talba ta’ kwalunke persuna li tqis li s-sentenza tikser id-drittijiet tagħha tar-responsabbilità tal-ġenituri, tkun ingħatat mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’;
  4. tkun irrikonċiljabbli ma’ xi sentenza dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri mogħtija aktar tard fl-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata t-talba ta’ rikonoxximent;
  5. tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar tard li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija fi Stat Membru ieħor jew fi Stat mhux Membru li jkun ir-residenza abitwali tal-wild, dment li dik is-sentenza mogħtija aktar tard tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent; jew
  6. ma tkunx ġiet irrispettata l-proċedura stabbilità fl-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2019/1111.

16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-qorti li lilha jrid jiġi ppreżentat ir-rikors tista’ tinstab hawnhekk.

Parti li titlob jew tikkontesta t-tagħrif jew tapplika għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jeħtiġilha tissottometti:

  1. kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilità l-awtentiċità tagħha; u
  2. iċ-ċertifikat dwar sentenzi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri msemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2019/1111.

Formola disponibbli hawnhekk.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

L-Att Estonjan dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Rahvusvahelise eraõiguse seadus) jistabbilixxi li r-relazzjonijiet tal-liġi tal-familja bejn wild u l-ġenituri tiegħu huma rregolati bil-liġi tal-pajjiż ta’ residenza tal-wild.

Barra minn hekk, il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1996 fuq il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal hija applikabbli bejn l-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni.

Id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli tista’ tkun soġġetta wkoll għal ftehimiet dwar l-assistenza legali. Ir-Repubblika tal-Estonja daħlet fi ftehimiet dwar l-assistenza legali mal-pajjiżi li ġejjin:

  • Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Legali (1993);
  • Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Estonja u l-Federazzjoni Russa dwar l-Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili, tal-Familja u Kriminali (1993);
  • Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Estonja u l-Ukrajna dwar l-Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili, tal-Familja u Kriminali (1995);
  • Il-Ftehim bejn l-Estonja u l-Polonja dwar l-Għoti ta’ Assistenza Legali u r-Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili, tax-Xogħol u Kriminali (1999).

Peress li l-partijiet kollha fil-ftehimiet dwar assistenza legali konklużi mal-Litwanja, mal-Latvja u mal-Polonja huma wkoll partijiet għall-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1996, il-partijiet iddeċidew li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni sabiex jiddeterminaw id-dritt applikabbli.

[1] L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (RT I 2002, 35, 217). Online: https://www.riigiteataja.ee/akt/13242136?leiaKehtiv.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna