L-Artikolu 64(1)(a) - il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti biex jittrattaw applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà skont l-Artikolu 44(1) u appelli kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonijiet skont l-Artikolu 49(2)
Il-qorti b’kompetenza fuq rikorsi għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà f’konformità mal-Artikolu 44(1) hija l-Qorti tal-Appell (Corte di Appello) b’ġuriżdizzjoni territorjali. Il-Qorti tagħti s-sentenza tagħha f’awli mingħajr ma jinstemgħu l-partijiet, f’konformità mal-Artikoli 737 u 738 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Jista’ jitressaq appell kontra deċiżjoni mogħtija f’awli fi żmien 60 jum min-notifika tad-digriet. Il-qorti b’kompetenza fuq appelli minn deċiżjonijiet dwar rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà f’konformità mal-Artikolu 49(2) għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 360 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili hija l-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni (Suprema Corte di Cassazione).
L-Artikolu 64(1)(b) - il-proċeduri biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fuq appell imsemmija fl-Artikolu 50
Id-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista’ tiġi kkontestata:
1) b’rikors għal rieżami skont l-Artikoli 391-bis, 391-ter tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili;
2) b’oppożizzjoni minn terzi skont l-Artikolu 391-ter tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.
Tista’ ssir ukoll talba għall-korrezzjoni tad-deċiżjoni jekk is-sentenza jkun fiha żball materjali jew ta’ kalkolu.
L-Artikolu 65(1) - il-lista tal-awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 3(2)
Għall-finijiet tal-Artikolu 3(2), l-awtoritajiet ġudizzjarji jinkludu wkoll:
l-avukati, meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom skont l-iskema ta’ negozjar assistit skont l-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi nru 132 tal-2014
u l-Uffiċjali tal-Istat Ċivili, meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom skont l-iskema ta’ semplifikazzjoni prevista mill-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi nru 132 tal-2014.