Skip to main content

Bejgħ fl-irkant bil-qorti

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
Litwanja
Flag of Lithuania

1. Reklamar u iffissar tal-prezz tal-assi maqbuda

L-assi tad-debitur jinqabdu u l-bejgħ ġudizzjarju jsir minn uffiċjal ġudizzjarju.

Wara li jissekwestra l-assi tad-debitur, l-uffiċjal ġudizzjarju jivvalutahom bil-prezz tas-suq, filwaqt li jqis id-deprezzament u l-fehmiet tar-rikorrent u tad-debitur preżenti fil-mument tal-qbid. Jekk id-debitur jew ir-rikorrent joġġezzjona għall-valutazzjoni mill-uffiċjal ġudizzjarju jew jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jkollu dubji dwar il-valur tal-assi, l-uffiċjal ġudizzjarju jikseb opinjoni esperta biex jiddetermina l-valur tal-assi.

L-assi immobbli tad-debitur u assi oħra rreġistrati f'konformità mal-proċedura stabbilita bil-liġi b’valur ogħla minn EUR 2 000, kif ukoll assi mobbli oħra b’valur unitarju akbar minn EUR 30 000, jiġu likwidati permezz ta’ subbasta. Tipi oħra ta’ assi jistgħu jinbiegħu wkoll f’subbasta jew minn kumpaniji kummerċjali. Titoli kkwotati fil-borża jinbiegħu f'konformità mal-proċedura stabbilita fir-regoli tal-borża fir-rigward tal-parteċipazzjoni azzjonarja.

Sakemm il-subbasta tkun ġiet irreklamata, id-debitur jista’ huwa stess isib xerrej għall-assi maqbuda, f’liema każ il-subbasta ma ssirx.

Jekk id-debitur ma jipproponix xerrej, l-uffiċjal ġudizzjarju jirreklama s-subbasta tal-assi li jappartjenu lid-debitur. Il-subbasta tiġi rreklamata u ssir fuq sit web apposta ġestit mill-amministratur tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (Antstolių informacinė sistema). L-avviż tal-irkant jagħti d-dettalji tas-sid tal-assi u tal-uffiċjal ġudizzjarju li jorganizza l-irkant, il-post fejn jinsabu l-assi, b’deskrizzjoni qasira u ritratti (ħlief fil-każ tal-bejgħ ta’ assi intanġibbli), il-prezz tal-bidu, it-tariffa tal-offerent, kwalunkwe restrizzjoni fuq is-sjieda tal-assi li qed jinbiegħu u ż-żmien li fih jintemm l-irkant. Jekk l-assi immobbli jkunu qed jinbiegħu, jintwera wkoll avviż fuq l-assi immobbli nfushom, fejn possibbli.

Il-prezz tal-bidu ta’ assi li jkun qed jinbiegħ fl-irkantjikkorrispondi għal 80 % tal-valur tiegħu. Persuni li jixtiequ jieħdu sehem f’subbasta jridu jirreġistraw fuq is-sit web li fuqu se jsir l-irkant u jħallsu t-tariffa tal-offerent, li hija ugwali għal 10 % tal-prezz inizjali tal-assi li jkun qed jinbiegħ. L-assi jinbiegħ lill-offerent li jissottometti l-ogħla offerta sa tmiem l-irkant. L-offerenti li ma jintgħażlux jiġu rimborżati t-tariffa tal-offerent li jkunu ħallsu.

Ladarba l-offerent rebbieħ ikun ħallas il-prezz sħiħ għall-assi mixtri, l-uffiċjal ġudizzjarju jfassal att ta’ bejgħ b'irkant, li jikkostitwixxi prova tas-sjieda. Meta l-assi immobbli jinbiegħu b'irkant, l-att tal-bejgħ bl-irkant jintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-korp responsabbli għaż-żamma tar-Reġistru tal-Proprjetà Immobbli (Nekilnojamojo turto registras).

2. Partijiet terzi awtorizzati biex iwettqu l-bejgħ

Il-subbasta tal-assi tad-debitur hija organizzata u mwettaqa minn uffiċjal ġudizzjarju.

L-assi immobbli tad-debitur u assi oħra rreġistrati f'konformità mal-proċedura stabbilita bil-liġi b’valur ogħla minn EUR 2 000, kif ukoll assi mobbli oħra b’valur unitarju akbar minn EUR 30 000, jiġu likwidati permezz ta’ subbasta. Tipi oħra ta’ assi jistgħu jinbiegħu wkoll f’subbasta jew minn kumpaniji kummerċjali. Il-subbasta ssir fuq sit web iddedikat.

Titoli kkwotati fil-borża huma likwidati f'konformità mal-proċedura stabbilita fir-regoli tal-borża fir-rigward tal-bejgħ ta’ ishma.

3. Tipi ta’ subbasti li għalihom ir-regoli jistgħu japplikaw biss parzjalment

Fil-każ ta’ subbasti ta’ art agrikola jew forestali, jew ta’ ishma (jew drittijiet) f’entità ġuridika li tippossjedi aktar minn 10 ettari ta’ art agrikola jew aktar minn 20 % tal-ishma (jew drittijiet) f’entità ġuridika li tippossjedi aktar minn 400 ettaru ta’ art forestali, jew ta’ biċċa art u/jew struttura f’żona protetta, jew ta’ assi ieħor li jista’ jiġi akkwistat biss minn persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi jew li għandhom il-liċenzja meħtieġa biex jakkwistaw dak l-assi, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu jiddikjara fl-avviż tal-irkant li huma biss il-persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi jew li għandhom il-liċenzja meħtieġa biex jakkwistaw dak l-assi li jistgħu jieħdu sehem fl-irkant. F’każijiet bħal dawn, l-offerent rebbieħ irid jipprovdi lill-uffiċjal ġudizzjarju bid-dettalji u d-dokumenti li jikkonfermaw li għandu d-dritt li jakkwista l-assi.

Jekk biċċa art u/jew struttura f’żona protetta tkun qed tinbiegħ f’subbasta, l-offerent rebbieħ irid jipprovdi lill-uffiċjal ġudizzjarju b’approvazzjoni għax-xiri tal-biċċa art u/jew struttura, maħruġa f'konformità mal-proċedura stabbilita mil-Liġi Litwana dwar il-protezzjoni tad-dinjitarji (Lietuvos Respublikos vadovybės apsaugos įstatymas).

Jekk l-offerent rebbieħ ma jipprovdix id-dokumenti lill-uffiċjal ġudizzjarju jew l-uffiċjal ġudizzjarju jistabbilixxi li l-offerent rebbieħ ma kellux id-dritt li jixtri l-assi, l-offerent rebbieħ jitlef id-dritt li jixtri l-assi u ma jiġix rimborżat it-tariffa tal-offerent li jkun ħallas.

4. Informazzjoni dwar ir-reġistri nazzjonali tal-proprjetà

Meta jeżegwixxi ordni ta’ infurzar, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu d-dritt li jikseb, mingħajr ħlas, minn reġistri tal-Istat u sistemi ta’ informazzjoni, banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, u persuni fiżiċi u ġuridiċi oħra, l-informazzjoni neċessarja dwar l-assi, il-fondi, l-introjtu, in-nefqa u l-attivitajiet tad-debitur u informazzjoni oħra meħtieġa biex jitwettqu l-funzjonijiet tal-uffiċjal ġudizzjarju.

L-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jikseb informazzjoni dwar l-assi li jappartjenu lid-debitur online mingħand:

  • ir-Reġistru tal-Proprjetà Immobbli (Nekilnojamojo turto registras), fir-rigward tal-proprjetà immobbli fil-Litwanja;
  • ir-Reġistru tal-Vetturi tat-Triq (Kelių transporto priemonių registras), fir-rigward ta’ vetturi ħfief, vetturi kummerċjali u vetturi oħra rreġistrati fil-Litwanja;
  • ir-Reġistru tal-Biedja (Ūkininkų ūkių registras), ir-Reġistru tan-Negozji Agrikoli u Rurali (Žemės ūkio ir kaimo verslo registras), ir-Reġistru tat-tratturi, makkinarju u trejlers awtopropulsivi u agrikoli (Traktorių, savaeigių ir žemės ūkio mašinų ir jų priekabų registras) u r-Reġistru tal-Bhejjem (Ūkinių gyvūnų registras), fir-rigward tal-farms, tal-makkinarju agrikolu u tal-bhejjem irreġistrati fil-Litwanja;
  • ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru Ċivili (Civilinių orlaivių registras), fir-rigward tal-inġenji tal-ajru ċivili rreġistrati fil-Litwanja;
  • ir-Reġistru tal-Vetturi Ferrovjarji (Geležinkelių riedmenų registras), fir-rigward tal-vetturi ferrovjarji rreġistrati fil-Litwanja;
  • ir-Reġistru tal-Bastimenti li Jbaħħru (Jūrų laivų registras) u r-Reġistru tal-Bastimenti tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni (Vidaus vandenų laivų registras), fir-rigward tal-bastimenti li jbaħħru u tal-passaġġi fuq l-ilma interni rreġistrati fil-Litwanja;
  • ir-Reġistru tal-Armi tan-Nar (Ginklų registras), fir-rigward tal-armi tan-nar irreġistrati fil-Litwanja;
  • ir-Reġistru tal-Privattivi (Patentų registras), ir-Reġistru tat-Trademarks (Prekių ženklų registras) u r-Reġistru tad-Disinji (Dizaino registras), għall-privattivi, it-trademarks u d-disinji rreġistrati fil-Litwanja.

L-uffiċjal ġudizzjarju għandu wkoll id-dritt li jikseb informazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Membri ta’ Persuni Ġuridiċi (Juridinių asmenų dalyvių informacinė sistema) dwar membri ta’ kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, sħubijiet żgħar, korpi pubbliċi, kumpaniji agrikoli, soċjetajiet kooperattivi (kooperattivi), soċjetajiet f'isem kollettiv, soċjetajiet limitati u fondazzjonijiet ta’ karità u ta’ appoġġ mhux governattivi.

5. Informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data li jippermettu lill-kredituri jidentifikaw assi u l-obbligi ta’ dejn ta’ debitur

L-informazzjoni dwar l-assi li jappartjenu għal debitur tinġabar mill-uffiċjal ġudizzjarju, li għandu d-dritt li jikseb informazzjoni minn sistemi ta’ informazzjoni, reġistri, u persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-assi, l-introjtu, eċċ. ta’ debitur.

Il-kreditur għandu d-dritt li jikkonsulta l-fajl kollu tal-infurzar (inkluża informazzjoni dwar l-assi tad-debitur).

6. Informazzjoni dwar is-subbasti online

Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Civilinio proceso kodeksas), il-subbasta tal-assi tad-debituri jsir online fuq sit web iddedikat. Tiġi organizzata s-subbasta u d-deċiżjonijiet kollha relatati mal-eżekuzzjoni tagħha jittieħdu minn uffiċjal ġudizzjarju. Il-qorti tkun involuta fil-proċess biss jekk ikun hemm ilment kontra l-azzjonijiet tal-uffiċjal ġudizzjarju li jiġi miċħud mill-uffiċjal ġudizzjarju.

Il-subbasta tibda malli tiġi rreklamata u tintemm wara 30 jum, għall-bejgħ ta’ assi immobbli u assi oħra rreġistrati f'konformità mal-proċedura stabbilita bil-liġi, u assi mobbli oħra b’valur unitarju akbar minn EUR 30 000. Għall-bejgħ tal-assi l-oħra kollha, l-irkant jintemm wara 20 jum.

L-assi immobbli tad-debitur u assi oħra rreġistrati f'konformità mal-proċedura stabbilita bil-liġi b’valur ogħla minn EUR 2 000, u assi mobbli oħra b’valur unitarju akbar minn EUR 30 000, jinbiegħu b’subbasta. Tipi oħra ta’ assi jistgħu jinbiegħu wkoll permezz ta’ subbasta, bl-eċċezzjoni ta’ titoli elenkati fil-borża.

Iċ-ċittadini Litwani u ċ-ċittadini barranin li nħarġilhom dokumenti tal-identità f'konformità mal-liġi Litwana jistgħu jieħdu sehem f’subbasta (il-parteċipazzjoni fl-irkant teħtieġ konferma tal-identità permezz ta’ firma elettronika jew firma elettronika mobbli jew permezz ta’ bbankjar online).

Il-subbasti jsiru fuq sit web iddedikat ġestit mill-intrapriża tal-Istat Registrų Centras, li hija l-amministratriċi tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Uffiċjali Ġudizzjarji.

In-nies li jixtiequ jieħdu sehem f’subbasta ma għandhomx għalfejn jimlew jew jissottomettu applikazzjonijiet jew dokumenti. In-nies jistgħu jirreġistraw għal subbasta b’mod elettroniku permezz tas-sit web li fuqu jkun qed isir l-irkant, billi jikkonfermaw l-identità tagħhom b’wieħed mill-mezzi msemmija hawn fuq, jagħżlu l-irkant speċifiku li jixtiequ jieħdu sehem fih u jħallsu t-tariffa tal-offerent permezz ta’ sistema bankarja online. Meta jirreġistraw għal subbasta, in-nies iridu jikkonfermaw elettronikament li huma konxji tal-proċedura ta’ subbasta, il-proċedura għat-tressiq ta’ lment kontra l-azzjonijiet ta’ uffiċjal ġudizzjarju u l-konsegwenzi potenzjali tal-bejgħ ta’ assi f’subbasta. Id-data personali pprovduta minn offerent f’subbasta ma tistax tiġi żvelata lill-uffiċjal ġudizzjarju, lill-parteċipanti l-oħra fl-irkant jew lil partijiet terzi, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi.

In-nies jistgħu jipparteċipaw f’subbasta huma stess jew permezz ta’ rappreżentant. Meta l-parteċipazzjoni f’subbasta sseħħ permezz ta’ rappreżentant, l-azzjonijiet kollha relatati mal-parteċipazzjoni fl-irkant jitwettqu mir-rappreżentant, iżda l-persuna li tkun qed tiġi rrappreżentata trid tiġi indikata wkoll.

Il-subbasta ssir online. L-offerti jistgħu jiżdiedu manwalment, billi tiddaħħal offerta, jew awtomatikament, billi tiddaħħal l-offerta inizjali, l-offerta massima u l-inkrement tal-offerti. Jekk tkun waslet mill-inqas offerta waħda sa tmiem il-subbasta, il-ħin tal-għeluq tal-irkant jiġi estiż b’5 minuti oħra biex il-parteċipanti jkunu jistgħu jagħmlu offerta. Għal kull offerta ġdida li tasal matul il-perjodu estiż, l-irkant jiġi estiż b’5 minuti addizzjonali. L-irkant jintemm meta ma tasal l-ebda offerta ġdida fil-perjodu addizzjonali ta’ 5 minuti.

Informazzjoni dwar l-assi li qed jinbiegħ f’subbasta u l-offerta tal-prezz għalih hija pubblika, iżda huwa possibbli li wieħed jieħu sehem fl-irkant u jagħmel offerta biss wara li jirreġistra f'konformità mal-proċedura preskritta.

Fi tmiem l-irkant, l-uffiċjal ġudizzjarju li organizzaha jingħata d-dettalji tal-offerent rebbieħ u l-prezz tal-offerta għall-assi. It-tariffa tal-offerent imħallsa mill-offerent rebbieħ tiġi ttrasferita wkoll lill-uffiċjal ġudizzjarju.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna