1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
Fil-Polonja, il-kawżi ċivili jiġu ttrattati mill-qrati ordinarji (sądy powszechne) u mill-Qorti Suprema (Sąd Najwyższy) (ara: Is-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri - Il-Polonja), sakemm ma jaqgħux taħt il-kompetenza ta’ qrati speċjalizzati.
Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati huma stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (KPĊ, Kodeks Postępowania Cywilnego), fl-Artikoli 16-18 u fl-Artikoli 27-46.
Fil-qrati distrettwali (sądy rejonowe), il-kawżi tad-dritt ċivili jiġu eżaminati mid-diviżjonijiet li ġejjin:
- Ċivili;
- Familja u Minorenni (qrati tal-familja, sądy rodzinne) – għal kawżi relatati mal-familja u mat-tutela; kawżi li jikkonċernaw il-korruzzjoni morali ta’ minorenni u atti punibbli mwettqin minnhom; kawżi li jikkonċernaw it-trattament ta’ persuni b’dipendenza fuq l-alkoħol, fuq id-droga jew fuq sustanzi psikotropiċi; kif ukoll kawżi li, f’konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra, jaqgħu fi ħdan il-kompetenza ta’ qorti tat-tutela;
- Xogħol u Sigurtà Soċjali (tribunali industrijali, sądy pracy) – għal kawżi dwar il-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali;
- Kummerċjali (qrati kummerċjali, sądy gospodarcze) għal kawżi dwar id-dritt kummerċjali u d-dritt ċivili bejn entitajiet tan-negozju, li jikkonċernaw l-attivitajiet tan-negozju tagħhom; kawżi li jikkonċernaw relazzjonijiet bejn kumpaniji jew ta’ sħubija; kawżi kontra membri ta’ bords maniġerjali ta’ kumpaniji, kawżi li jikkonċernaw talbiet li jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet foloz sottomessi minn membri tal-bords maniġerjali lir-Reġistru tal-Qrati Nazzjonali; kawżi kontra entitajiet tan-negozju, li jitolbu ordni li tesiġi li jwaqqfu ħsara lill-ambjent jew jikkumpensaw għall-ħsara li tirriżulta minnhom, u jipprojbixxu jew jirrestrinġu attivitajiet li jirrappreżentaw theddida għall-ambjent; kawżi li jikkonċernaw kuntratti għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u kuntratti marbutin mill-qrib mal-proċess ta’ kostruzzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni; kawżi li jikkonċernaw kuntratti ta’ lokazzjoni; kawżi kontra persuni responsabbli, kemm jekk bħala alternattiva jew in solidum, għad-dejn tal-entità tan-negozju skont l-operat tal-liġi jew att legali; kawżi bejn korpi ta’ intrapriżi tal-Istat; kawżi bejn intrapriża tal-Istat jew il-korpi regolatorji tagħha u l-korp kostitwenti jew superviżorju tagħha; kawżi dwar falliment u ristrutturar; kawżi għall-inkorporazzjoni ta’ klawżola ta’ eżegwibilità f’titolu eżegwibbli li jkun finali jew deċiżjoni tal-qorti kummerċjali immedjatament eżegwibbli jew ftehim konkluż quddiem dik il-qorti; kawżi għar-revoka ta’ klawżola ta’ eżegwibilità minn titolu eżegwibbli li jkun finali jew deċiżjoni tal-qorti kummerċjali immedjatament eżegwibbli jew ftehim konkluż quddiem dik il-qorti; u kawżi dwar falliment;
- Reġistru tal-Artijiet – sabiex iżomm ir-reġistri tal-artijiet u jittratta materji ċivili oħrajn relatati mal-proċedimenti tar-reġistru tal-artijiet.
Il-qrati reġjonali (sądy okręgowe) fil-Polonja għandhom diviżjonijiet korrispondenti, ħlief għad-diviżjonijiet tar-reġistru tal-artijiet u d-diviżjonijiet tal-familja u tal-minorenni. Il-qrati reġjonali fil-Polonja għandhom diviżjonijiet ċivili tal-familja kompetenti sabiex jisimgħu, b’mod partikolari, kawżi għad-divorzju, għas-separazzjoni legali u għat-terminazzjoni tas-separazzjoni legali, għall-annullament taż-żwieġ, għall-istabbiliment tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ, jew sabiex jiddikjaraw l-eżegwibilità tas-sentenzi ta’ qrati barranin f’kawżi tal-familja.
Il-Qorti Reġjonali f’Varsavja għandha d-diviżjoni addizzjonali li ġejja:
il-Qorti tal-Kompetizzjoni u tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów), li l-firxa tal-operat tagħha tinkludi s-smigħ ta’ kawżi li jirrigwardaw il-prevenzjoni ta’ prattiki monopolistiċi u kawżi regolatorji dwar l-enerġija.
Barra minn hekk, il-qrati reġjonali fi: Gdańsk, Katowice, Lublin, Poznań u Varsavja għandhom diviżjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali, li jisimgħu kawżi li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali (inklużi, fil-Qorti Reġjonali f’Varsavja, kawżi li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ trademarks tal-UE u disinji Komunitarji, kawżi li jikkonċernaw ksur, theddid, nuqqas ta’ ksur ta’ disinji u ta’ trademarks industrijali, kawżi li jikkonċernaw l-invalidità ta’ disinji Komunitarji, kawżi li jikkonċernaw l-iskadenza u l-invalidazzjoni ta’ trademarks, u kawżi li jikkonċernaw l-effetti ta’ ksur ta’ trademarks.
Barra minn hekk, fl-1 ta’ Jannar 2010, il-Qorti Distrettwali f’Lublin (bħalissa: il-Qorti Distrettwali ta’ Lublin-Zachód [tal-Punent ta’ Lublin]) ġiet assenjata bħala l-qorti kompetenti sabiex tisma’ kawżi li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qrati distrettwali oħrajn fi proċedura elettronika b’talba għall-ħlas.
2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
Bħala regola ġenerali, il-qrati distrettwali għandhom il-ġuriżdizzjoni f’kawżi ċivili fil-prim’istanza. Il-qrati distrettwali (sądy rejonowe) għandhom ġuriżdizzjoni fil-kawżi kollha ħlief għall-kawżi riżervati mil-liġi (l-Artikoli 16 u 507 tal-KPĊ) għall-qrati reġjonali.
Il-qrati reġjonali (sądy okręgowe) għandhom ġuriżdizzjoni fil-prim’istanza fuq il-kawżi elenkati fl-Artikolu 17 tal-KPĊ, jiġifieri:
- għal drittijiet mhux ta’ proprjetà u għal talbiet ta’ proprjetà mitlubin flimkien ma’ dawk id-drittijiet, ħlief għall-kawżi sabiex tiġi stabbilita jew ikkontestata l-filjazzjoni ta’ minorenni, kawżi għall-annullament ta’ rikonoxximent tal-paternità u għax-xoljiment tal-adozzjoni;
- għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, kif ukoll kawżi dwar invenzjonijiet, mudelli ta’ utilità, disinji industrijali, trademarks, indikazzjonijiet ġeografiċi u topografiji ta’ ċirkwiti integrati u kawżi għall-protezzjoni ta’ drittijiet oħrajn ta’ proprjetà intanġibbli;
- għal talbiet skont il-Liġi tal-Istampa;
- għad-drittijiet ta’ proprjetà meta l-valur tas-suġġett tat-tilwima jaqbeż il-100 000 zloty, ħlief għal kawżi dwar manteniment, kawżi għal ksur ta’ pussess, kawżi għall-istabbiliment tas-separazzjoni tal-proprjetà ta’ konjuġi, u kawżi eżaminati fi proċedura elettronika b’talba għall-ħlas;
- għall-ħruġ ta’ sentenza minflok riżoluzzjoni sabiex issir diviżjoni ta’ kooperattiva;
- għat-tħassir, għall-annullament jew għall-istabbiliment tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ riżoluzzjonijiet tal-korpi ta’ governanza ta’ entitajiet ġuridiċi jew ta’ unitajiet organizzazzjonali li ma humiex persuni ġuridiċi iżda li ngħataw personalità ġuridika bil-liġi;
- għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta;
- għall-kumpens minħabba ħsara kkawżata bil-ħruġ ta’ sentenza finali illegali;
- għal talbiet li jirriżultaw minn ksur tad-drittijiet mogħtijin permezz ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali.
Barra minn hekk, il-ġuriżdizzjoni tal-qrati reġjonali tkopri pereżempju:
- kawżi relatati ma’ inkapaċità;
- kawżi għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-operat ta’ intrapriżi tal-Istat: bejn il-bord tal-intrapriża u d-direttur tal-intrapriża, il-korpi regolatorji tal-intrapriża u l-korpi fundaturi tagħha, u bejn il-korpi regolatorji tagħha u l-korp li jeżerċita superviżjoni fuq l-intrapriża;
- għar-rikonoxximent tas-sentenzi ta’ qrati barranin u għad-dikjarazzjoni tagħhom bħala eżegwibbli (l-Artikolu 11481 u l-Artikolu 11511 tal-KPĊ).
F’kawżi dwar id-drittijiet ta’ proprjetà, ir-rikorrent huwa obbligat jispeċifika l-valur tas-suġġett tat-tilwima fid-dikjarazzjoni tat-talba, sakemm is-suġġett tat-tilwima ma jkunx ammont ta’ flus speċifikat.
F’kawżi li jirrigwardaw talbiet monetarji, anki jekk jitqajmu bħala alternattiva għal talba oħra, l-ammont ta’ flus speċifikat jikkostitwixxi l-valur tas-suġġett tat-tilwima.
F’kawżi ta’ proprjetà oħrajn, ir-rikorrent ikun obbligat jispeċifika l-valur tas-suġġett tat-tilwima billi jindika l-ammont ta’ flus fid-dikjarazzjoni tat-talba, f’konformità mal-Artikoli 20-24 tal-KPĊ.
2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?
Ara l-paragrafu 2.
2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)
Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Polonja jiddistingwi bejn it-tipi li ġejjin ta’ ġuriżdizzjoni tal-qrati: ġenerali (l-Artikoli 27-30), alternattiva (l-Artikoli 31-37) u esklużiva (l-Artikoli 38-42). Materji addizzjonali relatati mal-ġuriżdizzjoni ratione loci huma rregolati b’dispożizzjonijiet speċjali (l-Artikoli 43-46 tal-KPĊ).
Il-ġuriżdizzjoni ratione loci ġiet deskritta fid-dettall fil-paragrafi 2.2.1 sa 2.2.3.
2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali
Ġuriżdizzjoni ratione loci ġenerali
L-azzjonijiet iridu jitressqu quddiem il-qorti tal-prim’istanza li jkollha l-ġuriżdizzjoni ratione loci fuq id-domiċilju tal-intimat (l-Artikolu 27 tal-KPĊ).
F’konformità mal-Artikolu 25 tal-Kodiċi Ċivili, id-domiċilju ta’ persuna fiżika huwa r-raħal/belt fejn toqgħod din il-persuna bl-intenzjoni li toqgħod hemm fuq bażi permanenti. Jekk l-intimat ma jkunx residenti fil-Polonja, il-ġuriżdizzjoni ġenerali tiġi ddeterminata skont il-post tas-soġġorn tiegħu, jew meta dak il-post ma jkunx magħruf jew ikun barra mill-Polonja, l-azzjonijiet iridu jiġu ppreżentati skont l-aħħar domiċilju tal-intimat fil-Polonja.
L-azzjonijiet kontra t-Teżor tal-Istat iridu jiġu ppreżentati fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju rreġistrat tal-unità organizzazzjonali li lilha tkun tikkonċerna t-tilwima. Meta t-Teżor tal-Istat ikun rappreżentat mill-Avukat tal-Istat tar-Repubblika tal-Polonja (Prokuratoria Generalna Rzeczypospolitej Polskiej), l-azzjonijiet iridu jiġu ppreżentati fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tal-fergħa tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali responsabbli għall-unità organizzazzjonali li t-talba tkun tikkonċerna lilha.
L-azzjonijiet kontra persuni ġuridiċi oħrajn u entitajiet oħrajn li ma jkunux persuni fiżiċi għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tagħhom (l-Artikolu 30 tal-KPĊ).
2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika
Ara l-paragrafu 2.2.2.1.
2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?
Il-ġuriżdizzjoni ratione loci alternattiva tippermetti lir-rikorrent li jagħżel il-qorti f’ċertu kawżi. Imbagħad, ir-rikorrent ikun jista’ jippreżenta azzjoni quddiem il-qorti tal-ġuriżdizzjoni ġenerali jew quddiem qorti oħra speċifikata fl-Artikoli 32 sa 371 tal-KPĊ.
Il-ġuriżdizzjoni ratione loci alternattiva hija prevista fil-kawżi li ġejjin:
- għat-talbiet għal manteniment u sabiex tiġi stabbilita l-filjazzjoni ta’ minorenni u talbiet relatati – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tal-parti intitolata;
- għal talba ta’ proprjetà kontra entità tan-negozju – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-kwartieri ġenerali jew il-fergħa ta’ dik l-entità, jekk it-talba tkun marbuta mal-attivitajiet tal-kwartieri ġenerali jew tal-fergħa;
- l-azzjonijiet għall-konklużjoni ta’ ftehim, għall-istabbiliment tal-kontenut tiegħu, għall-emendar ta’ ftehim għalll-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ftehim, għall-eżekuzzjoni, għat-terminazzjoni jew għall-annullament ta’ ftehim, kif ukoll għat-talba għad-danni minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni kif suppost ta’ ftehim jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-eżekuzzjoni tal-ftehim; il-post tal-eżekuzzjoni tal-ftehim jitqies li jkun il-post tal-eżekuzzjoni tipiku ta’ tip partikolari ta’ ftehim, b’mod partikolari fil-każ ta’ dawn: (1) il-bejgħ ta’ beni mobbli – il-post fejn, skont il-ftehim, il-beni ġew ikkonsenjati jew misshom ġew ikkonsenjati; (2) il-forniment ta’ servizzi – il-post fejn, skont il-ftehim, is-servizzi ġew ipprovduti jew misshom ġew ipprovduti; jekk ikun hemm xi dubju, il-post tal-eżekuzzjoni tal-ftehim għandu jkun ikkonfermat b’dokument;
- għal talba għad-danni – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni ratione loci tagħha jkun seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu;
- azzjoni għall-protezzjoni ta’ drittijiet personali miksurin mill-media tal-massa tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza jew tal-uffiċċju reġistrat tar-rikorrent;
- għall-pagament ta’ ammont dovut għat-trattament ta’ kawża – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn ir-rappreżentant legali jkun ittratta l-kawża;
- għal talba taħt lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli (najem jew dzierżawa) – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn tkun tinstab il-proprjetà immobbli;
- kontra parti obbligata b’ċedola jew b’ċekk – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-pagament. Jistgħu jittieħdu passi legali kontra diversi partijiet obbligati b’ċedola jew b’ċekk f’daqqa quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-pagament jew quddiem il-qorti tal-ġuriżdizzjoni ġenerali għall-aċċettant jew għall-emittent taċ-ċedola jew taċ-ċekk;
- Azzjoni għal talba li tirriżulta minn tranżazzjoni bankarja kontra bank, entità organizzazzjonali oħra awtorizzata twettaq attivitajiet bankarji jew is-suċċessuri legali tagħhom tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju jew l-uffiċċju reġistrat tar-rikorrent. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal azzjonijiet kontra bank li jipprovdi ipoteka jew is-suċċessur legali tiegħu għal talba li tirriżulta mill-attivitajiet tal-bank relatati mal-forniment ta’ ipoteki;
- fir-rigward tal-liġi tax-xogħol – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni ratione loci tagħha jkun qiegħed jitwettaq, twettaq jew kellu jitwettaq ix-xogħol, jew quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni ratione loci tagħha jkun jinsab l-istabbiliment tal-impjieg (l-Artikolu 461(1) tal-KPĊ).
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?
Il-ġuriżdizzjoni esklużiva ta’ qorti tfisser li l-kawża tista’ tinstema’ biss mill-qorti speċifikata fil-Kodiċi. Il-ġuriżdizzjoni esklużiva hija prevista fil-każijiet li ġejjin:
- f’kawżi li jikkonċernaw is-sjieda jew drittijiet oħrajn in rem fuq proprjetà immobbli, kif ukoll dawk li jikkonċernaw il-pussess ta’ proprjetà immobbli; u talbiet skont l-Artikoli 231, 224-228 u 230 tal-Kodiċi Ċivili, sa fejn ikunu relatati mal-proprjetà immobbli: l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-proprjetà immobbli; jekk is-suġġett tat-tilwima jkun servitù tal-art, il-ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata skont il-post fejn tinsab il-proprjetà gravata; din il-ġuriżdizzjoni tinkludi talbiet personali relatati ma’ drittijiet in rem u ma’ drittijiet mitlubin b’mod konġunt ma’ dawk it-talbiet kontra l-istess intimat; Jekk il-partijiet jitolbu dan b’mod unanimu, il-qorti kompetenti tista’ tirrinvija l-kawża lil qorti ekwivalenti oħra, meta dan ikun ġustifikat minħabba raġunijiet ta’ rapidità;
- fir-rigward tas-suċċessjoni, sehem riżervat, kif ukoll legati, mandati jew dispożizzjonijiet testamentarji oħrajn – l-azzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati biss quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post tar-residenza abitwali tat-testatur, u jekk id-domiċilju tat-testatur fil-Polonja ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post tal-wirt jew parti minnu;
- fir-rigward tal-appartenenza f’kooperattiva, fi sħubija, f’kumpanija jew f’assoċjazzjoni – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat;
- fir-rigward ta’ relazzjoni taż-żwieġ – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss quddiem il-qorti li l-konjuġi kienu residenti l-aħħar fil-ġuriżdizzjoni ratione loci tagħha anki jekk wieħed minnhom ikun għadu domiċiljat jew residenti abitwali fi ħdan dik il-ġuriżdizzjoni. Fin-nuqqas ta’ bażi bħal din, il-qorti b’ġuriżdizzjoni esklużiva hija l-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tal-intimat u, fin-nuqqas ukoll ta’ dik il-bażi – il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tal-attur;
- fir-rigward ta’ relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied u bejn l-adottant u l-adottat – l-azzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq id-domiċilju tar-rikorrent, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm raġunijiet sabiex tiġi ppreżentata azzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-ġuriżdizzjoni ġenerali.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?
Ġuriżdizzjoni speċjali tfisser li l-ġuriżdizzjoni tal-qorti tista’ tiġi ddefinita b’modi differenti f’kawżi speċifikati f’leġiżlazzjoni speċjali:
- id-dritt tal-għażla tal-qorti ngħata lir-rikorrent;
- jekk tkun ġustifikata l-ġuriżdizzjoni ta’ diversi qrati jew jekk l-azzjoni tiġi ppreżentata kontra diversi partijiet li għalihom ikunu kompetenti diversi qrati skont il-leġiżlazzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni ġenerali. L-istess japplika jekk il-proprjetà immobbli li l-post tagħha jkun il-bażi sabiex tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni tal-qorti tkun f’żoni ta’ ġuriżdizzjoni ta’ diversi qrati;
- id-dritt tal-għażla tal-qorti ngħata liż-żewġ partijiet fuq il-bażi ta’ ftehim jew ta’ talba unanima;
- il-partijiet jistgħu jaqblu bil-miktub li jippreżentaw tilwima diġà eżistenti, jew kwalunkwe tilwima li tista’ tinqala’ fil-ġejjieni minn relazzjoni legali speċifikata, quddiem qorti tal-prim’istanza li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni ratione loci skont il-liġi. Imbagħad, dik il-qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor jew sakemm ir-rikorrent ma jkunx ippreżenta dikjarazzjoni ta’ talba fi proċedura elettronika permezz ta’ talba għall-ħlas (elektroniczne postępowanie upominawcze, EPU). Il-partijiet jistgħu jillimitaw ukoll, permezz ta’ ftehim bil-miktub, id-dritt tar-rikorrent li jagħżel minn fost diversi qrati kompetenti għal tilwimiet bħal dawn;
- madankollu, il-partijiet ma jistgħux ibiddlu l-ġuriżdizzjoni esklużiva;
- il-ftehimiet dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati jridu jkunu bil-miktub, u jistgħu jagħmlu parti minn ftehim dwar il-liġi sostantiva (klawżola ta’ ġuriżdizzjoni) jew jikkostitwixxu ftehim separat;
- f’kawżi dwar il-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali, il-qorti kompetenti tista’, fuq talba unanima tal-partijiet, tirrinvija l-kawża għas-smigħ lil qorti oħra ekwivalenti li tittratta materji tal-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, meta dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ ħeffa;
- il-qorti kompetenti tiġi assenjata mill-qorti superjuri jew mill-Qorti Suprema;
- jekk il-qorti kompetenti ma tkunx tista’ tisma’ l-kawża jew twettaq azzjoni oħra minħabba ostaklu, il-qorti superjuri tassenja qorti oħra. Ir-raġuni għal tali assenjazzjoni tista’ tkun biss ostaklu li jimpedixxi l-kawża milli tinstema’, eż. l-esklużjoni ta’ mħallef jew forza maġġuri;
- il-Qorti Suprema tista’ tirrinvija l-kawża lil qorti oħra ekwivalenti għall-qorti rikjedenti jekk l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk, b’mod partikolari minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-qorti titqies bħala korp imparzjali fil-perċezzjoni tal-pubbliku. Ir-rinviju tal-kawża jista’ jintalab mill-qorti kompetenti.
- jekk it-Teżor tal-Istat ikun parti għall-proċedimenti, u l-unità organizzazzjonali tal-Istat li l-attivitajiet tagħha jwasslu għat-talba tkun il-qorti: (1) kompetenti sabiex tisma’ l-kawża, allura dik il-qorti trid, ex officio, tissottometti l-atti tal-kawża lill-qorti superjuri, li trid tirrinvija l-kawża lil qorti oħra ekwivalenti għal dik il-qorti tar-rinviju; (2) superjuri għall-qorti kompetenti sabiex tisma’ l-kawża, allura l-qorti kompetenti sabiex tisma’ l-kawża trid, ex officio, tissottometti l-atti tal-kawża lill-qorti superjuri, li trid tirrinvija l-kawża lil qorti oħra ekwivalenti għall-qorti tar-rinviju li tinsab barra mill-ġuriżdizzjoni tal-qorti tar-rinviju;
- Il-Qorti Suprema hija obbligata taħtar il-qorti li quddiemha għandha titressaq l-azzjoni jekk il-ġuriżdizzjoni ratione loci ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata f’konformità mal-Kodiċi fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-kawża (l-Artikolu 45 tal-KPĊ).
3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
Il-qrati speċjalizzati huma l-qrati amministrattivi (sądy administracyjne) u l-qrati militari (sądy wojskowe).
L-operat tal-qrati militari huwa rregolat mill-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Militari (Prawo o ustroju sądów wojskowych) tal-21 ta’ Awwissu 1997. Ġeneralment, dawn il-qrati jeżaminaw kawżi kriminali fil-Forzi Armati Pollakki. Kawżi oħrajn jistgħu jiġu rrinvjati għall-ġuriżdizzjoni tagħhom esklużivament permezz ta’ Att.
L-operat tal-qrati amministrattivi huwa rregolat mill-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi (Prawo o ustroju sądów administracyjnych) tal-25 ta’ Lulju 2002. Il-qrati amministrattivi jamministraw il-ġustizzja billi jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll billi jsolvu tilwim dwar il-kompetenza u tilwim dwar il-ġuriżdizzjoni bejn l-awtoritajiet tal-gvern lokali u l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni tal-gvern. Ma jistax jiġi eskluż li, f’każijiet eċċezzjonali, qorti amministrattiva, bħala parti mid-dmirijiet superviżorji tagħha fir-rigward tal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika, tista’ tiddeċiedi f’kawża ċivili.