Fuq liema sit(i) web jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?
L-avviżi uffiċjali jiġu ppubblikati fuq officielebekendmakingen.nl.
Liema avviżi huma ppubblikati?
L-avviżi kollha li jidhru fis-seba’ ġurnali uffiċjali tan-Netherlands jiġu ppubblikati fis-siti ta' hawn fuq. Leġiżlazzjoni ġdida jew li temenda tiġi ppubblikata fl-iStaatsblad (il-Bulletin tal-Atti u d-Digrieti). L-iStaatscourant (il-Gazzetta tal-Gvern) tintuża biex tippubblika r-regolamenti, kif ukoll avviżi minn organizzazzjonijiet governattivi jekk l-inklużjoni tagħhom f’din il-pubblikazzjoni tkun rikjesta mil-liġi. Trattati u ftehimiet internazzjonali oħrajn li n-Netherlands hija parti fihom jiġu ppubblikati fit-Tractatenblad (Is-Serje tat-Trattati), filwaqt li l-Provinciaal blad (il-Gazzetta Provinċjali), il-Gemeenteblad (il-Gazzetta Muniċipali) u l-Waterschapsblad (il-Gazzetta tal-Awtorità tal-Ilma) jintużaw għall-pubblikazzjoni ta’ regolamenti u avviżi tal-awtoritajiet provinċjali, muniċipali u tal-ilma rispettivament. Il-Blad gemeenschappelijke regelingen (il-Gazzetta Konġunta tal-Arranġamenti tal-Awtoritajiet Lokali) tintuża biex jiġu ppubblikati r-regolamenti u l-avviżi tas-sħubijiet bejn awtoritajiet pubbliċi differenti.
Minn liema organizzazzjoni(jiet) jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?
L-organizzazzjonijiet kollha li huma meħtieġa mil-liġi li jippubblikaw l-avviżi tagħhom.
L-aċċess għall-avviżi uffiċjali hu bla ħlas?
Iva, l-aċċess għall-avviżi uffiċjali hu bla ħlas.
X’tipi ta’ tiftixiet jistgħu jsiru?
Tista' ssib l-avviżi tal-ġurnata fl-indirizz officielebekendmakingen.nl. Jistgħu jsiru wkoll tiftixiet individwali għall-avviżi kollha.
F’zoek.officielebekendmakingen.nl tista’ tagħmel tiftixa fid-dettall għall-kliem fit-titlu jew fit-test u tiffiltra t-tiftixa tiegħek skont id-data tal-pubblikazzjoni, isem il-pubblikazzjoni, l-organizzazzjoni tal-pubblikazzjoni u s-suġġett (li għalih hemm lista prestabbilita ta’ opzjonijiet).
Minn liema data se jkunu disponibbli l-avviżi uffiċjali fil-format elettroniku?
1995.
It-tiftixiet jistgħu jiġu ssejvjati u jistgħu jintbagħtu notifiki meta jintlaħqu l-kriterji?
Kulħadd jista’ jirreġistra għal servizz ta’ notifikazzjoni bla ħlas. Jeżistu żewġ tipi ta' servizzi:
- Is-servizz ta' notifikazzjoni standard li jippermetti lill-utenti jissejvjaw talba għal tiftixa. Imbagħad jintbagħtu ittra elettronika b'ħolqa għal kull dokument ġdid li jissodisfa l-kriterji tat-tiftixa.
- Hemm ukoll servizz imsejjaħ "Berichten over uw buurt" ("Avviżi dwar il-viċinat tiegħek"), li jippermetti liċ-ċittadini jirċievu ittra elettronika kuljum b'ħarsa ġenerali lejn l-avviżi kollha ppubblikati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali li jkunu rilevanti għall-viċinat tagħhom. Huma jistgħu jiddefinixxu l-"viċinat tagħhom" billi jdaħħlu l-kodiċi postali tagħhom u radjus (f'mijiet ta’ metri).
L-avviżi uffiċjali huma disponibbli bla ħlas bħala data miftuħa? Jekk dan hu l-każ, fejn jistgħu jinstabu r-repożitorju u/jew l-informazzjoni?
L-avviżi uffiċjali huma disponibbli bla ħlas bħala data miftuħa permezz tal-interfaċċa SRU (SRU = Search/Retrieve via URL).
Il-gwida (u l-indirizz) għal dan is-servizz web tinsab fuq koopoverheid.nl (bl-Olandiż biss).