X’joffri r-reġistru tal-insolvenza Pollakk?
Ir-reġistru tal-insolvenza Pollakk (ir-Reġistru Nazzjonali tad-Debituri) jinżamm mill-Ministru tal-Ġustizzja f’sistema tal-IT. Ir-Reġistru ilu jeżisti mill-1 ta’ Diċembru 2021 u ssostitwixxa r-reġistru tad-debituri insolventi li kienu parti mir-Reġistru tal-Qorti Nazzjonali. Ir-Reġistru jipprovdi informazzjoni dwar entitajiet li huma insolventi, entitajiet f’riskju ta’ insolvenza, u entitajiet li kontrihom l-eżekuzzjoni mingħajr suċċess ma tkomplietx. Ir-Reġistru jipprovdi informazzjoni dwar:
- persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi u unitajiet organizzattivi li ma humiex persuni ġuridiċi iżda li ngħataw personalità ġuridika bil-liġi u li huma jew kienu soġġetti għal:
- proċeduri ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Att tal-Liġi dwar ir-Ristrutturar tal-15 ta’ Mejju 2015, jew proċeduri biex isir arranġament f’laqgħa tal-kredituri skont it-tifsira tal-Artikolu 491(25) tal-Att dwar il-Falliment tat-28 ta’ Frar 2003,
- proċedimenti ta’ falliment jew proċedimenti sekondarji ta’ falliment,
- konklużi bl-impożizzjoni finali tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 373(1) tal-Att dwar il-Falliment tat-28 ta’ Frar 2003,
- proċedimenti għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti ta’ insolvenza barranin;
- sħab ta’ sħubijiet kummerċjali b’responsabbiltà illimitata bl-assi kollha tagħhom għall-obbligi tas-sħubija f’każijiet fejn is-sħubija tkun ġiet iddikjarata falluta, ikunu nbdew proċedimenti sekondarji ta’ falliment fir-rigward tas-sħubija jew tkun ġiet miċħuda applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ falliment skont l-Artikolu 13(1) jew (2) tal-Att dwar il-Falliment tat-28 ta’ Frar 2003;
- persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi u unitajiet organizzattivi li ma humiex persuni ġuridiċi iżda li ngħataw personalità ġuridika bil-liġi, li fir-rigward tagħhom il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mmexxija minn uffiċjal ġudizzjarju jew minn qorti ma tkomplewx minħabba li l-eżekuzzjoni ma trendix ammont akbar mill-kostijiet tal-eżekuzzjoni jew li fir-rigward tagħhom il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mmexxija minn kap tal-uffiċċju tad-dħul jew minn direttur ta’ fergħa ZUS [Zakład Ubezpieczeń Społecznych - l-Istituzzjoni Pollakka tal-Assigurazzjoni Soċjali] ma tkomplewx minħabba li l-eżekuzzjoni ma trendix ammont akbar mill-kostijiet tal-eżekuzzjoni;
- persuni fiżiċi soġġetti għall-irkupru ta’ manteniment jew irkupru ta’ riċevibbli tal-baġit tal-Istat li jirriżultaw minn benefiċċji mħallsa fil-każ ta’ eżekuzzjoni ineffettiva ta’ ordnijiet ta’ manteniment u li ilhom b’arretrati tal-ħlas ta’ manteniment għal aktar minn 3 xhur.
L-informazzjoni maħżuna fir-Reġistru hija disponibbli bil-Pollakk.
L-aċċess għar-reġistru tal-insolvenza Pollakk huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess għar-reġistru huwa mingħajr ħlas.
Kif tfittex fir-Reġistru tal-Insolvenza Pollakk
Id-data fir-reġistru tista’ tiġi aċċessata online permezz tas-sit web tal-uffiċċju li jappoġġja lill-Ministru għall-Ġustizzja. It-tfittxija tal-entità fir-reġistru hija possibbli bl-użu tan-numru ta’ referenza sħiħ tal-proċedimenti.
Tista’ wkoll tfittex fir-reġistru billi ddaħħal:
1) il-kumpanija jew l-identifikatur (jiġifieri PESEL, NIP jew identifikatur ieħor) jew l-isem u l-kunjom
- meta ssir tfittxija f’katalogu ta’ data ta’ persuni fiżiċi li jwettqu attività ta’ negozju;
2) l-identifikatur (jiġifieri PESEL, NIP jew identifikatur ieħor)
- meta ssir tfittxija f’katalogu ta’ data ta’ persuni fiżiċi li ma jwettqux attività ta’ negozju;
3) l-isem jew l-identifikatur tal-entità (jiġifieri KRS, NIP jew identifikatur ieħor)
- meta ssir tfittxija f’katalogu ta’ data ta’ entitajiet li ma humiex persuni fiżiċi.