Il-medjazzjoni tal-familja (mediazione familiare) hija proċess li l-konjuġi jew is-sħab li jgħaddu minn diffikultajiet jistgħu b’mod volontarju jiddeċiedu li jużaw sabiex isolvu t-tilwima tagħhom bl-involviment ta’ medjatur (mediatori) professjonali wieħed jew aktar. Il-kompitu tal-medjaturi huwa li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u jgħinu lill-koppja tindirizza l-aspetti emozzjonali, materjali u legali tas-separazzjoni (id-diviżjoni tal-assi, il-ħlasijiet tal-manteniment, l-allokazzjoni tad-dar matrimonjali, laqgħat u aċċess għall-ulied minuri, eċċ.). Il-kompitu tagħhom jinkludi wkoll li jħeġġu lill-koppja tagħti struttura lill-ftehimiet li jissodisfaw l-aħjar il-bżonnijiet tal-membri ta-familja kollha.
Il-medjazzjoni hija rregolata, f’termini ġenerali, mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28 tal-4 ta’ Marzu 2010, kif emendat, dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 60 tal-Liġi Nru 69 tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar il-medjazzjoni għall-għanijiet ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ċivili u kummerċjali.
Din il-liġi tistabbilixxi l-proċedura għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar drittijiet trasferibbli (diritti disponibili) barra mill-qorti. Għal uħud mill-materji msemmija espressament, il-medjazzjoni minn qabel hija prerekwiżit għall-ammissibbiltà tal-att promotur.
F’materji dwar il-liġi tal-familja, it-tilwim biss dwar ftehimiet ta’ negozju tal-familja (jiġifieri kuntratti li permezz tagħhom is-sid tan-negozju jittrasferixxi, b’mod sħiħ jew parzjali, l-impriża tiegħu lil dixxendent wieħed jew aktar) jirrikjedi medjazzjoni obbligatorja minn qabel.
Għal tilwim ieħor dwar kwistjonijiet tal-familja l-medjazzjoni hija volontarja.
Madankollu, fi proċedimenti ta’ kustodja tal-minuri l-qorti tista’ tipposponi d-deċiżjoni tagħha sabiex il-konjuġi, bl-għajnuna tal-esperti, ikunu jistgħu jagħmlu tentattiv ta’ medjazzjoni sabiex jilħqu ftehim, b’mod partikolari fir-rigward tal-interessi morali u materjali tal-wild jew ulied.
Il-medjazzjoni tista’ ssir fi jew permezz ta’ entitajiet pubbliċi jew privati mdaħħla debitament fir-reġistru tal-entitajiet ta’ medjazzjoni (registro degli organismi di mediazione) miżmum mill-Ministeru tal-Ġustizzja.
Il-lista ta’ entitajiet ta’ medjazzjoni tinsab fuq is-sit web segwenti:
L-avukati rreġistrati mal-Kamra tal-Avukati Taljana huma medjaturi bid-dritt.
F’ħafna muniċipalitajiet, iċ-ċentri għal pariri dwar il-familja, is-servizzi soċjali jew l-awtoritajiet tas-saħħa lokali jipprovdu aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni tal-familja (servizi di mediazione familiare).
Proċedura oħra — li hija differenti mill-medjazzjoni iżda li hija intiża wkoll biex jiġi solvut it-tilwim barra mill-qorti — hija n-negozjar assistit (negoziazione assistita). Dan huwa rregolat permezz tad-Digriet Liġi Nru 132 tat-12 ta’ Settembru 2014, ikkonvertit b’emendi permezz tal-Liġi Nru 162 tal-10 ta’ Novembru 2014.
In-negozjar assistit jirreferi għal ftehim (magħruf bħala “ftehim ta’ negozjar” (convenzione di negoziazione)) li permezz tiegħu l-partijiet jaqblu li “jikkoperaw f’bona fide biex isolvu t-tilwim bonarjament”. Sabiex il-ftehim ikun validu, irid isir bil-miktub bl-għajnuna ta’ avukat wieħed jew aktar, u jrid jikkonċerna drittijiet trasferibbli.
B’differenza mill-ftehimiet milħuqa permezz tal-medjazzjoni, il-ftehimiet ta’ negozjar assistit huma eżekutorji. Dan ifisser li jistgħu jiġu rreġistrati ipoteki ġudizzjarji (ipoteca giudiziale) biex ikopru s-selfiet rikonoxxuti mill-partijiet.
Bħall-medjazzjoni, in-negozjar jista’ jkun obbligatorju jew volontarju.
F’materji tal-liġi tal-familja, in-negozjar assistit huwa dejjem volontarju.
Il-liġi tirregola n-negozjar assistit f’materji dwar is-separazzjoni u d-divorzju, bl-għan li jinkiseb ftehim bil-kunsens jew emenda għall-kundizzjonijiet stabbiliti preċedentement.
Għall-koppji li ma jkollhomx ulied minuri (jew ulied adulti inabilitati), il-ftehim jintbagħat lill-prosekutur pubbliku fil-qorti kompetenti li, sa fejn ma jsib l-ebda irregolarità, jinnotifika lill-avukati li m’hemm ebda impediment għall-ftehim.
F’każ ta’ koppji b’ulied minuri (jew ulied adulti inabilitati), il-ftehim irid jintbagħat fi żmien 10 ijiem lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil-qorti kompetenti sabiex dan jivverifika li l-ftehim jiggarantixxi l-interessi tat-tfal. Jekk il-valutazzjoni tkun pożittiva, il-prosekutur pubbliku jawtorizzah. Jekk le, huwa jibagħtu lill-president tal-qorti, li jsejjaħ lill-partijiet fit-30 jum ta’ wara.
Il-ftehim milħuq u awtorizzat b’dan il-mod ikollu l-effetti u jieħu l-post ta’ separazzjoni ġudizzjarja jew ta’ provvedimenti ta’ divorzju u jbiddel il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom.
Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 76 tal-20 ta’ Mejju 2016, il-partijiet jistgħu wkoll jużaw in-negozjar assistit fil-każ ta’ xoljiment ta’ sħubija bejn persuni tal-istess sess .