1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?
Iva, il-proċedimenti tal-qorti jistgħu jinfetħu online permezz tal-pjattaforma tal-Ġustizzja Elettronika tal-Awstrija (Elektronischer Rechtsverkehr, ERV). Madankollu, din teħtieġ reġistrazzjoni ma’ wieħed mid-diversi punti ċentrali ta’ koordinament possibbli, li jgħaddu l-input lis-sistema ġudizzjarja. Ir-reġistrazzjoni mhijiex b’xejn. Hemm tariffa bażika ta’ madwar EUR 20.00 fix-xahar, kif ukoll tariffa ta’ madwar EUR 0.30 għal kull upload. Fl-Awstrija, ittra reġistrata tiswa madwar EUR 3.00.
Servizz ta’ upload b’xejn billi tintuża karta taċ-ċittadin (ID Austria) huwa disponibbli wkoll għas-sottomissjoni elettronika. Madankollu, għall-kuntrarju tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika, dan jipprovdi servizz f’direzzjoni waħda biss.
2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?
Il-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika tippermetti l-komunikazzjoni online bejn il-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi, minn naħa, u l-partijiet, min-naħa l-oħra, bl-istess mod hekk kif isir f’forma stampata. Tista’ tintuża għal kull tip ta’ proċedimenti. Ma hemm l-ebda proċediment li dejjem irid jinbeda online.
3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?
Is-servizz huwa disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?
Ir-raġunijiet għat-talba u d-data proċedurali kollha meħtieġa għat-talba jridu jiġu uploaded fi struttura XML predefinita (jew bħala PDF mehmuż ma’ din l-istruttura). Bl-istabbiliment tas-servizz ta’ ħżin ta’ data Justizbox f’nofs l-2023, issa huma appoġġati wkoll formats tal-fajls oħrajn (eż. għat-trażmissjoni ta’ fajls awdjo u vidjo).
5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?
It-trażmissjoni tad-data permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika ssir b’mod sigur permezz tal-protokoll https. Jintużaw ċertifikati sabiex jiġu awtentikati l-partijiet kollha involuti. Il-komunikazzjoni bejn is-servers hija bbażata fuq ċertifikati wkoll. Il-ħtieġa li l-utenti jirreġistraw ma’ punt ta’ aċċess (ara l-punt 1 aktar ’il fuq) tipprovdi sigurtà addizzjonali.
6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?
Ara l-punt 5 aktar ’il fuq (ċertifikati). Ma humiex meħtieġa firem elettroniċi. Servizz ta’ kronogramma ċentrali huwa disponibbli għall-entrati fir-reġistru tal-artijiet biss, u jikkonferma r-riċevuta ta’ sottomissjoni valida.
7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?
It-tariffi tal-qorti għall-uploads online jitħallsu b’debitu dirett. Bħala regola ġenerali, it-tariffi għall-bidu ta’ proċedimenti online huma l-istess bħal dawk għal proċedimenti mibdijin f’forma stampata. F’ċerti każijiet, hemm skont għas-sottomissjoni elettronika.
8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?
Ma hemm l-ebda differenza bejn varjanti online u offline. Ir-regoli tal-liġi tal-proċedura ċivili japplikaw bl-istess mod għall-proċedimenti mwettqin permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika. Anki jekk ma jkunux ġew ippreżentati online, it-talbiet jistgħu jiġu rtirati online.
9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?
Iva, jista’ jintuża l-internet għad-difiża ta’ talbiet, għall-preżentazzjoni ta’ appelli, eċċ. L-użu tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika ġeneralment ma huwiex obbligatorju; madankollu, l-avukati, in-nutara, il-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-fondi tas-sigurtà soċjali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Finanzjarju (Finanzprokuratur) u l-assoċjazzjonijiet tal-avukatura jridu jużaw il-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika.
L-esperti u l-interpreti huma meħtieġa jużaw il-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika f’ċerti kundizzjonijiet.
10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?
Ir-regoli tal-liġi tal-proċedura ċivili japplikaw bl-istess mod għall-proċedimenti mwettqin permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika.
11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?
Ir-regoli tal-liġi tal-proċedura ċivili japplikaw bl-istess mod għall-proċedimenti mwettqin permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika.
12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?
Iva, it-tipi kollha ta’ dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati lill-qrati permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika. Atti oriġinali jistgħu jiġu ppreżentati b’mod elettroniku wkoll fi proċedimenti tar-reġistru tal-artijiet u tar-reġistru tal-kumpaniji.
13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?
Iva, permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika.
14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?
Iva, permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika.
15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?
Iva, permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika.
16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?
Iva, permezz tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja Elettronika.
17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?
Iva, il-partijiet u r-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jispezzjonaw ir-reġistru tal-każijiet fil-proċedimenti ċivili u ta’ eżekuzzjoni kollha online permezz tal-punti ċentrali ta’ koordinament, iżda għall-każijiet tagħhom biss. Id-drittijiet ta’ spezzjoni jiġu vverifikati permezz ta’ kodiċi ta’ indirizz uniku allokat lil kull persuna bi drittijiet ta’ spezzjoni.