1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?
L-Att dwar il-Familja (Obiteljski zakon) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 103/15, 98/19, 47/20, 49/23 u 156/23) tirregola l-kustodja, li tfisser ir-responsabbiltajiet, id-dmirijiet u d-drittijiet tal-ġenituri, sabiex tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet personali u tal-proprjetà tal-minuri, kif ukoll l-aħjar interessi tal-minuri. Il-ġenituri huma meħtieġa jiddiskutu u jaqblu dwar l-aspetti individwali tal-kustodja mal-minuri skont l-età u l-maturità tal-minuri. Il-kustodja fundamentalment tinkludi: id-dritt u d-dmir li jiġu protetti d-drittijiet personali tal-minuri għas-saħħa, l-iżvilupp, il-kura u l-protezzjoni; it-trobbija u l-edukazzjoni; iż-żamma ta’ kuntatti personali; l-għażla tal-post ta’ residenza; kif ukoll id-dritt u d-dmir li jirrappreżentaw id-drittijiet u l-interessi personali u tal-proprjetà tal-minuri (l-Artikoli 91 u 92 tal-Att dwar il-Familja).
2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?
Il-ġenituri jeżerċitaw il-kustodja, li hija d-dritt, l-obbligu u d-dmir tal-ġenituri, fir-rigward ta’ wliedhom minuri.
Iż-żewġ ġenituri għandhom id-dritt u d-dmir li jeżerċitaw kustodja b’mod indaqs, b’mod konġunt u bi ftehim. Meta jeżerċitaw il-kustodja kondiviża, il-ġenituri jridu jagħmlu ħilithom biex isolvu kwalunkwe kwistjoni bi ftehim (l-Artikoli 104 u 106 tal-Att dwar il-Familja).
Meta l-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien fuq bażi permanenti, huma ikunu meħtieġa jaqblu dwar arranġamenti ta’ kustodja billi jfasslu Pjan ta’ Kustodja Konġunta, li jrid jiġi approvat minn qorti; meta ma jintlaħaq l-ebda ftehim mill-ġenituri, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni b’deċiżjoni (l-Artikoli 107 u 461-467 tal-Att dwar il-Familja).
3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?
L-ebda ġenitur ma jista’ jirrinunzja għad-dritt tiegħu għall-kustodja (l-Artikolu 91(2) tal-Att dwar il-Familja).
Iż-żewġ ġenituri jistgħu jaqblu li jafdaw b’mod parzjali jew sħiħ il-kustodja temporanja għal minuri ma’ persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għat-tuturi. Meta l-ġenituri jkunu qed iqiegħdu lill-minuri fil-kustodja ta’ persuna oħra għal perjodu itwal minn 30 jum, huma meħtieġa li jkollhom dikjarazzjoni f’dan is-sens iċċertifikata minn nutar pubbliku (l-Artikolu 102 tal-Att dwar il-Familja).
Meta, minħabba mard, kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni inadegwati jew diffikultajiet oħrajn il-ġenituri ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb il-minuri, il-minuri jistgħu jitqiegħdu temporanjament f’istituzzjoni ta’ protezzjoni soċjali, ma’ familja tar-rispett jew taħt il-kustodja ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra involuta f’attivitajiet ta’ protezzjoni soċjali, f’konformità mar-regolamenti li jirregolaw il-protezzjoni soċjali.
Il-ġenituri li jinstabu li ma jkunux qed jieħdu ħsieb lil uliedhom b’mod adegwat se jkunu soġġetti għal miżura mfassla biex tipproteġi d-drittijiet u l-aħjar interessi tal-minuri, li tista’ tiġi imposta mill-Istitut Kroat għall-Ħidma Soċjali (Hrvatski zavod za socijalni rad) jew qorti li jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-kwistjoni (l-Artikoli 127, 134 u 149 tal-Att dwar il-Familja). Il-ġenituri jistgħu, b’deċiżjoni tal-qorti, jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom li jgħixu mal-minuri u l-kustodja ta’ kuljum tal-minuri tista’ tiġi fdata lil persuna oħra, lil familja tar-rispett jew lil istituzzjoni ta’ protezzjoni soċjali bbażata fuq valutazzjoni tal-familja, imwettqa mill-Istitut Kroat għall-Ħidma Soċjali, li l-ħajja, is-saħħa u l-iżvilupp tal-minuri huma pperikolati jekk joqgħod fil-familja (l-Artikoli 155 u 433 tal-Att dwar il-Familja). F’ċerti ċirkostanzi stabbiliti mil-liġi, il-qorti tista’ tordna s-sospensjoni tal-kustodja (l-Artikoli 115, 173 u 433 tal-Att dwar il-Familja). Miżura biex jintemm id-dritt tal-ġenituri għall-kustodja tista’ tintuża bħala l-aħħar alternattiva (l-Artikoli 170 u 433 tal-Att dwar il-Familja).
Meta b’deċiżjoni tal-qorti l-ġenituri ma jibqgħux jieħdu ħsieb il-minuri, il-kustodja ta’ kuljum tiġi fdata lil persuna oħra, lil familja tar-rispett jew lil istituzzjoni ta’ protezzjoni soċjali.
4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?
Meta żwieġ/sħubija tal-ġenituri jitkisser b’mod irrimedjabbli, il-kustodja hija rregolata b’deċiżjoni li għandha tinħareġ minn qorti tal-ġustizzja, li tista’ tkun ibbażata fuq ftehim milħuq mill-ġenituri fil-forma ta’ Pjan ta’ Kustodja Kondiviża (l-Artikoli 104, 106, 107 u 461-467 tal-Att dwar il-Familja).
Qabel ma jitressaq rikors għal divorzju jew jinbdew proċedimenti legali oħra relatati mal-kustodja, wieħed mill-ġenituri jew it-tnejn li huma jridu jressqu talba għal konsulenza obbligatorja lill-Uffiċċju Reġjonali tal-Istitut Kroat għall-Ħidma Soċjali b’kompetenza territorjali għall-post fejn il-minuri għandu indirizz tad-dar permanenti jew temporanju, jew għall-post fejn il-konjuġi jew is-sħab skont il-liġi komuni kellhom l-aħħar l-indirizz tad-dar kondiviża tagħhom, kemm jekk permanenti kif ukoll jekk temporanju (l-Artikoli 321-323 tal-Att dwar il-Familja).
5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?
Biex jikkwalifika bħala strument eżegwibbli, ftehim konkluż mill-ġenituri jew Pjan ta’ Kustodja Kondiviża jrid jiġi approvat b’deċiżjoni ta’ qorti (l-Artikoli 106, 107, 420 u 461-467 tal-Att dwar il-Familja).
6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?
Jekk il-ġenituri jonqsu milli jaqblu dwar Pjan ta’ Kustodja Kondiviża, l-Istitut Kroat għall-Ħidma Soċjali jirreferihom għall-proċedura ta’ medjazzjoni tal-familja, li titmexxa miċ-Ċentru tal-Familja (Obiteljski centar) iżda tista’ titwettaq ukoll minn medjaturi tal-familja barra mis-sistema ta’ protezzjoni soċjali (l-Artikoli 331 u 334 tal-Att dwar il-Familja).
Il-medjazzjoni tal-familja ma ssirx meta jkun hemm pretensjonijiet ta’ vjolenza domestika.
Meta jintlaħaq ftehim mill-ġenituri, dan dejjem irid jiġi kkonfermat b’deċiżjoni ta’ qorti, kif spjegat fil-mistoqsija Nru 5.
7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?
Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar kwalunkwe aspett tal-kustodja li huwa s-suġġett ta’ tilwima, jiġifieri ma’ liema ġenitur se jgħix il-minuri, iż-żamma ta’ kuntatt mal-ġenitur l-ieħor, u l-ammont ta’ manteniment bħala obbligu tal-ġenitur li l-minuri ma jirrisjedix miegħu, kif ukoll kwalunkwe kwistjoni rilevanti oħra relatata mad-drittijiet personali u tal-proprjetà tal-minuri kif deċiż mill-qorti (l-Artikoli 408 u 433 tal-Att dwar il-Familja).
8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?
Il-qorti tista’ tagħti deċiżjoni li tafda l-kustodja lil wieħed mill-ġenituri waħdu, b’mod sħiħ, parzjalment, jew sal-punt meħtieġ biex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjoni importanti partikolari li tikkonċerna l-minuri, li, min-naħa tagħha, tirrestrinġi lill-ġenitur l-ieħor fl-eżerċitar sħiħ tal-kustodja, jew f’ċerti aspetti tal-kustodja (l-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Familja).
Il-ġenitur li d-dritt tiegħu li jeżerċita l-kustodja huwa ristrett huwa intitolat li jżomm kuntatt mal-minuri, sakemm dan ma jkunx ipprojbit b’deċiżjoni tal-qorti, jieħu deċiżjonijiet ta’ kuljum relatati mal-minuri waqt li l-minuri jkun fil-kustodja, u li jirċievi informazzjoni dwar ċirkostanzi importanti relatati mad-drittijiet personali tal-minuri (l-Artikolu 112 flimkien mal-Artikoli 110 u 111 tal-Att dwar il-Familja).
9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?
Il-ġenituri dejjem ikollhom kustodja konġunta, ħlief meta l-qorti toħroġ deċiżjoni kif spjegata bi tweġiba għall-mistoqsija numru 8.
Deċiżjonijiet importanti għall-minuri huma relatati mar-rappreżentanza tal-minuri fi kwistjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet personali essenzjali tiegħu u r-rappreżentanza fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-assi prezzjużi u d-drittijiet tal-proprjetà tal-minuri (l-Artikoli 99 u 104 tal-Att dwar il-Familja). Meta l-ġenituri li jkollhom kustodja konġunta jonqsu milli jaqblu dwar deċiżjonijiet importanti għall-minuri, il-qorti tiddeċiedi, bi tweġiba għal proposta magħmula mill-minuri jew minn wieħed mill-ġenituri, liema ġenitur jirrappreżenta lill-minuri fil-kwistjoni partikolari (l-Artikoli 100, 101, 108, 109 u 433 tal-Att dwar il-Familja).
10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati lill-qorti muniċipali li teżerċita ġuriżdizzjoni lokali u jitressqu quddiemha.
Skont l-Artikolu 34 tal-Att tal-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku), il-qrati muniċipali dejjem jiddeċiedu fil-prim’istanza fit-tilwimiet li ġejjin: dwar jekk iż-żwieġ ikunx tkisser irrimedjabbilment, jew jekk iż-żwieġ għandux jiġi annullat u l-konjuġi għandhomx jingħataw id-divorzju; tilwimiet relatati mad-determinazzjoni jew ma’ tilwim ta’ paternità jew ta’ maternità; dawk biex jiddeterminaw il-ġenitur li l-minuri se jgħix miegħu; u dawk relatati mal-kustodja, meta tkun għaddejja azzjoni konkorrenti sabiex jiġi stabbilit jekk iż-żwieġ tkissirx irrimedjabbilment, sabiex jiġi annullat iż-żwieġ, jew sabiex jingħata d-divorzju.
F’konformità mal-Att dwar il-Familja, trid issir konsulenza obbligatorja qabel ma jiġi ppreżentat rikors għal divorzju bejn il-konjuġi li jipprovdu kustodja konġunta lil wild minuri tagħhom jew qabel ma jinbdew proċedimenti legali oħrajn relatati mal-kustodja u mal-kuntatt. Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Familja dwar konsulenza obbligatorja qabel ma tiġi ppreżentata petizzjoni għal divorzju bejn il-konjuġi li jipprovdu kustodja konġunta lill-minuri tagħhom japplikaw mutatis mutandis għal konsulenza obbligatorja li titwettaq qabel titressaq azzjoni sabiex tiddetermina l-kustodja u l-kuntatt tal-minuri mal-ġenitur l-ieħor, meta ż-żwieġ/is-sħubija tal-ġenituri tkun spiċċat b’mod definittiv. Il-liġi tistipula każijiet li fihom ma jsir l-ebda rikors għal konsulenza obbligatorja. Il-proċess ta’ konsulenza obbligatorja jibda meta parti tagħmel talba f’dak is-sens. It-talba tiġi indirizzata lil ċentru tal-protezzjoni soċjali, bil-miktub jew verbalment (billi ssir dikjarazzjoni li għandha tiddaħħal f’reġistru). Is-servizz ta’ konsulenza obbligatorja jiġi pprovdut minn tim espert tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Istitut Kroat għall-Ħidma Soċjali b’kompetenza ratione loci għall-post fejn il-minuri għandu indirizz tad-dar permanenti jew temporanju, jew għal-lokalità fejn il-konjuġi jew is-sħab tad-dritt komuni kellhom l-aħħar indirizz tad-dar kondiviż, kemm jekk permanenti kif ukoll jekk temporanju. Il-konsulenza obbligatorja hija proċess li jinvolvi l-parteċipazzjoni personali tal-membri tal-familja (l-ebda rappreżentant ma hu permess). Wara applikazzjoni għal konsulenza obbligatorja, l-Istitut Kroat għall-Ħidma Soċjali huwa obbligat li jippjana laqgħa u jsejjaħ lill-partijiet. B’deroga, jekk l-Istitut Kroat għall-Ħidma Soċjali jkun konxju ta’ vjolenza domestika jew jekk iqis li fiċ-ċirkostanzi partikolari laqgħa konġunta ma tkunx utli jew jekk parti waħda jew iż-żewġ partijiet titlob/jitolbu dan għal raġunijiet ġustifikabbli, jiġu skedati u mwettqa intervisti separati mal-partijiet.
Ladarba jintemm dak il-proċess, l-Uffiċċju Reġjonali tal-Istitut Kroat għall-Ħidma Soċjali huwa meħtieġ iħejji rapport, li jibqa’ validu għal 6 xhur mid-data tat-tmiem tal-konsulenza.
L-attendenza għall-ewwel laqgħa tal-medjazzjoni tal-familja hija meħtieġa qabel ma r-rikorrent ikun jista’ jressaq rikors għal divorzju.
Skont it-tip ta’ azzjoni li tiġi ppreżentata (tilwima taż-żwieġ; tilwima sabiex tiġi stabbilita jew ikkontestata l-maternità jew il-paternità; tilwima tal-kustodja, tilwima li tikkonċerna kuntatt, azzjoni għal divorzju permezz ta’ kunsens reċiproku, jew sabiex tintalab approvazzjoni għal Pjan ta’ Kustodja Konġunta), ir-rikorrent jeħtieġ li, fost dokumenti oħrajn, jippreżenta r-rapport/il-prova ta’ parteċipazzjoni fil-konsulenza obbligatorja fl-ewwel laqgħa tal-medjazzjoni tal-familja/fil-Pjan ta’ Kustodja Konġunta. Id-dokumenti meħtieġa jiddependu fuq l-azzjoni li tkun qiegħda titressaq.
11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?
Fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mal-minuri tal-liġi tal-familja, il-korpi kompetenti jeħtiġilhom jieħdu azzjoni urġenti filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu l-aħjar interessi tal-minuri.
12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
Iva. L-għajnuna legali bla ħlas hija rregolata mill-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas (Zakon o besplatnoj pravnoj pomoći) (Nri NN 143/13 u 98/19).
13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?
Iva. Il-partijiet jistgħu jressqu appell kontra sentenza tal-prim’istanza fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika ta’ kopja tas-sentenza, sakemm ma jkunx ġie pprovdut terminu differenti mill-Att tal-Proċedura Ċivili. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi, jistgħu jitressqu appelli kontra deċiżjoni tal-prima istanza li tirriżulta minn proċedimenti speċjali mhux kontenzjużi rregolati mill-Att dwar il-Familja. L-appelli jridu jiġu ppreżentati fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni.
14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?
Il-qorti li għandha tiġi kkuntattjata hija l-qorti muniċipali li teżerċita ġuriżdizzjoni lokali. Kwalunkwe proċedura ta’ eżekuzzjoni titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni (Ovršni zakon), iżda l-Att dwar il-Familja fih dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ eżekuzzjoni maħsuba sabiex tiżgura t-trasferiment tal-minuri u fir-rigward ta’ eżekuzzjoni maħsuba sabiex tiżgura li l-kuntatt mal-minuri jista’ jinżamm (l-Artikoli 509-525 tal-Att dwar il-Familja).
15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?
Skont ir-Regolament 2019/1111, deċiżjoni ta’ qorti maħruġa fi Stat Membru tiġi rrikonoxxuta fil-Kroazja mingħajr ma tkun meħtieġa kwalunke proċedura speċjali.
Deċiżjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri meħuda fi Stat Membru li tkun eżegwibbli f’dak l-Istat Membru hija eżegwibbli wkoll fil-Kroazja mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.
16 Quddiem liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi ngħaddi biex nopponi r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
L-appelli għandhom jitressqu quddiem qorti muniċipali. Qorti tal-kontea tiddeċiedi l-appell.
Il-proċedimenti tal-appell huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni), u għad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili.
17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?
F’konformità mal-Artikolu 44 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Zakon o međunarodnom privatnom pravu) (Nri NN 101/17 u 67/23), ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-minuri huma rregolati mill-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal (NN – Trattati Internazzjonali Nru 5/09) fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-minuri barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 44(1) (fejn mhux determinata minn att jew trattat internazzjonali ieħor fis-seħħ fil-Kroazja) hija ddeterminata f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 44(1) li jirregolaw tali relazzjonijiet.
Mill-1 ta’ Jannar 2010, il-Kroazja ilha timplimenta l-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1996 fuq il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal.
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għal:
- L-Att dwar il-Familja (Nri NN 103/15, 98/19, 47/20, 49/23 u 156/23)
- L-Att dwar l-Eżekuzzjoni (Nri NN 112/12, 25/13, 93/14, 55/16, 73/17, 131/20, 114/22 u 06/24)
- L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Nri NN 101/17 u 67/23)
- L-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas (Nri NN 143/13 u 98/19)
- L-Att li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri (Zakon o provedbi Uredbe Vijeća (EZ) br. 2201/2003 u području nadležnosti, priznanja i izvršenja sudskih odluka u bračnim sporovima i u stvarima povezanim s roditeljskom skrbi) (Nru NN 127/13)
- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.
- L-Att li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (Zakon o provedbi Uredbe Vijeća (EU) 2019/1111 od 25. lipnja 2019. o nadležnosti, priznavanju i izvršenju odluka u bračnim sporovima i u stvarima povezanima s roditeljskom odgovornošću te o međunarodnoj otmici djece) (Nru NN 83/22)
- Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni).
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.