Skip to main content

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Flag of Austria
Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Fil-kawżi ċivili, il-ġuriżdizzjoni bħala regola tiġi eżerċitata fil-prim’istanza mill-Qrati Distrettwali (Bezirksgerichte) u l-Qrati Reġjonali (Landesgerichte). Barra Vjenna, il-Qrati Distrettwali u l-Qrati Reġjonali jisimgħu wkoll kawżi kummerċjali. Barra minn hekk, il-Qrati Reġjonali jisimgħu kawżi li jinvolvu l-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali. Vjenna biss għandha Qorti Distrettwali separata għall-Materji Kummerċjali (Bezirksgericht fûr Handelssachen), Qorti Kummerċjali separata (Handelsgericht) u Qorti tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali separata (Arbeits- und Sozialgericht).

L-iskeda informattiva dwar is-“Sistemi ġudizzjarji” turi kif il-ġuriżdizzjoni materjali hija maqsuma bejn il-Qrati Distrettwali u dawk Reġjonali, u bejn il-qrati li jisimgħu kawżi li jinvolvu materji kummerċjali u l-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Fil-kawżi ċivili l-qorti ta’ ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata essenzjalment min-natura tat-tilwima u, għall-materji kollha mhux assenjati b’dan il-mod lill-qrati Distrettwali jew Reġjonali, tiġi ddeterminata mill-ammont tat-tilwima. Il-ġuriżdizzjoni ratione materiae (Eigenzuständigkeit) dejjem tieħu preċedenza fuq il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq l-ammont tat-tilwima (Wertzuständigkeit).

Il-Qrati Distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni ratione materiae, pereżempju fil-biċċa l-kbira tat-tilwim li jinvolvi l-liġi tal-familja jew tilwim dwar lokazzjoni. Il-Qrati Reġjonali għandhom ġuriżdizzjoni ratione materiae, pereżempju fit-tilwim skont l-Att dwar ir-Responsabbiltà Atomika (Atomhaftpflichtgesetz), l-Att dwar ir-Responsabbiltà Pubblika (Amtshaftungsgesetz), l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (Datenschutzgesetz) u l-liġi dwar il-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-awtur. Il-Qrati Distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni bbażata fuq l-ammont tat-tilwima f’kawżi fejn dak l-ammont ikun sa EUR 15,000, il-Qrati Reġjonali għandhom ġuriżdizzjoni bbażata fuq l-ammont fit-tilwima meta dak l-ammont ikun ogħla minn EUR 15,000.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Kulħadd għandu post ordinarju ta’ ġuriżdizzjoni (allgemeiner Gerichtsstand) ibbażat fuq ir-relazzjoni personali tiegħu ma’ distrett ta’ qorti. Bħala regola, ir-rikorsi jitressqu fil-post ordinarju ta’ ġuriżdizzjoni tal-intimat. Il-post ordinarju ta’ ġuriżdizzjoni ta’ persuna fiżika normalment jiddependi mill-post tal-indirizz legali tagħha (Wohnsitz) jew tar-residenza abitwali tagħha (gewöhnlicher Aufenthalt); persuna jista’ jkollha iktar minn post ordinarju wieħed ta’ ġuriżdizzjoni. Il-post ordinarju ta’ ġuriżdizzjoni ta’ entità legali normalment jiddependi mill-post tas-sede tagħha.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

F’xi każijiet, il-kawżi jistgħu jitressqu jew fil-post ordinarju ta’ ġuriżdizzjoni tal-intimat jew quddiem qorti oħra tal-għażla tiegħu jew “forum elettiv” (Wahlgerichtsstand). Għall-proċedimenti ċivili biss, il-liġi Awstrijaka dwar il-ġuriżdizzjoni tirrikonoxxi aktar minn 20 forum elettiv differenti biex jittrattaw obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali f’sitwazzjonijiet differenti, u diversi talbiet taħt il-liġi dwar il-proprjetà u fora elettivi oħrajn ta’ tip proċedurali. Pereżempju, tista’ tkun il-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu, jew tal-post imsemmi fuq fattura, il-qorti tal-post fejn jinsab is-suġġett tat-tilwima (forum rei sitae), il-qorti tal-post fejn seħħ id-dannu, jew il-qorti fejn tiġi ppreżentata kontrotalba. Ir-regoli tal-forum jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu taħt il-liġi Ewropea jew il-liġi nazzjonali ta’ Stati Membri oħra.

Pereżempju, il-liġi Awstrijaka tipprevedi dawn il-fora ta’ ġuriżdizzjoni għal dawn it-talbiet:

Għal talbiet kuntrattwali (għajr kuntratti ta’ impjieg): kawżi biex jiġi stabbilit jekk kuntratt jeżistix jew le, kawżi għall-eżekuzzjoni jew għat-tħassir ta’ kuntratt u talbiet għad-danni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni mhux xierqa ta’ kuntratt jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tal-post fejn, skont it-termini tal-ftehim bejn il-partijiet, l-intimat għandu jeżegwixxi l-kuntratt. Il-ftehim irid jiġi ppruvat b’evidenza dokumentarja.

Għal talbiet ta’ manteniment: ara l-iskeda informattiva dwar it-“Talbiet għall-Manteniment – L-Awstrija”.

Għat-talbiet għad-danni: tilwim għal kumpens għad-danni għal mewt jew korrimenti ta’ persuna waħda jew aktar, għal priġunerija falza, jew għal ħsara lil proprjetà tanġibbli, jista’ jitressaq ukoll quddiem il-qorti li fid-distrett tagħha jkun seħħ l-aġir li kkawża d-dannu. Barra minn hekk, talba għad-danni kkawżati minn reat kriminali tista’ tiġi ppreżentata wkoll flimkien mal-proċedimenti kriminali mressqa kontra l-awtur tar-reat.

Għar-rikorsi għal divorzju: ara l-iskeda informattiva dwar “Id-Divorzju – l-Awstrija”.

Għar-rikorsi għall-kustodja: ara l-iskeda informattiva dwar “Ir-responsabbiltà tal-ġenituri – l-Awstrija”.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

F’xi każijiet, ikun hemm post partikolari ta’ ġuriżdizzjoni fejn trid tiġi ppreżentata l-kawża, li jeskludi kemm il-post ordinarju ta’ ġuriżdizzjoni, kif ukoll kwalunkwe forum elettiv. Dan il-post jissejjaħ “post ta’ ġuriżdizzjoni esklużiv” (ausschließlicher Gerichtsstand). Post esklużiv ta’ ġuriżdizzjoni li ma jistax jinbidel, anke bi ftehim bejn il-partijiet, huwa “post ta’ ġuriżdizzjoni obbligatorju” (Zwangsgerichtsstand). Post ta’ ġuriżdizzjoni obbligatorju jrid ikun previst f’regola speċifika. Il-postijiet ta’ ġuriżdizzjoni esklużivi jeżistu prinċipalment (iżda mhux biss) fil-liġi dwar iż-żwieġ jew tal-familja. Eżempji ta’ postijiet ta’ ġuriżdizzjoni esklużivi huma l-postijiet ta’ ġuriżdizzjoni għat-tilwim bejn il-konjuġi jew is-sħab reġistrati jew għat-tilwim f’materji ta’ wirt. Eżempji ta’ postijiet ta’ ġuriżdizzjoni obbligatorji huma l-postijiet ta’ ġuriżdizzjoni għat-tilwim li jirriżulta minn bonds jew mill-affarijiet ta’ assoċjazzjoni. Ir-regoli tal-forum jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu taħt il-liġi Ewropea jew il-liġi nazzjonali ta’ Stati Membri oħra.

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Sakemm ma jkunx hemm post obbligatorju ta’ ġuriżdizzjoni (ara l-punt 2.2.2.2 iktar’ il fuq), il-partijiet jistgħu jaqblu espressament li jressqu t-tilwim quddiem qorti waħda jew aktar tal-prim’istanza f’postijiet imsemmija, jew li jeskludu qrati li altrimenti jkollhom ġuriżdizzjoni. Il-ftehim irid jirreferi jew għal tilwima partikolari jew għal tilwim li jirriżulta minn tilwima jew relazzjoni legali partikolari. Ma hemm l-ebda rekwiżit dwar il-forma ta’ ftehimiet ta’ ġuriżdizzjoni; madankollu, irid ikun possibbli li l-ftehim jiġi ppruvat b’evidenza dokumentarja jekk dan jiġi kkontestat matul il-proċedimenti.

Dan jippermetti lill-partijiet ibiddlu l-ġuriżdizzjoni legali (abbażi tas-suġġett jew tal-post) li altrimenti tkun tapplika. Tali ftehim jista’ jsir qabel jibdew il-proċedimenti jew malli jibdew il-proċedimenti. Meta qorti tal-prim’istanza jkollha ġuriżdizzjoni abbażi tal-ammont inkwistjoni, jista’ jsir ftehim bejn il-qorti tal-prim’istanza u l-Qorti Distrettwali kif ukoll bejn il-qorti ordinarja u l-qorti kummerċjali għat-trasferiment tal-ġuriżdizzjoni materjali.

Il-ġuriżdizzjoni territorjali tista’ tinbidel, sakemm dan ma jkunx eskluż espressament. Ikun hemm post obbligatorju ta’ ġuriżdizzjoni jekk il-liġi tiddikjara li l-ġuriżdizzjoni ma tistax tinbidel. Pereżempju, il-ġuriżdizzjoni territorjali ma tistax tinbidel, jew tista’ tinbidel biss sa ċertu punt, meta l-ġuriżdizzjoni tkun iddeterminata skont l-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur (KSchG), l-Artikolu 83a jew l-Artikolu 83b tar-Regoli dwar il-Ġuriżdizzjoni (JN), l-Artikolu 532 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ZPO), l-Artikolu 9 tal-Att dwar ix-Xogħol u l-Qrati Soċjali (ASGG), l-Artikolu 51 tar-Regolamenti dwar il-Kumpens tal-Introjtu (EO) jew l-Artikolu 253 tal-Kodiċi dwar il-Falliment (IO).

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Vjenna biss għandha qrati ċivili speċjalizzati għal kawżi kummerċjali, jiġifieri l-Qorti Distrettwali għall-Materji Kummerċjali u l-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, u qorti ċivili speċjalizzata għal kawżi li jinvolvu x-xogħol u s-sigurtà soċjali, jiġifieri l-Qorti Soċjali u tax-Xogħol ta’ Vjenna. Fid-distretti l-oħrajn kollha, il-kawżi kummerċjali u l-kawżi li jinvolvu l-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali jinstemgħu fil-qrati ordinarji. Il-ġuriżdizzjoni territorjali fil-kawżi kummerċjali u kawżi li jinvolvu l-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali ġeneralment hija rregolata mir-regoli ordinarji tal-proċedura ċivili. Madankollu, speċjalment f’kawżi li jinvolvu l-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, l-Att dwar ix-Xogħol u l-Qrati Soċjali jipprevedi diversi fora elettivi u postijiet ta’ ġuriżdizzjoni esklużivi (l-Artikolu 4 et seq. tal-ASGG).

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna