Skip to main content

Qrati nazzjonali u korpi mhux ġudizzjarji oħrajn

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
Malta
Flag of Malta

Qrati nazzjonali

Indirizz

Il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali)
Il-Qorti Kostituzzjonali
Il-Qrati tal-Ġustizzja
Triq ir-Repubblika,
Il-Belt Valletta
Malta

Spjegazzjoni fil-qosor tat-tip ta' talbiet li tittratta l-istituzzjoni

Kull persuna li tallega li xi waħda mid-dispożizzjonijiet tal-artikoli 33 sa 45 (drittijiet fundamentali tal-bniedem) tal-Kostituzzjoni tkun ġiet, tkun qed tiġi jew tkun x’aktarx ser tiġi miksura dwarha, jew kull persuna oħra li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta tista’ taħtar ad istanza ta’ xi persuna li hekk tallega, tista’, bla ħsara għal kull azzjoni oħra dwar l-istess ħaġa li tkun tista’ ssir legalment, titlob lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għal rimedju.

Hija biss il-persuna li tkun affettwata direttament f'sens ġuridiku li tista' tressaq azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem Dan huwa rekwiżit fundamentali.

Ta' min jirrimarka li l-individwu l-ewwel irid jeżawrixxi r-rimedji kollha disponibbli, jiġifieri mezzi adegwati oħra ta' rimedju, qabel ma jressaq azzjoni għal rimedju quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha.

Għalhekk, jekk individwu jħoss li nkisru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tiegħu l-ewwel irid jeżawrixxi r-rimedji disponibbli. Jekk din l-ewwel għażla ma tirnexxix huwa jkun jista' jressaq azzjoni quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali). Meta l-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili tagħti s-sentenza, kull parti tista' tappella quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Għalhekk, il-Qorti Kostituzzjonali hija Qorti tat-tieni istanza. Huwa biss jekk l-individwu jitlef il-kawża tiegħu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, jew ikun għadu mhux jaqbel jew mhux sodisfatt bis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li jkun jista' jtella' l-każ tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li jitressqu t-talbiet

Meta tqum kwistjoni kostituzzjonali quddiem Qorti ta' Maġistrat, il-Qorti tal-Maġistrat teżamina jekk il-kwistjoni tqajmitx b'mod frivolu jew vessatorju. Jekk il-Qorti tiddeċiedi li tkun frivola jew vessatorja, ma hemm l-ebda dritt ta' appell minn din id-deċiżjoni.  Jekk, mill-banda l-oħra, ma titqiesx li tkun frivola jew vessatorja, il-Maġistrat jirreferi l-każ lill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali).  Jekk il-persuna jidhrilha li hija aggravata mis-sentenza tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), hija għandha dritt ta' appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u mbagħad, wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali l-każ jintbagħat lura lill-Qorti tal-Maġistrat.

Ir-rikorsi quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili għandhom jiddikjaraw b'mod ċar u konċiż il-fatti li jagħtu lok għall-aggravju u għandhom jindikaw id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni li allegatament inkisru, qed jinkisru jew x'aktarx li se jinkisru.

Ir-rikors għandu jispeċifika wkoll ir-rimedju mixtieq mir-rikorrent, iżda, jekk ir-rikors ikun milqugħ, il-qorti tista' tagħti kull rimedju ieħor fil-ġurisdizzjoni tagħha li tista' tqis li jkun xieraq.

Il-Proċedimenti fl-Appell

Fil-każijiet riferuti lill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili, ir-rikors għandu jiġi notifikat lill-konvenut jew lill-intimat bla dewmien u l-qorti għandha tiffissa data għas-smigħ tal-kawża fi żmien tmint ijiem tax-xogħol mid-data tat-tressiq tar-rikors, jew mit-tressiq tar-risposta mill-intimat qabel l-iskadenza għalih, jew jekk ma titressaq l-ebda risposta, mid-data ta' skadenza.

Ir-rikors tal-appell għandu jsir fi żmien tmint ijiem tax-xogħol mid-data tad-deċiżjoni appellata, u l-intimat jista' jressaq risposta bil-miktub fi żmien sitt ijiem tax-xogħol mid-data tan-notifika.

Il-qorti, li tieħu deċiżjoni suġġetta għal appell lill-Qorti Kostituzzjonali, tista', f'każijiet urġenti u fuq talba anke verbali minn kwalunkwe parti minnufih wara t-teħid ta' dik id-deċiżjoni, tqassar iż-żmien biex isir l-appell jew biex titressaq ir-risposta. Jekk ma ssir l-ebda talba ta' dan it-tip mill-ebda parti minnufih wara li tingħata s-sentenza, kull waħda mill-partijiet tista' tagħmel dik it-talba permezz ta' rikors u l-qorti li kienet ħadet id-deċiżjoni, wara li tisma' lill-partijiet fil-qosor, jekk tħoss li jkun neċessarju, għandha tagħti l-ordni meħtieġ.

Ladarba jiġi stabbilit is-smigħ tal-kawża, il-qorti għandha tiżgura li, konsistentement mal-amministrazzjoni ġusta u korretta tal-ġustizzja, is-smigħ u d-deċiżjoni tal-kawża għandha tittieħed malajr, u l-kawża għandha tkompli tinstema' f'jiem konsekuttivi, u, fejn dan ma jkunx possibbli, f'dati qrib ta' xulxin.

Kawżi li jaqgħu taħt il-Kostituzzjoni u taħt l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea, kif ukoll dawk il-kawżi li jridu jinstemgħu b'urġenza għandhom jiġu stabbiliti għas-smigħ waranofsinhar fejn dan ikun possibbli sabiex ma tixxekkilx l-iskeda tax-xogħol ippjanata minn qabel tal-qorti, u għandhom ikomplu jinstemgħu hekk f'jiem konsekuttivi sakemm tingħalaq il-kawża, u l-kawża tiġi aġġornata għas-sentenza.

Spjegazzjoni qasira dwar fiex jistgħu jirriżultaw il-proċedimenti

Sa mill-1987, kull persuna f'Malta li, wara li jgħaddi mill-proċeduri kollha tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili u tal-Qorti Kostituzzjonali ta' Malta jibqa' ma jaqbilx mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali jew ma jkunx sodisfatt biha, għandu d-dritt li jieħu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.

Filwaqt li fil-Qorti Kostituzzjonali jistgħu jappellaw kemm l-individwu u kemm il-gvern, meta każ jiġi riferut lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa biss l-individwu li jkun jista' jirreferi l-każ tiegħu (id-dritt ta' petizzjoni individwali) quddiem dik il-Qorti. Għaldaqstant, il-Gvern ma jistax jirreferi l-każ lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Ombudsperson

Indirizz

L-Uffiċċju tal-Ombudsman
11, Triq San Pawl,
Il-Belt Valletta VLT 1210
Malta

Spjegazzjoni qasira tat-tip ta' talbiet li tittratta l-istituzzjoni

L-istituzzjoni tal-Ombudman Parlamentari hija bbażata fuq l-idea, tal-ħarsien tad-drittijiet tal-individwu u l-bżonn ta' sorveljanza legali għal dawk li huma fdati b'setgħa pubblika.  Dan intwera li huwa għodda importanti għall-iżvilupp ta' regoli dwar il-funzjonament tal-amministrazzjoni kif ukoll dwar l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet uniformi u xierqa tal-liġi.  Peress li l-Ombudsman huwa uffiċjal tal-Parlament, huwa jissupplimenta x-xogħol parlamentari, billi jżomm għajnejh fuq xi tkun qed tagħmel l-amminstrazzjoni.  B'dan il-mod l-istituzzjoni tal-Ombudsman issaħħaħ ukoll l-istituzzjoni parlamentari u ssaħħaħ il-proċess demokratiku filwaqt li l-Parlament jikkontrolla l-amministrazzjoni.

L-Ombudsman jinvestiga l-ilmenti taċ-ċittadini li jkunu tal-opinjoni li kien hemm ksur tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom minħabba malamministrazzjoni kkawżata min użu ħażin involontarju jew intenzjonali mis-setgħa eżekuttiva jew bi mġiba inadegwata u mhux raġjonevoli min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati.

Talbiet ta' dan it-tip jinkludu:

  • Dewmien bla bżonn u li seta' jiġi evitat fit-teħid ta' deċiżjonijiet fit-tweġiba għall-korrispondenza u fl-għoti liċ-ċittadini tad-drittijiet u l-intotalementi tagħhom;
  • Applikazzjoni inekwitabbli tar-regoli u l-proċeduri u nuqqas ta' osservazzjoni ta' proċeduri korretti;
  • Imġiba amministrattiva u prassi amministrattivi li jkunu inkonsistenti mal-mod ta' kif ikunu aġixxew entitajiet pubbliċi fil-passat f'ċirkostanzi simili;
  • Nuqqas ta' aċċess għal informazzjoni li tkun ta' interess dirett liċ-ċittadin u rifjut milli tingħata informazzjoni raġonevoli;
  • Trattament differenti għal ċittadini fl-istess sitwazzjoni;
  • Nuqqas ta' korteżija minn uffiċjali pubbliċi lejn ċittadini;
  • Żbalji fit-trattament tal-affarijiet taċ-ċittadini;
  • Applikazzjoni riġida u inflessibbli ta' regoli u proċeduri li jwasslu għal inekwità;
  • Nuqqas li n-nies jiġu mgħarrfa b'kull drittijiet ta' appell li jista' jkollhom u kif jistgħu jappellaw kontra deċiżjonijiet li jmorru kontra l-interessi tagħhom;
  • Nuqqas ta' tpattija għal kull dannu kkawżat minn entità pubblika liċ-ċittadini u li jkunu miftuħa għal proposti li jipprovdu rimedju xieraq bħal apoloġiji, spjegazzjonijiet u ħlas ta' kumpens ex gratia anke fl-assenza ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti;
  • Nuqqas li jiġi onorat l-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu raġunijiet għal azzjonijiet u deċiżjonijiet lil dawk li jintlaqtu direttament minnhom;
  • Nuqqas ta' aġir ġust u indipendenti u ta' astensjoni minn preferenzi, preġudizzji u trattamenti preferenzjali għal kwalunkwe raġuni.

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li titressaq talba

L-ewwel ħaġa li jagħmel l-Ombudsman meta jirċievi lment huwa li jiddetermina jekk l-ilment hux ammissibbli.  Jekk ikun inammissibbli, l-ilmentatur jiġi infurmat li l-Ombudsman ma jkunx se jittratta l-każ.  Mill-banda l-oħra jekk l-ilment ikun ammissibbli, isiru l-investigazzjonijiet tal-każ biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm malamministrazzjoni.

L-ilmenti li jilħqu l-Uffiċċju jiġu rikonoxxuti fi żmien 48 siegħa u l-ilmentaturi jkunu infurmati b'min se jkun l-uffiċjal tal-investigazzjoni li jkun se jassisti lill-Ombudsman fl-ittrattar tal-każ tagħhom u li jkun lest li jiltaqa' magħhom għall-konsultazzjoni.  Ir-rikonoxximent jipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-azzjoni li trid tittieħed biex l-aggravju jiġi pproċessat.

L-investigazzjoni ta' lment tieħu bħala medja minn 50 sa 60 jum tax-xogħol.

F'każijiet ammissibbli, l-Ombudsman l-ewwel jirrevedi ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-ilment sabiex jiġu stabbiliti l-fatti.

L-Ombudsman jgħarraf lill-kap tad-dipartiment ikkonċernat, jew, skont ma jkun jeħtieġ il-każ, l-uffiċjal eżekuttiv prinċipali tal-organizzazzjoni kkonċernata, jew is-sindku tal-kunsill lokali kkonċernat, bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel l-investigazzjoni.

L-Ombudsman jista’ jisma’ jew jirċievi tagħrif minn dawk il-persuni li jidhrulu xierqa, u jista’ jagħmel dawk l-inkjesti li jidhrulu xierqa.  L-Ombudsman għandu s-setgħa li jħarrek ix-xiehda u li jagħti l-ġurament lil kull xhud u persuna involuti fl-investigazzjoni, u jeħtieġhom li jixhdu.

Kull persuna mħarrka biex tixhed li tirrifjuta mingħajr kawża ġusta li twieġeb fil-qies ta’ kemm taf u tifhem kull mistoqsija li ssirilha mill-Ombudsman, jew li tirrifjuta li tipproduċi xi dokument li l-Ombudsman ikun ħtieġha li tipproduċi, tkun ħatja ta’ reat.  Iżda, ebda persuna li tkun qiegħda tixhed quddiem l-Ombudsman ma tista’ tinġiegħel twieġeb għal xi domanda li għandha mnejn tesponiha għal xi prosekuzzjoni kriminali.  Kull xhud għandu jkollu jedd għall-istess privileġġi li jkollu jedd għalihom xhud li jkun qed jixhed quddiem qorti tal-ġustizzja.

Fil-każ ta’ investigazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ xi dipartiment, organizzazzjoni jew kunsill lokali, l-Ombudsman jista’ f’kull waqt matul jew wara l-investigazzjoni, jikkonsulta lil xi Ministru, Kap ta’ Dipartiment, Kap Eżekuttiv, Sindku jew kull persuna oħra, li hekk titlob jew li tkun saritilha rakkomandazzjoni li tkun il-qofol tal-investigazzjoni, wara li l-Ombudsman ikun għamel l-investigazzjoni.

Jekk l-Ombudsman, matul jew wara xi investigazzjoni, ikun tal-fehma li jkun hemm prova sostanzjali ta’ xi ksur evidenti ta’ xi dmir jew ta’ imġiba ħażina li titwettaq minn xi uffiċjal jew impjegat ta’ xi dipartiment, organizzazzjoni jew kunsill lokali, huwa għandu jirreferi l-kwistjoni lill-awtorità kkonċernata inklużi l-Pulizija.

Spjegazzjoni qasira dwar fiex jistgħu jirriżultaw il-proċedimenti

Abbażi tal-investigazzjoni, l-Ombudsman isawwar l-opinjoni indipendenti tiegħu dwar jekk l-azzjoni jew deċiżjoni li kienet taħt skrutinju:

  • tidhirx li tkun saret kontra dak li trid il-liġi
  • kinitx irraġonevoli, inġusta, oppressiva jew improprjament diskriminatorja.
  • kinitx skont liġi jew prattika li tkun jew tista' tkun irraġonevoli, inġusta, oppressiva jew improprjament diskriminatorja
  • kinitx imsejsa għal kollox jew f’parti minnha fuq żball tal-liġi jew ta’ xi fatt
  • kinitx ħażina

Jekk l-Ombudsman ikun tal-fehma:-

  • li l-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-awtorità propizja sabiex tiġi aktar kunsidrata jew
  • li l-ommissjoni għandha tiġi rettifikata jew
  • li d-deċiżjoni għandha titħassar jew tinbidel jew
  • li xi prattika li fuqha jkunu ġew ibbażati d-deċiżjoni, rakkomandazzjoni, att jew ommissjoni għandha tinbidel jew
  • li xi liġi li fuqha ssejsu d-deċiżjoni, ir-rakkomandazzjoni, l-att, jew l-omissjoni għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid jew
  • li għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni jew
  • li għandhom jittieħdu xi passi oħra,

l-Ombudsman għandu jirrapporta l-fehma tiegħu, u r-raġunijiet tiegħu għaliha, lid-dipartiment, organizzazzjoni jew kunsill lokali li jkunu, u jista’ jagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet li jidhrulu xierqa.  F’kull każ bħal dak huwa jista’ jitlob lid-dipartiment, organizzazzjoni jew kunsill lokali li javżawh, fi żmien li jiġi stabbilit, dwar il-passi li jkunu qegħdin jipproponu li jieħdu sabiex jagħtu seħħ lir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.  L-Ombudsman għandu wkoll, fil-każ ta’ investigazzjoni, jibgħat kopja tar-rapport jew rakkomandazzjoni tiegħu lill-Ministru kkonċernat u lis-sindku fil-każ ta’ xi kunsill lokali.

Jekk fi żmien raġonevoli wara li jsir ir-rapport ma tittieħed ebda azzjoni, l-Ombudsman jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, wara li jikkonsidra l-kummenti (jekk ikun hemm) magħmulin mid-dipartiment, l-organizzazzjoni jew il-kunsill lokali, jibgħat kopja tar-rapport u tar-rakkomandazzjonijiet lill-Prim Ministru, u jista’ wara dan jagħmel dak ir-rapport lill-Kamra tad-Deputati li jidhirlu li jkun xieraq.

}lief għar-raġuni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, ebda proċediment jew deċiżjoni ta’ l-Ombudsman ma jistgħu jiġu kontestati f’xi qorti.

L-Ombudsman normalment ikollu s-setgħat li jibda investigazzjonijiet u jesprimi l-opinjonijiet huwa stess, jiġifieri, ma għandux bżonn ta' lment biex jirrevedi kwistjoni jew każ.  L-Ombudsman għandu wkoll is-setgħa li jagħmel rakkomandazzjonijiet amministrattivi jew leġiżlattivi.  Huwa jista' jiddeċiedi wkoll li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-amministrazzjoni biex tibdel il-mod kif tittratta ċertu każijiet u jista' jirrakkomanda wkoll li l-liġi tinbidel.  Madankollu d-deċiżjoni tal-Ombudsman mhix vinkolanti.  Id-deċiżjoni tal-Ombudsman għandha saħħa morali u politika qawwija fis-sens li istituzzjoni indipendenti u rispettata tkun qed tissuġġerixxi li prattika ma titkompliex jew li liġi partikolari tinbidel.  Għalhekk wieħed ma jistax imur il-Qorti jew joħroġ xi mandat mill-Qorti biex jinforza deċiżjoni tal-Ombudsman.

Entitajiet speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem

Ombudsperson for rights of the child

Il-Kummissarju għat-Tfal

Indirizz

Il-Kummissarju għat-Tfal
Ċentru Ħidma Soċjali
469, Triq il-Kbira San Ġużepp,
Santa Venera SVR 1012
Malta

Jekk ikun rilevanti, unità/organu fi ħdan l-istituzzjoni li tilqa' t-talbiet

L-Aġenzija Appoġġ

L-Aġenzija tipprovdi servizz ta' kwalità li joffri protezzjoni lil tfal u adolexxenti vulnerabbli ta' taħt l-età ta' 18-il sena li ġew traskurati jew/u abbużati jew li huma fir-riskju li jiġu traskurati jew/u abbużati

Is-Servizzi għall-Protezzjoni tat-Tfal jinvestigaw ir-riferimenti li jaslulhom mill-pubbliku ġenerali kif ukoll mill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal u l-familji tagħhom, kull meta jkun hemm allegazzjonijiet li tifel jew tifla qed tbati jew qiegħda fir-riskju li tbati minn deni li jirriżulta minn traskuraġni u/jew abbuż fiżiku, sesswali jew emozzjonali.

Spjegazzjoni fil-qosor tat-tip ta' talbiet li tittratta l-istituzzjoni

Ilmenti li jikkonċernaw il-familja jinvolvu kwistjonijiet ta' separazzjoni miż-żwieġ u l-kustodja tat-tfal.  Fi ħdan dawk il-proċedimenti it-tfal rari jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom.   Minħabba li d-deċiżjoni tal-qorti jkollha impatt fundamentali fuq ħajjet it-tfal, huwa kruċjali li fehmiet it-tfal ikunu adegwatament meqjusa.

Ilmenti relatati mal-edukazzjoni li jinvolvu tagħmir ta' kostruzzjoni perikoluż fil-viċinanzi ta' skejjel u l-istat ta' xi vannijiet żgħar li jintużaw għat-trasport tal-iskola.

Ilmenti relatati ma' sentenzi tal-qorti inklużi kwistjonijiet relatati mal-manteniment u l-kustodja tat-tfal fejn il-ġenituri spiss joġġezzjonaw għad-deċiżjonijiet tal-qorti billi jsostnu li kienu preġudikati jew li jagħmlu ħażin lit-tfal.

Ilmenti fir-rigward tal-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tat-tfal ma' klabbs, fejn it-tfal jiġu sfruttati mill-klabbs u li b'hekk ma jingħatawx l-opportunità li jibbenefikaw mill-isport u jieħdu sehem fih.  Ilmenti rigward l-istat ta' deterjorament taż-żoni tal-bandli li jqajmu tħassib dwar is-sigurtà tat-tfal li jużawhom.

Ilmenti li jirrigwardaw abbuż.

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li titressaq talba

il-Kummissarju jista’ jagħmel investigazzjoni għal kull skop konness mal-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tal-Kummissarju kemm wara lment bil-miktub magħmul lill-Kummissarju minn xi persuna jew fuq inizjattiva tal-Kummissarju nnifsu.  Madankollu l-Kummissarju ma għandu jagħmel ebda investigazzjoni dwar konflitti speċifiċi individwali bejn tfal u l-ġenituri jew tuturi tagħhom inklużi affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-eżerizzju tar-responsabbiltà tagħhom ta’ ġenituri u kull ħaga oħra li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ xi qorti jew tribunal stabbilit bil-liġi u f’kull każ bħal dak il-Kummissarju għandu jippreżenta lil min jagħmel l-ilment, ir-raġuni għaliex ikun qiegħed jirrifjuta.

Meta jieħu deċiżjoni li jinvestiga lment, il-Kummissarju għandu javża lil min jagħmel l-ilment bid-deċiżjoni li jinvestiga u għandu javża lil kull dipartiment, aġenzija jew entità involuta bl-intenzjoni li jinvestiga.

Il-Kummissarju jista’ jagħti parir lil min jagħmel ilment li jsegwi kull rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju.

Għall-finijiet ta’ xi investigazzjoni l-Kummissarju jista’ jeħtieġ lil kull persuna li jkollha dokumenti jew informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni biex tipproduċi dawk id-dokumenti u/jew tgħaddi l-informazzjoni bil-miktub u/jew tattendi f’ħin u post speċifikati u tagħti informazzjoni bil-fomm taħt ġurament.

Il-Kummissarju għandu jkollu s-setgħa li jħarrek xhieda u li jamministra ġurament lil kull persuna involuta fl-investigazzjoni u jitlobha tagħti l-informazzjoni rilevanti.  Minkejja d-disposizzjonijiet taż-żewġ subartikoli preċedenti, ebda persuna ma għandha tkun imġiegħla tagħti informazzjoni jew tipproduċi dokumenti li dik il-persuna ma tistax tkun imġiegħla tagħti jew tipproduċi fi proċeduri ċivili jew kriminali quddiem xi Qorti.

Spjegazzjoni qasira fiex jistgħu jirriżultaw il-proċedimenti

Jekk il-Kummissarju jirriżultalu fil-kors tal-investigazzjoni li l-azzjoni ta’ individwu tkun jew tista’ tkun qiegħda tikser xi liġi ta’ xorta penali, il-Kummissarju għandu minnufih jirrapporta l-fatt lill-Avukat Ġenerali.

Il-Kummissarju jipprepara u jippubblika rapport tar-riżultanzi f’xi investigazzjoni formali u għandu jinkludi fih dawk ir-rakkomandazzjonjiet li jkunu jidhrulu li huma meħtieġa jew spedjenti.

Il-Kummissarju jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjoni biex tittieħed minn persuni oħra jew minn xi korp ieħor skont kif meħtieġ jew spedjenti u jista’ jippubblika dawk ir-rakkomandazzjonijiet, jekk il-Kummissarju jidhirlu li jkun hekk xieraq, bla ma jikxef l-identità tal-persuna li r-rapport ikun jirreferi għalih.

F’dawk il-każi meta l-Kummissarju jiddeċiedi li jagħmel rakkomandazzjonijiet, għandu jitfassal rapport mill-Kummissarju fejn ifisser ir-raġunijiet għar-rakkomandazzjonijiet u għandu jibgħat kopja ta’ dak ir-rapport lil kull persuna jew korp li rrakkomandazzjonijiet ikunu intiżi għalihom.

Jekk ikun jidher li xi persuna jew korp partikolari ma jkunux qed jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ratifikata minn Malta, il-Kummissarju jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet fl-għamla ta’ avviż ta’ konformità li jkun jagħti l-fehma tal-Kummissarju dwar il-mod kif ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u dwar l-azzjoni li jkollha tittieħed għar-rigward ta’ dik il-konformità.

Kull meta jkun jidher meħtieġ, il-Kummissarju jista’ jagħmel valutazzjoni tal-impatt fuq it-tfal rigward xi deċiżjoni jew proposta fuq xi politika li tolqot lit-tfal. Il-Kummissarju jista’ wkoll jippubblika l-Valutazzjoni ta’ Impatt fuq it-Tfal.

Equality Body

Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza

Indirizz

Appartament 4, Dar Gattard
Triq Nazzjonali
Il-Blata l-Bajda
Malta

Spjegazzjoni qasira tat-tip ta' talbiet li tittratta l-istituzzjoni

Kull min jemmen li huwa vittma ta' diskriminazzjoni sesswali/razzjali jew fuq bażi ta' oriġini etnika jista' jibgħat ilment lill-NCPE.

Il-Kummissjoni tittratta talbiet li jirrigwardaw diskriminazzjoni fuq bażi sesswali jew minħabba responsabilitajiet familjari jiġifieri meta:-

  • jingħata trattament anqas favorevoli, direttament jew indirettament, lill-irġiel u lin-nisa minħabba fis-sess tagħhom jew minħabba responsabbiltajiet li ġġib il-familja tagħhom
  • mara tiġi ttrattata b’mod anqas favorevoli minħabba fi tqala li tkun teżisti jew li tista’ sseħħ jew it-twelid ta’ tarbija
  • l-irġiel u n-nisa jigu ttrattati b’mod anqas favorevoli minħabba f’li jkunu ġenituri, r-responsabbiltajiet li ġġib il-familja jew għal xi raġuni oħra li jkollha x’taqsam mas-sess
  • kull trattament ibbażat fuq provvediment, kriterju jew prattika li kieku kien iqiegħed persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dak il-provvediment, kriterju jew dik il-prattika jkunu xierqa jew meħtieġa u jkunu jistgħu jigu ġustifikati permezz ta’ fatturi oġġettivi li ma jkollhomx x’jaqsmu mas-sess

Hija tittratta wkoll talbiet fir-rigward tad-diskriminazzjoni fl-impjiegi, jiġifieri diskriminazzjoni, direttament jew indirettament, kontra persuna fl-arranġamenti li jsiru biex jiġi stabbilit min għandu jiġi offrut impjieg jew fil-pattijiet u l-kundizzjonijiet li l-impjieg jiġi offrut abbażi tagħhom jew fid-deċiżjoni dwar min għandu jkun mkeċċi mix-xogħol.

Talbiet oħra jinkludu diskriminazzjoni kontra persuna fl-għoti ta' kull faċilità minn banek, istituzzjonijiet finanzjarji jew kumpaniji tal-assikurazzjoni.

Diskriminazzjoni kontra konjuġi ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom li ma jkunux impjegati tagħhom jew sħab magħhom, u li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u li jwettqu l-istess ħidmiet jew ħidmiet anċillari bħal konjuġi tagħhom.

Diskriminazzjoni kontra persuna fl-attendenza għal kull kors, taħriġ jew gwida vokazzjonali, fl-għoti ta’ appoġġ edukattiv għal studenti jew trainees,  fl-għażla u fl-implimentazzjoni tal-kurrikula u fil-valutazzjoni ta’ kull ħila jew konoxxenza tal-istudenti jew trainees.

Talbiet li jittrattaw fastidju sesswali jiġifieri li jissoġġettaw lil kull persuna tagħmel xi att ta’ intimità fiżika jew li jitolbu favuri sesswali mingħand persuni oħra jew li jissoġġettaw lil persuni oħra għall-għemil ta’ xi att jew it-twettieq ta’ xi mġiba li jkollhom konnotazzjonijiet sesswali, inklużi kliem mitkellma, mossi jew l-għemil, il-wiri jew iċ-ċirkolazzjoni ta’ kliem miktuba, stampi jew xi materjal ieħor, meta l-att, il-kliem jew l-imġiba ma jkunux jogħġbu lill-persuni li jkunu indirizzati lejhom u jkunu jistgħu raġonevolment jitqiesu bħala li huma offensivi, umiljanti jew intimidatorji fir-rigward tal-persuni li jkunu diretti lejhom.

Diskriminazzjoni fil-pubblikazzjoni u l-espożizzjoni ta' kull reklam jew, xort’oħra li jirreklamaw post battal għal xi impjieg li jkun jiddiskrimina bejn min ikun qed ifittex ix-xogħol jew jitlob mingħand min ikun qed ifittex ix-xogħol informazzjoni li tkun tirrigwarda l-ħajja privata tagħhom jew il-pjanijiet li jkollhom dwar it-tkabbir tal-familja tagħhom.

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li titressaq talba

Il-Kummissarju jista’ jibda investigazzjonijiet minn jeddu dwar kull ħaġa li tinvolvi xi att jew ommissjoni li jkunu allegatament illeġittimi u malli jirċievi lment bil-miktub minn persuni li jallegaw li jkunu l-vittma ta’ diskriminazzjoni.

Kull każ ippreżentat lill-Kummissjoni għall-investigazzjoni jiġi ttrattat b'mod kunfidenzjali.

Kull ilment jiġi rikonoxxut bil-miktub.

Is-sottokumitat tal-Ilmenti tal-NCPE jiltaqa' biex jiddiskuti l-ilmenti li jaslu u jikteb lill-partijiet li jkun sar ilment kontrihom biex jinfurmahom bl-allegazzjonijiet li jkunu saru u jistaqsihom għall-verżjoni tagħhom tal-fatti.

Jistgħu jsiru wkoll xi intervisti wiċċ imb wiċċ biex jgħinu l-investigazzjonijiet.

Il-Kummissjoni tista' ssejjaħ liż-żewġ partijiet u timmedja bejniethom biex issib soluzzjoni aċċettabbli għal dawk kollha involuti bil-kundizzjoni li jkun hemm il-kunsens għal dan miż-żewġ partijiet.

L-NCPE tagħmel mill-aħjar li tista' biex tiżgura li kull ilment ikun ittrattat fl-inqas żmien possibbli.

Spjegazzjoni qasira fiex jistgħu jirriżultaw il-proċedimenti

Wara li jagħmel l-investigazzjoni l-Kummissarju jista’ jiċħad l-ilment.

Meta l-Kummissarju jiddeċiedi li l-ilment ikun ġie ppruvat, meta l-azzjoni li jkun sar ilment dwarha tkun tikkostitwixxi reat, għandu jsir rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija biex imexxi min-naħa tiegħu.

Meta l-azzjoni li jkun sar ilment dwarha ma tkunx tikkostitwixxi reat, il-Kummissarju għandu jinterpella l-persuna li kontriha jkun sar l-ilment sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, u tagħmilha ta' medjatur bejn min jilmenta u dik il-persuna bil-għan li tiġi risolta l-kwistjoni.

fil-każ ta’ diskriminazzjoni allegata minn xi persuna kontra l-oħra, il-Kummissjoni tista’ hi nnifisha tirreferi l-kwistjoni lill-qorti ċivili kompetenti jew lit-Tribunal Industrijali għal rimedju.

Data Protection Body

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data

Indirizz

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data
Airways House , It-Tieni Sular
Triq il-Kbira,
Tas-Sliema SLM 1549
Malta

Spjegazzjoni qasira tat-tip ta' talbiet li tittratta l-istituzzjoni

Il-protezzjoni tad-data saret partikolarment rilevanti peress li l-awtoritajiet amministrattivi jiġbru ammonti kbar ta' informazzjoni, li tkun informazzjoni personali dwar l-individwi tul xogħolhom. Huwa aċċettat li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ċerti obbligi fir-rigward tal-informazzjoni li jiġbru.  Dawn l-obbligi huma, minn banda, maħsuba biex joħolqu bilanċ bejn il-libertà ta' kulħadd li jirċievi u jagħti informazzjoni li huwa parti mid-dritt tal-libertà tal-espressjoni bħala Dritt Fundamentali tal-Bniedem u mill-banda l-oħra d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u familjari li għandu kulħadd.

Il-Kummissarju jinvestiga l-ilmenti fir-rigward ta':

  • data personali li ma tkunx ġiet ipproċessata b’mod imparzjali u skont il-liġi
  • data personali li ma tkunx ġiet ipproċessata skont prattika korretta
  • data personali miġbura għal għanijiet illeġittimi
  • data personali pproċessata għal xi skop li jkun inkompatibbli ma’ dak li għalih tkun qiegħda tinġabar l-informazzjoni
  • komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta' promozzjoni kummerċjali diretta magħrufa komunement bħala spam
  • trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz b'kontravenzjoni għall-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li titressaq talba

Biex ikun jista' jinvestiga, il-Kummissarju għandu l-jedd jikseb dħul fid-data personali li kienet ipproċessata u għal informazzjoni dwar, u dokumentazzjoni relattiva għall-ipproċessar ta’ data personali.

Il-Kummissarju jikkonsulta lill-partijiet interessati li jistgħu jintlaqtu direttament bl-investigazzjoni.

Il-Kummissarju jista' jħarrek lil kull persuna biex tidher quddiemu sabiex tixhed u ġġib dokumenti magħha.

Il-Kummissarju għandu l-istess setgħat li jidħol u jagħmel tfittxija f’kull fond, li huma vestiti fil-pulizija eżekuttiva b’xi liġi li minn żmien għal żmien tkun isseħħ.  Għalhekk jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissarju jista' jagħmel tfittxija fi ħdan il-fond li jkun is-suġġett tal-ilment.

Spjegazzjoni qasira fiex jistgħu jirriżultaw il-proċedimenti

Il-Kummissarju jista' jibda proċeduri legali ċivili fil-każijiet fejn ma jkunux ġew jew ma jkunux sejrin ikunu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data.

Il-Kummissarju jirriferixxi lill-awtorità kompetenti pubblika kull reat kriminali li jista’ jiltaqa’ miegħu tul l-investigazzjonijiet.

Il-Kummissarju jista' jordna l-imblokkar, il-kanċellament jew il-qirda ta’ data, jimponi projbizzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar, jew iwissi jew jammonixxi lill-kontrollur

Jekk il-Kummissarju ma jkunx jista’ jikseb informazzjoni biżżejjed sabiex jikkonkludi li l-ipproċessar ta’ data personali jkun wieħed leġittimu, il-Kummissarju jista’ jipprojbixxi lill-kontrollur ta’ data personali milli jipproċessa data personali b’xi mod ieħor milli bil-ħżin tagħhom.

Meta l-Kummissarju jikkonkludi li data personali tkun ġiet ipproċessata jew tista' tkun ipproċessata b’xi mod illeġittimu, il-Kummissarju għandu jordna rettifika, u jekk ma ssirx ir-rettifika jew jekk il-kwistjoni tkun waħda urġenti, il-Kummissarju jista’ jipprojbixxi lill-kontrollur ta’ data personali milli jkompli jipproċessa d-data personali b’xi mod ieħor li ma jkunx il-ħżin ta’ dik id-data

Jekk il-kontrollur tad-data personali ma jimplimentax miżuri ta’ sigurtà, il-Kummissarju jista’ jimponi piena amministrattiva u jekk il-kontrollur jonqos milli jħares dik il-ħtieġa, il-Kummissarju għandu jibda proċedimenti kontra l-kontrollur.

Dik il-piena amministrattiva għandha tkun dovuta lill-Kummissarju bħala dejn ċivili, li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv bħallikieku l-ħlas tal-ammont tal-piena kien ġie ordnat b’deċiżjoni ta’ Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Ċivili.

Meta l-Kummissarju jiddeċiedi li data personali tkun ġiet ipproċessata illeġittimament, il-Kummissarju għandu b’avviż jordna lill-kontrollur ta’ data personali biex iħassar id-data personali.

Mill-banda l-oħra, jekk il-kontrollur ta’ data personali jħoss ruħu aggravat bid-deċiżjoni tal-Kummissarju, hu jista’, fi żmien 15-il ġurnata minn meta jirċievi l-avviż, b’rikors jitlob lill-Qorti tal-Appell biex tirrevoka l-ordni tal-Kummissarju

Persuna li tħoss ruħha aggravata b’xi deċiżjoni tal-Kummissarju għandu jkollha l-jedd li tagħmel appell minn dik id-deċiżjoni billi tikkomunika bil-miktub lit-Tribunal tal-Appelli dwar l-Protezzjoni tad-Data fi żmien 30 jum minn meta tiġi avżata b’dik id-deċiżjoni.

Other specialised bodies

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità

Indirizz

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità
Istituto Bugeia,
Triq Braille,
Santa Venera SVR 1619

Jekk ikun rilevanti, unità/organu fi ħdan l-istituzzjoni li tilqa' t-talbiet

Unità ta' Konformità mal-Opportunitajiet Indaqs

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità stabbiliet l-Unità għall-Konformità mal-Opportunitajiet Indaqs fi ħdan is-Segretarjat tagħha, inkarigata mill-promozzjoni tal-Ugwaljanza fl-Opportunità u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (persuni b'diżabilità) u b'hekk tinvestiga l-atti ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' diżabilità.

  • L-Unità tipprovdi pariri u informazzjoni dwar dan il-qasam.
  • Hija tappoġġja n-nies b'diżabilità biex jiżguraw drittijiethom skont l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs.
  • Hija taħdem biex jinbidlu l-politika, il-prattika u s-sensibilizzazzjoni sabiex in-nies diżabbli jkollhom trattament iktar ġust.
  • Hija tirreġistra u tinvestiga allegazzjonijiet ta' atti ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' diżabilità, tinnegozja soluzzjoni eqwitabbli u, biss bħala l-aħħar soluzzjoni, tfittex rimedju fil-Qrati.

Spjegazzjoni qasira tat-tip ta' talbiet li tittratta l-istituzzjoni

Il-persuni b'diżabilità u l-familji tagħhom qegħdin bil-mod il-mod isiru iktar konxji mid-drittijiet tagħhom.  Il-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tidentifika, tinvestiga u tikkonkludi l-ilmenti li jaffettwaw lil persuni b'diżabilità.

It-tip ta' talbiet li tittratta l-Kummissjoni jinkludu:

  • Talbiet għal xogħol bis-sigħat imnaqqsa
  • Talbiet fir-rigward tal-Impjegar ta' Assistent ta' Appoġġ fit-Tagħlim
  • Ilmenti fir-rigward tan-nuqqas ta' trasport aċċessibbli għall-iskola
  • Ilmenti fir-rigward ta' nuqqas ta' aċċess għall-knejjes, it-teatri, il-każini tal-banda, it-tojlits, il-fergħat tal-banek, il-lukandi, il-ħwienet, ir-ristoranti kif ukoll fir-rigward ta' nuqqas ta' rampi mal-bankini u bankini inaċċessibbli.
  • Ilmenti li jirrigwardaw l-ibbuljar ta' persuni diżabbli
  • Ilmenti fir-rigward tan-nuqqas ta' faċilitajiet ta' lifts
  • Ilmenti fir-rigward tan-nuqqas ta' servizzi tal-kiri ta' karozzi li tikkontrollahom b'idejk
  • Ilmenti fir-rigward tan-nuqqas ta' akkomodazzjoni adegwata
  • Assikurazzjonijiet tal-ivvjaġġar diskriminatorji

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li titressaq talba

Il-Kummissjoni tista’ hi nnifisha tibda investigazzjonijiet dwar kull ħaġa li tkun tinvolvi att li allegatament jikser xi waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilità).

Il-Kummissjoni tista’ hi nnifisha tibda investigazzjonijiet dwar kull ħaġa li tkun tinvolvi att li allegatament jikser xi waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilità).

Dak l-ilment ikun jista’ jsir lill-Kummissjoni minn kull min iħoss ruħu aggravat b’dak l-att jew kull min ikun il-ġenitur, kuratur legali jew membru tal-familja ta’ persuna b’diżabilità mentali.

Jekk il-persuna li tkun tixtieq tagħmel ilment tkun teħtieġ l-għajnuna biex tifformola dak l-ilment bil-fomm u, jew, bil-miktub, il-Kummissjoni tipprovdi għajnuna xierqa lil dik il-persuna.

Meta jasal ilment bil-miktub, jintbagħat rikonoxximent.  L-Unità tqis l-ilment u jekk ma jkunx iġġustifikat, l-applikant jiġi avżat bil-miktub flimkien mar-rimedji alternattivi possibbli.

Jekk l-ilment ikun iġġustifikat u kien hemm diskriminazzjoni prima facie, l-Unità tinvestiga l-ilment.

Avviż ta' lment jintbagħat lill-konvenut fejn jintalab jagħti iktar kummenti.  Dan jgħin lill-Unità biex tasal għal fehma provviżorja

Il-konvenut jiġi mitlub jibgħat proposta li tinkludi skeda li tindika kif u meta jistgħu jkunu fis-seħħ il-modifiki meħtieġa biex titneħħa d-diskriminazzjoni.

L-Unità tuża proċeduri ta' medjazzjoni biex tinnegozja soluzzjoni ekwitabbli u malajr.

Jekk dan kollu ma jirnexxix, il-Kummissjoni tkun obbligata tipproċedi b'azzjoni legali permezz taċ-Ċentru ta' Arbitraġġ jew permezz tal-Qrati.

Spjegazzjoni qasira fiex jistgħu jirriżultaw il-proċedimenti

Wara l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tieħu azzjoni legali xierqa.

Fil-każ ta’ diskriminazzjoni allegata ta’ persuna kontra persuna oħra, il-Kummissjoni tista’ hi nnifisha tirriferixxi l-kwistjoni lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.  Iżda ebda riferiment simili m’għandu jżomm lil xi individwu li jkollu interess legali milli jressaq pretensjoni ta’ diskriminazzjoni bħala l-mertu ta’ azzjoni, inkluża azzjoni għad-danni quddiem il-Qorti.

Il-Kummissjoni tipprova ssib soluzzjonijiet bi qbil.

Il-Kummissjoni għar-Rifuġjati u l-Bord tal-Appelli dwar ir-Rifuġjati

Indirizz

Il-Kummissjoni Emigranti ta' Malta
Dar l-Emigrant,
Misraħ Kastilja,
Il-Belt Valletta
Malta

Il-Kummissjoni Emigranti hija għaqda mhux governattiva, bla qligħ u volontarja li kienet ġiet stabbilita biex tgħin u tħares lil nies fil-bżonn billi toffrilhom servizzi, pariri u ħarsien bla ħlas.

Is-servizzi tagħha jkopru lil dawk kollha affettwati mill-migrazzjoni inklużi l-immigranti, ir-rifuġjati u t-turisti.

Spjegazzjoni qasira tat-tip ta' talbiet li tittratta l-istituzzjoni

Ir-responsabilitajiet ewlenin tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifuġjati huma li jirċievi, jipproċessa u jiddeterminia l-applikazzjoni għal asil kif stipulat fl-Att dwar ir-Rifuġjati.  L-għan fundamentali tal-Uffiċċju huwa li jiżgura proċess ta' determinazzjoni tal-eliġibilità li jkun totalment indipendenti, ġust, effiċjenti u li ma jdumx filwaqt li jiggarantixxi l-aqwa kwalità possibbli rigward is-smigħ, l-analiżi u d-determinazzjoni tal-applikazzjonijiet.

Persuni li jfittxu asil li jkunu f'ċentri ta' akkomodazzjoni jistgħu jirreġistraw ruħhom hekk mal-Kummissarju għar-refuġjati billi jimlew formola magħrufa bħala Kwestjonarju Preliminari.  Din il-formola hija disponibbli għall-immigranti fiċ-ċentri magħluqa flimkien mal-informazzjoni rilevanti u li tingħatalhom rigward id-dritt tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali.

Il-Kwestjonarju Preliminari huwa disponibbli f'għadd ta' lingwi biex jgħinu lill-immigranti jimlew din il-formola.

Persunal mill-Uffċċju tal-Kummissarju għar-Rifuġjati jipprovdi informazzjoni lil ċittadini ta' pajjiżi terzi dwar il-proċedura tal-asil u jinformahom bi drittijiethom u dmirijiethom tul il-proċess kollu.  Persuni li jfittxu asil jiġu megħjuna wkoll minn interpreti pprovduti mill-uffiċċju biex jimlew il-Kwestjonarju Preliminari b'mod adegwat.

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li titressaq talba

Malli jirċievi l-formola ta' applikazzjoni formali għar-rikonoxximent ta' status ta' refuġjat, l-Uffiċċju jintervista lill-applikanti.  L-intervisti jsiru mill-persunal tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati bl-għajnuna, meta jkun hemm bżonn, tal-interpreti.

Min ifittex asil jiġi mfakkar bi drittijietu u dmirijietu skont il-liġi inkluż id-dritt li jikkonsulta lill-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-applikanti jiġu pprovduti bil-faċilitajiet u l-opportunitjiet neċessarji biex jippreżentaw il-każ tagħhom bis-sħiħ, isostnuh bit-testimonjanzi u d-dokumentazzjoni disponibbli u jagħtu spjegazzjonijiet adegwati għar-raġunijiet kollha mniżżla fl-applikazzjoni tagħhom.

Il-Kummissarju għar-Rifuġjati l-ewwel jeżamina jekk l-applikant ikunx jissodisfa l-kriterji biex jiġi rikonoxxut bħala rifuġjat skont il-liġi.  Fil-każ ta' dawk li jinstabu li mhumiex eliġibbli għal protezzjoni ta' rifuġjati, l-Uffiċċju jipproċedi b'eżami ulterjuri ta' jekk l-applikant jissodisfax il-kriterji għal Protezzjoni Sussidjarja skont il-liġi.

Spjegazzjoni qasira fiex jistgħu jirriżultaw il-proċedimenti

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għar-Refuġjati f'kull każ tingħata lill-Ministeru tal-Intern.  L-applikanti jingħataw kopja tar-rakkomandazzjoni, flimkien ma' memorandum kunfidenzjali bil-motivazzjoni li ssostni r-rakkomndazzjoni.  Fil-każ ta' rakkomandazzjoni negattiva, l-applikanti jkunu infurmati wkoll bid-dritt tagħhom li jappellaw kontra r-rakkomandazzjoni quddiem il-Bord tal-Appelli dwari ir-Refuġjati u bil-proċedura rilevanti li trid tiġi adottata f'dan ir-rigward.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifuġjati jista' jirrakkomanda żewġ tipi ta' protezzjoni jiġifieri Status ta' Rifuġjat u Protezzjoni Sussidjarja.

Jekk il-Kummissarju għar-Rifuġjati jiddeċiedi li l-kundizzjonijiet biex tiġi ddikjarata persuna li qed tfittex asil bħala refuġjata ma jkunux sodisfatti, huwa jkun jista' jirrakkomanda lill-Ministru li l-applikant jingħata protezzjoni sussidjarja.  Dan japplika għal min ma jirnexxilux jikseb asil li però jekk jitreġġa' lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jkun qed jiffaċċja riskju serju li jġarrab danni gravi.

Il-Kummissarju għandu jkompli jagħmel din ir-rakkomandazzjoni anke f'każijiet fejn ir-riskju serju li jiġġarrbu danni gravi jinqala' wara li tkun ittieħdet deċiżjoni li ma tingħatax protezzjoni sussidjarja.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati jista' jirrakkomanda wkoll lill-Ministeru tal-Intern, reġim ta' protezzjoni ieħor, jiġifieri Protezzjoni Umanitarja Temporanja.  Din hija proċedura amministrattiva li tingħata f'każijiet speċjali u straordinarji fejn l-applikanti ma jinstabux li jkunu eliġibbli għal rikonoxximent bħala refuġjati jew benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja imma li jkunu, madankollu, meqjusa li jeħtieġu protezzjoni minħabba raġunijiet umanitarji speċjali.

Oħrajn

Victim Support Malta

Indirizz

Victim Support Malta
Triq Dun Ġużepp Gonzi,
Ħal Tarxien TXN 1633
Malta

Spjegazzjoni qasira tat-tip ta' talbiet li tittratta l-istituzzjoni

Il-Victim Support Malta ġie stabbilit f'Ġunju 2004 u sar fondazzjoni uffiċjali f'Ġunju 2006.  L-organizzazzjoni tittratta ma' kull tip ta' vittmi tal-kriminalità mill-vjolenza domestika u l-fastidju sesswali sat-telf ta' qraba.

L-għanijiet tal-Victim Support Malta huma:

  • li tinġabar u tiġi ġestita informazzjoni proċedurali relatata mas-sistemi kriminali, penali u terapewtiċi,
  • li jibni netwerks ma' aġenziji relatati u b'hekk toffri lill-vittmi u lix-xhieda fil-qorti servizz ta' orjentament u ta' konsultazzjoni għal kif għandhom jittrattaw mas-sistemi msemmija fuq,
  • li tagħti pariri u timmonitorizza l-bżonnijiet tal-vittmi tal-kriminalità u tax-xhieda fil-Qorti
  • li tħeġġeġ u tgħin lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet biex jagħmlu studji professjonali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali u tal-kwistjonijiet relatati mal-kriminalità.

Spjegazzjoni qasira tal-proċedura wara li titressaq talba

Il-vittmi ta' kwalunkwe delitt kriminali li jikkuntattjaw lill-Victim Support Malta jiġu f'kuntatt mill-ewwel mal-Koordinatur.  Ladarba l-Koordinatur jiġi f'kuntatt ma' vittma ta' delitt kriminali, issir valutazzjoni inizjali malajr.  Dan sar biex il-Koordinatur jivvaluta s-severità tal-każ.  Normalment jittieħdu isem il-vittma flimkien man-numri ta' kuntatt tagħha għal referenza futura.

Wara din il-konverżazzjoni qasira, il-Koordinatur jgħaddi l-każ lil wieħed mill-voluntiera mħarrġa professjonalment.  Dawn huma membri tal-pubbliku li jkunu involuti f'xi erba' sa sitt ġimgħat ta' taħriġ iffukat għall-fini li jipprovdu informazzjoni u appoġġ għall-vittmi tal-kriminalità.

Il-volontarju li jiġi assenjat il-każ jikkuntattja lill-vittma tad-delitt malajr kemm jista' jkun u jiftiehem magħha biex issir laqgħa inizjali f'ħin konvenjenti għal kulħadd.  Fil-laqgħa, il-volontarju jiġbor biżżejjed informazzjoni mill-vittma sabiex ifassal pjan ta' azzjoni.  Il-vittma tintalab tiffirma formola ta' kunsens sabiex il-każ jitkompla.

Spjegazzjoni qasira fiex jistgħu jirriżultaw il-proċedimenti

Il-pjan ta' azzjoni preliminari mbagħad jiġi studjat mill-volontarju u l-Koordinatur u jiġi stabbilit pjan għal kif se jimxu minn hemm.  Il-vittma tiġi infurmata b'dan.  Minn hemm 'il quddiem. il-volontarju jibqa' f'kuntatt kostanti u regolari mal-vittma tul il-proċess kollu tal-irkupru tal-vittma mill-effetti tad-delitt li sar fuqha.

Dak kollu li tagħmel il-Victim Support Malta ikun taħt l-attenzjoni tad-Direttur li jimmonitorizza l-ħidmiet u r-riżultati.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna