Skip to main content

Medjazzjoni tal-familja

Il-medjazzjoni tista’ tkun partikolarment ta’ għajnuna f’tilwim transfruntier tal-familja u f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri mill-ġenituri. It-terminu “kwistjonijiet tal-familja” jkopri firxa wiesgħa ta’ tilwim, minn kwistjonijiet purament privati għal dawk li jinvolvu awtoritajiet pubbliċi.

1 X'inhi l-medjazzjoni tal-familja transfruntiera?

Il-medjazzjoni transfruntiera tal-familja hija proċess imwettaq minn terza persuna  imparzjali u kkwalifikata waħda jew iktar, il-medjatur. Il-medjatur ma għandu l-ebda setgħa li jiddeċiedi iżda jgħin lill-partijiet jerġgħu jiksbu l-komunikazzjoni u jgħinhom isolvu l-problema tagħhom huma stess.

Il-ftehim milħuq ikun soluzzjoni mfassla apposta għat-tilwima tagħhom li jiżgura li d-deċiżjonijiet tagħhom bħala ġenituri jqisu l-aħjar interessi tat-tfal, jekk ikunu kkonċernati tfal.

Il-kwistjonijiet tal-familja jinkludu: ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ aċċess, il-ħtif tat-tfal, il-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, il-manteniment tat-tfal jew tal-eks sħab u konsegwenzi oħra tad-divorzju jew tas-separazzjoni.

Is-sħab huma mħeġġa jieħdu r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-familja tagħhom u l-ewwel jippruvaw isolvu l-kunflitti barra mis-sistema ġudizzjarja.

Għalhekk, il-medjazzjoni tista’ toħloq atmosfera kostruttiva għad-diskussjonijiet u tiżgura negozjar ġust bejn il-ġenituri li jqis ukoll l-aħjar interessi tat-tfal.

Jekk jogħġbok ikkonsulta l-paġni li ġejjin biex tikseb aktar dettalji dwar:

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

2 X'jinvolvi l-proċess?

Bħala parti tista’ tapplika għal medjazzjoni fl-Istati Membri kollha. F’xi Stati Membri, l-imħallef jista’ jistieden lill-partijiet f’tilwima biex jippruvaw il-medjazzjoni.

Jekk il-partijiet kollha jaqblu li jużaw il-medjazzjoni, il-medjatur magħżul jistabbilixxi l-iskeda ta’ medjazzjoni. Il-mod kif il-medjatur jintgħażel jiddependi mill-pajjiż speċifiku - tista’ ssib din l-informazzjoni fil-paġni nazzjonali rispettivi disponibbli fuq in-naħa tal-lemin ta’ din il-paġna.

Ir-rappreżentanti legali jista’ jkollhom rwol importanti billi jipprovdu l-informazzjoni legali meħtieġa biex il-partijiet jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Ftehimiet medjati jistgħu jsiru eżegwibbli jekk iż-żewġ partijiet jitolbu hekk. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, permezz tal-approvazzjoni minn qorti jew ċertifikazzjoni minn nutar pubbliku.

Ir-rappreżentanti legali jistgħu jirrevedu l-ftehim medjat biex jiżguraw li dan il-ftehim ikollu effett legali fis-sistemi legali kollha kkonċernati.

3 Għalfejn għandek tipprova?

  • Għandek l-opportunità li tikkontrolla l-eżitu tat-tilwima tiegħek stess
  • Il-medjazzjoni toffri ambjent faċli għall-partijiet, li fih ikunu jistgħu jaslu għal ftehim.
  • Il-medjazzjoni tippermettilek tirrevedi u taġġusta l-ambitu tal-kunflitt.
  • Tista’ tieħu d-deċiżjonijiet u tasal għal ftehimiet iżda m’intix obbligat tilħaq ftehim.
  • Meta tipprova l-medjazzjoni, ma tirrinunzjax għad-dritt tiegħek li tressaq jew tiftaħ kawża l-qorti.
  • Sitwazzjoni fejn kull parti li tieħu sehem fil-medjazzjoni għandha x’tiggwadanja.
  • Il-medjatur huwa assistent imparzjali u mħarreġ li jista’ jgħin lill-partijiet jaslu għal soluzzjoni huma stess.
  • Meta mqabbla ma’ proċess tal-qorti, il-medjazzjoni hija relattivament irħisa.
  • Il-medjazzjoni hija relattivament rapida. Hija tista’ tiġi skedata faċilment fi kwalunkwe ħin għall-konvenjenza reċiproka tal-partijiet u tista’ sseħħ f’diversi postijiet.
  • Il-medjazzjoni tippermetti soluzzjonijiet flessibbli (imfassla apposta) u tgħin biex jinżammu jew jinbnew relazzjonijiet u kuntatti futuri kostruttivi bejn il-partijiet.
  • L-appoġġ u l-pariri ta’ rappreżentant legali fil-medjazzjoni huma possibbli.
  • Il-medjazzjoni tista’ tnaqqas il-litigazzjoni futura.

Din il-link tieħdok fil-paġna tal-Medjaturi.

4 Il-limiti tal-medjazzjoni

Meta jkun hemm indikazzjonijiet li l-każ ma jkunx adattat għall-medjazzjoni jew li waħda mill-partijiet (jew it-tnejn li huma) ma jkunux lesti jippruvaw il-medjazzjoni, ikun meħtieġ l-intervent tal-awtoritajiet ġudizzjarji. Waqt l-eżaminar tal-adegwatezza tal-każ, trid tingħata attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni tar-riskji possibbli bħall-vjolenza domestika u l-grad tagħha, l-abbuż tad-droga jew tal-alkoħol, l-abbuż tat-tfal, eċċ... L-adegwatezza tal-każ trid tiġi deċiża fuq bażi individwali u l-istandards applikati mill-medjatur u mill-organizzazzjoni tal-medjazzjoni.

4.1

Għodda għall-prattikanti: Rikonoxximent u Eżekuzzjoni Transfruntieri ta’ Ftehimiet Milħuqa fl-Andament ta’ Kwistjonijiet tal-Familja li Jinvolvu t-Tfal

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna