Skip to main content

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Flag of Sweden
Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

It-tilwim taħt il-liġi ċivili normalment jinstemgħu minn qorti ġenerali (allmän domstol). L-azzjoni trid titressaq quddiem qorti distrettwali (tingsrätt) li jkollha ġuriżdizzjoni.

It-Tribunal Industrijali (arbetsdomstol) huwa l-unika qorti speċjalizzata fl-Iżvezja li tisma’ tilwim taħt il-liġi ċivili. Hemm ukoll ċerti qrati distrettwali li jisimgħu tipi ta’ kawżi speċifiċi. Informazzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni ta’ dawn il-qrati tista’ tinstab fil-Mistoqsija 3 hawn taħt.

Aktar informazzjoni dwar il-qrati ġenerali tista’ tinstab hawnhekk, u dwar il-qrati speċjali hawnhekk.

Xi tilwim taħt il-liġi ċivili jista’ jinstema’ minn korpi li ma humiex qrati attwali. Permezz ta’ proċedura simplifikata fil-kuntest ta’ proċeduri sommarji, l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni Żvediża (Kronofogdemyndigheten) tista’ teżiġi li parti tagħmel ħlas jew tieħu passi oħrajn. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità jistgħu jiġu kkontestati quddiem qorti distrettwali. Ċerti tipi ta’ tilwim li jinvolvu kera jew lokazzjonijiet jinstemgħu mit-tribunali tal-kera (hyresnämnder) jew it-tribunali dwar il-kiri (arrendenämnder).

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Prattikament il-kawżi ċivili kollha l-ewwel jitressqu quddiem l-aktar qorti inferjuri, il-qorti distrettwali.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Bħala regola ġenerali, kawża trid titressaq fejn ikun residenti l-intimat. Il-persuni fiżiċi jitqiesu li jirrisjedu fejn ikunu rreġistrati fir-reġistru tal-popolazzjoni. L-Aġenzija Żvediża dwar it-Taxxa (Skatteverket) tista’ tipprovdi informazzjoni dwar fejn hija rreġistrata persuna (tel.: +46 (0)8 56 48 51 60). L-entitajiet ġuridiċi normalment jitqiesu li huma residenti fil-post fejn ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom.

Huwa possibbli wkoll li kawża titressaq quddiem qorti Żvediża anke jekk il-persuna ma tkunx tgħix fl-Iżvezja. Jekk l-intimat ma jkollu l-ebda post ta’ residenza, il-kawża tista’ titressaq fil-post fejn il-persuna tkun qiegħda tgħix attwalment jew, f’ċerti każijiet, fejn il-persuna għexet jew qagħdet l-aħħar. F’ċertu tilwim ċivili, kawża tista’ titressaq fl-Iżvezja anke jekk l-intimat ikun jgħix barra l-pajjiż. Jekk ikollu proprjetà fl-Iżvezja jew ikun daħal fi ftehim fl-Iżvezja, dan ikun ta’ importanza kruċjali għall-bażi tal-ġuriżdizzjoni.

Fil-kawżi internazzjonali huwa importanti li jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet Żvediżi dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati jistgħu japplikaw biss fejn ikun hemm ġuriżdizzjoni Żvediża. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ikun hemm ġuriżdizzjoni Żvediża jekk qorti Svediża jkollha ġuriżdizzjoni skont id-dispożizzjonijet nazzjonali dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati. F’dan il-kuntest huwa meħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat kwalunkwe ftehim internazzjonali li jista’ japplika. L-aktar importanti minn dawn għall-Iżvezja huma r-Regolament Brussell I, il-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Konvenzjoni ta’ Lugano, li kollha kemm huma jirregolaw il-ġuriżdizzjoni tal-qrati jekk l-intimat ikun residenti fi Stat kopert mir-Regolament jew mill-Konvenzjonijiet. B’mod partikolari, dawn jiddikjaraw ukoll li l-bażi għall-ġuriżdizzjoni li permezz tagħha tista’ titressaq azzjoni għar-responsabbiltà ta’ ħlas fil-post fejn ikollu proprjetà l-intimat ma tridx tiġi applikata għal persuna li hija residenti fi Stat Membru jew fi Stat li jkun parti għall-Konvenzjoni.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni li permezz tagħhom kawża tista’ titressaq ukoll quddiem qorti li ma tkunx il-qorti tal-post fejn jgħix l-intimat. Hemm ukoll regoli dwar ġuriżdizzjoni kunfliġġenti f’diversi ftehimiet internazzjonali, bħar-Regolament Brussell I u l-Konvenzjonijiet ta’ Brussell u ta’ Lugano.

Dawn huma l-aktar regoli Żvediżi importanti dwar il-ġuriżdizzjoni kunfliġġenti:

  • Kull min sofra dannu jista’ jiftaħ kawża fil-post fejn seħħ l-att dannuż jew fejn sar id-dannu. Fil-prinċipju, din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-każ ta’ ksur ta’ kuntratt. Azzjoni għad-danni b’riżultat ta’ att kriminali tista’ titressaq b’rabta mal-prosekuzzjoni għar-reat.
  • Il-konsumaturi jistgħu jiftħu kawża kontra negozjant quddiem il-qorti tagħhom f’kawżi tal-konsumatur li jinvolvu ammonti żgħar.
  • Il-kawżi li jinvolvu responsabbiltà ta’ ħlas skont kuntratt jistgħu f’xi każijiet jitressqu fil-post fejn sar il-kuntratt. Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda dispożizzjoni fil-liġi Żvediża li tagħti ġuriżdizzjoni lill-qorti tal-post fejn irid jiġi eżegwit il-kuntratt.
  • Kawża kontra negozjant li tinvolvi tilwima li seħħet b’rabta ma’ attività ta’ negozju tista’ f’xi każijiet titressaq fil-post tan-negozju.
  • Azzjonijiet dwar il-kustodja tal-ulied, fejn se jgħixu u d-drittijiet għall-aċċess normalment jinstemgħu fil-post fejn ikun residenti l-wild (jekk jogħġbok ara wkoll it-taqsima dwar ir-Responsabbiltà tal-ġenituri – l-Iżvezja).
  • Il-kawżi li jinvolvu l-manteniment għall-ulied normalment jitressqu quddiem il-qorti fejn ikun residenti l-intimat, iżda l-kawżi dwar il-paternità, il-kawżi matrimonjali u l-kawżi li jinvolvu r-responsabbiltà tal-ġenituri (il-kustodja tal-ulied u fejn se jgħixu) jistgħu jinstemgħu wkoll minn qorti oħra.
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Il-liġi Żvediża fiha numru ta’ regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklużiva li permezz tagħhom il-kawża trid titressaq quddiem qorti partikolari. Hemm ukoll regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklużiva f’diversi ftehimiet internazzjonali, bħar-Regolament Brussell I u l-Konvenzjonijiet ta’ Brussell u ta’ Lugano. Jekk kawża li tkun koperta minn xi waħda minn dawn ir-regoli titressaq quddiem qorti oħra għajr dik li jkollha ġuriżdizzjoni esklużiva, dik il-qorti ma titħallhiex tisma’ l-kawża.

Dawn huma l-aktar regoli Żvediżi importanti dwar il-ġuriżdizzjoni esklużiva:

  • Il-biċċa l-kbira tat-tilwim dwar il-proprjetà jrid jinstema’ mill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà.
  • Xi tilwim li jinvolvi l-proprjetà jrid jinstema’ minn tribunal tal-artijiet u tal-ambjent (mark- och miljödomstol) jew minn tribunal tal-kera jew tal-kiri. Hawnhekk ukoll, fejn tinsab il-proprjetà huwa deċiżiv.
  • Il-kawżi li jinvolvu l-liġi tas-suċċessjoni jridu jinstemgħu mill-qorti tal-post fejn kienet tgħix il-persuna deċeduta.
  • It-tilwim li jikkonċerna ż-żwieġ u d-diviżjoni tal-proprjetà bejn il-konjuġi jrid jinstema’ mill-qorti tal-post fejn tgħix waħda mill-partijiet.
  • Meta tilwima trid tinstema’ mit-Tribunal Industrijali, il-kawża ma tistax titressaq quddiem il-qorti ġenerali fil-post ta’ residenza tal-intimat.
  • Għal tilwim relatat mal-liġi tal-kompetizzjoni, il-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni, il-liġi ambjentali, il-liġi marittima u l-liġi tal-proprjetà intellettwali, ħafna drabi jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprovdu li qorti waħda biss ikollha l-ġuriżdizzjoni.
  • Il-Qorti tal-Appell Svea (Svea hovrätt) għandha ġuriżdizzjoni esklużiva biex tisma’ ċerti rikorsi għall- eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet barranin.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Il-partijiet jistgħu jaqblu li tilwima tista’ jew trid tinstema’ minn ċerta qorti. Dan huwa magħruf bħala ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni. Tali ftehim irid isir bil-miktub. Il-ftehim jista’ jfisser li qorti waħda għandha ġuriżdizzjoni esklużiva. Huwa possibbli wkoll li l-partijiet jaqblu li jkollha ġuriżdizzjoni qorti għajr dik prevista bir-regoli normali. Il-partijiet jistgħu wkoll jassenjaw il-ġuriżdizzjoni lil aktar minn qorti waħda.

Fil-prinċipju, il-qorti magħżula mill-partijiet biex ikollha ġuriżdizzjoni għandha taċċetta l-kawża mressqa quddiemha. Madankollu, dan ma japplikax jekk il-ftehim jikser xi waħda mir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni esklużiva. Jekk waħda mill-partijiet tasserixxi li l-ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni ma huwiex validu, il-qorti jeħtiġilha teżamina wkoll dik l-asserzjoni, b’riżultat li jista’ ma jkollhiex il-ġuriżdizzjoni.

Qorti li altrimenti ma jkollhiex ġuriżdizzjoni tikseb ġuriżdizzjoni jekk l-intimat ma joġġezzjonax li l-kawża qiegħda tinstema’ mill-qorti l-ħażina (dan huwa magħruf bħala “proroga taċita”). Madankollu, dan ma japplikax jekk ikun hemm regoli esklużivi dwar il-ġuriżdizzjoni, li l-qorti jeħtiġilha teżamina minn jeddha. Madankollu, il-qorti ma teżaminax awtomatikament il-kwistjoni dwar jekk il-kawża hijiex tinġieb bi ksur tar-regola prinċipali, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni kunfliġġenti jew ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni. Kwalunkwe oġġezzjoni li qorti ma għandhiex ġuriżdizzjoni trid issir l-ewwel darba li l-partijiet jesprimu ruħhom fil-kawża. Madankollu, jekk l-intimat ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni u l-qorti jkollha tagħti sentenza fil-kontumaċja, il-qorti jeħtiġilha teżamina l-kwistjoni dwar jekk għandhiex ġuriżdizzjoni.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Fl-Iżvezja, hemm biss qorti speċjalizzata waħda li tisma’ t-tilwim ta’ natura ċivili, li hija t-Tribunal Industrijali. It-Tribunal Industrijali jisma’ t-tilwim industrijali, jiġifieri it-tilwim dwar ir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegat.

Hemm ukoll ċerti qrati distrettwali li jistgħu jisimgħu tipi speċifiċi ta’ kawżi ċivili. Ħames qrati distrettwali għandhom ukoll funzjoni ta’ tribunali tal-artijiet u tal-ambjent (mark- och miljödomstolar). Dawn jisimgħu kawżi skont il-Kodiċi Ambjentali (miljöbalken) u kawżi li jikkonċernaw l-esproprjazzjoni u l-formazzjoni tal-proprjetà. Il-kwistjonijiet marittimi jinstemgħu minn seba’ qrati distrettwali li huma wkoll qrati marittimi (sjörättsdomstolar). Id-diviżjoni tal-Qorti tal-Privattivi u s-Suq (patent- och marknadsdomstolen) tal-Qorti Distrettwali ta’ Stokkolma (Stockholms tingsrätt) għandha ġuriżdizzjoni esklużiva biex tisma’ kawżi dwar il-liġi tal-proprjetà intellettwali, il-kompetizzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna