Fuq liema sit(i) web jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?
- L-avviżi uffiċjali jiġu ppubblikati fuq il-paġni web ta’ Uradni List Republike Slovenije (il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja), il-paġni web uffiċjali tal-qrati Sloveni u fuq il-portal tas-subbasti.
Uradni List jista’ jiġi aċċessat minn: https://www.uradni-list.si/.
Il-leġiżlazzjoni u t-trattati internazzjonali jiġu ppubblikati f’forma elettronika u stampata. Jista’ jsir tiftix fil-leġiżlazzjoni u t-trattati internazzjonali lura sal-25 ta’ Ġunju 1991. Il-forma elettronika ilha uffiċjali mill-1 ta’ April 2010. L-avviżi ġew ippubblikati f’forma stampata sal-31 ta’ Diċembru 2006. Minn dak iż-żmien dawn saru disponibbli f’forma elettronika biss. Il-forma elettronika tal-avviżi ilha uffiċjali mill-1 ta’ Jannar 2006. Jista’ jsir tiftix fl-avviżi lura sal-2011.
- Il-paġni web uffiċjali tal-qrati Sloveni u tal-portal tas-subbasti huma disponibbli minn: https://sodisce.si/ (il-paġni web uffiċjali tal-qrati Sloveni)
Liema tipi ta’ avviżi jiġu ppubblikati?
- Il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li ġejjin jiġu ppubblikati f’Uradni List: il-Kostituzzjoni, atti u leġiżlazzjoni oħra mgħoddija mill-Assemblea Nazzjonali (Državni zbor); trattati internazzjonali ratifikati u avviżi tal-bidu u tat-tmiem tal-validità tagħhom; leġiżlazzjoni mgħoddija mill-Kunsill Nazzjonali (Državni svet); leġiżlazzjoni ppromulgata mill-President tar-Repubblika; deċiżjonijiet u deċiżjonijiet amministrattivi tal-Qorti Kostituzzjonali; regoli u leġiżlazzjoni oħra adottati mill-Gvern jew mill-ministri (meta dan ikun previst mil-liġi) u leġiżlazzjoni adottata minn kapijiet ta’ korpi marbuta ma’ ministeri; atti leġiżlattivi ġenerali għall-eżerċitar ta’ setgħat pubbliċi; regoli u statuti oħrajn fejn id-dokument ta’ tmexxija ta’ awtorità lokali jirrikjedi hekk; leġiżlazzjoni oħra li se tiġi ppubblikata f’ġurnal uffiċjali bil-liġi jew taħt biċċa leġiżlazzjoni speċifika.
Ippubblikati wkoll f’Uradni List hemm il-proċeduri pubbliċi ta' sejħa għal offerti, il-pożizzjonijiet vakanti, id-deċiżjonijiet amministrattivi tal-qorti, l-ordnijiet ta’ kanċellament u pubblikazzjonijiet oħrajn li jridu jiġu ppubblikati hemm f’konformità mal-liġi jew ma' regolament speċifiku.
- Dawn li ġejjin jiġu ppubblikati fuq il-paġni web uffiċjali tal-qrati Sloveni u fuq il-portal tas-subbasti:
- listi (skedi) ta’ seduti ewlenin fil-qrati Sloveni kollha
- reġistru ta’ azzjonijiet ta’ rimedju kollettiv
- notifika sostitwita
- notifiki tar-reġistru tal-artijiet
- proċedimenti dwar is-suċċessjoni
- notifiki fuq l-avviżieri tal-qorti
- sejħiet għal applikazzjonijiet u pożizzjonijiet vakanti
- avviżi oħrajn
- dati tal-irkant
- avviżi uffiċjali dwar l-akkwist tal-prodotti u s-servizzi
Minn liema organizzazzjoni(jiet) jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?
- Il-korpi li ġejjin jippubblikaw f’Uradni List: L-Assemblea Nazzjonali, il-Kunsill Nazzjonali, il-President, il-Gvern, il-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti Suprema, il-Bank tas-Slovenja, il-Kunsill Ġudizzjarju, Il-Kummissjoni Elettorali tal-Istat, korpi u organizzazzjonijiet tal-Istat, awtoritajiet lokali u qrati oħrajn.
- Il-qrati Sloveni jippubblikaw l-avviżi tagħhom fuq il-paġni web uffiċjali tagħhom u fuq il-portal tas-subbasti.
Il-pubblikazzjoni ta’ avviżi uffiċjali hija bla ħlas?
- Il-pubblikazzjonijiet ta’ avviżi f’Uradni List huma soġġetti għal pagament f’konformità mal-lista ta’ prezzijiet (https://www.uradni-list.si/glasilo-uradni-list-rs/glasilo-uradni-list-rs/cenik-objav) imħejjija mill-kumpanija Uradni List u approvata mill-Gvern.
- Il-pubblikazzjoni fuq il-paġni web uffiċjali tal-qrati Sloveni u fuq il-portal tas-subbasti hija bla ħlas.
X’tipi ta’ tiftixiet jistgħu jsiru?
- Fis-sit web ta’ Uradni List jistgħu jsiru tiftixiet bit-titolu, bin-numru, bil-kategorija, bl-għerq tal-kelma u bid-data jew bil-perjodu tal-pubblikazzjoni tad-dokument.
- Is-siti web sodisce.si u sodnedrazbe.si għandhom żewġ għażliet ta’ tiftix: sempliċi u avvanzat. Din tal-aħħar tippermetti lill-utent ifittex skont oqsma differenti u juża l-operaturi “U”, “JEW” u “LE”.
Minn liema data kienu disponibbli l-avviżi uffiċjali fil-format elettroniku?
- Uradni List – Leġiżlazzjoni u Trattati Internazzjonali (Uredbeni del in mednarodne pogodbe) ilha online mill-25 ta’ Ġunju 1991. Il-magna tat-tiftix tal-avviżi ilha attiva mill-2011.
- L-avviżi ġew ippubblikati fuq sodisce.si (kif deskritt hawn fuq) mill-2010.
It-tiftixiet jistgħu jiġu ssejvjati u jistgħu jintbagħtu notifiki meta jiġu ssodisfati l-kriterji?
- Il-kumpanija Uradni List toffri servizz imsejjaħ UL Info Tok li jippermetti lill-utenti jirċievu twissijiet li hemm kontenut ġdid.
- Is-siti web sodisce.si u sodnedrazbe.si jippermettu l-monitoraġġ ta’ parametri ta’ tiftix permezz tal-RSS feeds li jipprovdu notifiki ta’ kontenut ġdid tal-web li jaqbel mal-kriterji tat-tiftix magħżula minn qabel.
L-avviżi uffiċjali huma disponibbli bla ħlas, bħala data miftuħa? Jekk dan huwa l-każ, fejn tista’ tinstab l-informazzjoni tar-reġistru u/jew dik teknika?
- Il-kontenut kollu ppubblikat f’Uradni List huwa disponibbli bla ħlas fl-arkivju tas-sit web, li jmur lura għall-1991.
- Le, l-avviżi uffiċjali fuq sodisce.si u sodnedrazbe.si ma humiex disponibbli bħala data miftuħa.