A. Fejn isir il-proċess?
Il-proċess isir f’post fejn il-prosekutur pubbliku jressaq l-akkużi; hemm regoli legali li jirregolaw dan. Ta’ spiss il-proċess isir quddiem il-qorti li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkun twettaq id-delitt.
Jekk jitressaqx quddiem il-Qorti Lokali (Amtsgericht), il-Qorti Reġjonali (Landgericht) jew il-Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht) jiddependi wkoll fuq fatturi inkluża s-sentenza li hija mistennija għad-delitt. Jekk persuna ġiet akkużata b’reat kriminali anqas serju (Vergehen) u s-sentenza hija mistennija li tkun sempliċiment multa jew sentenza ta’ kustodja sa sentejn, il-kawża tinstema’ fil-Qorti Lokali minn imħallef li jippresjiedi waħdu. Fil-każ ta’ reati kriminali serji (Verbrechen) b’sentenza ta’ kustodja mistennija ta’ bejn sentejn u 4 snin, il-qorti mħallta (Schöffengericht) fil-Qorti Lokali, li tikkonsisti minn imħallef professjonali u żewġ assessuri onorarji, tiddeċiedi fuq il-kawża. Jekk is-sentenza mistennija hija sentenza ta’ kustodja ta’ aktar minn 4 snin, il-kawża tiġi deċiża mill-Qorti Reġjonali, b’bord li jikkonsisti minn żewġ jew tliet imħallfin professjonali u żewġ assessuri onorarji. Fil-każ ta’ delitti kontra l-Istat, il-Qorti Reġjonali Superjuri għandha ġuriżdizzjoni li tisma’ l-kawża, b’bord magħmul minn tliet jew ħames imħallfin professjonali, skont il-kumplessità jew l-ambitu tal-proċedimenti.
B. L-akkużi jistgħu jiġu mmodifikati? Jekk iva, x’inhu d-dritt tiegħi għall-informazzjoni f’dan ir-rigward?
Taħt ċerti ċirkostanzi l-kundanna mħabbra mill-qorti tista’ tiddevja mill-akkużi mressqa kontrik. Kundanna bbażata fuq leġiżlazzjoni kriminali differenti hija permessa biss jekk il-qorti għarrfitek espliċitament li l-valutazzjoni ġuridika se tiddevja mill-akkużi mressqa u tatek l-opportunità li tippreżenta difiża.
Kundanna bbażata fuq reati kriminali differenti tirrikjedi li l-prosekutur pubbliku jressaq akkużi supplimentari, jekk dawn ir-reati u l-avveniment deskritti fl-att tal-akkuża oriġinali ma jkunux ġew meqjusa bħala avveniment uniku minn parti terza imparzjali. L-akkużi supplimentari jinstemgħu biss jekk int u l-qorti taqblu dwar dan.
C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi meta nidher il-qorti?
i. Jien meħtieġ li nkun preżenti fil-qorti? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex inkun assenti matul il-kawża fil-qorti?
Bħala prinċipju, int meħtieġ li tieħu sehem fil-proċess. Jekk ma ġejtx eżentat mill-obbligu li tattendi u xorta tonqos milli tidher quddiem il-qorti, il-proċess ġeneralment ikun sospiż u, taħt ċerti ċirkustanzi, jista’ jinħareġ ukoll mandat ta’ arrest kontrik. Jistgħu japplikaw xi eċċezzjonijiet, pereżempju, għal proċessi fi proċedimenti ta’ digriet kriminali u appelli fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt.
ii. X’inhu d-dritt tiegħi għal interpretu u għal dokumenti tradotti?
Int għandek id-dritt li tkun informat minnufih, b’lingwa li tifhem u fid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkużi kontrik.
Jekk m’għandekx ħakma tajba biżżejjed tal-Ġermaniż, il-qorti taħtar interpretu, li jittraduċi l-okkorrenzi u d-dikjarazzjonijiet sinifikanti kollha matul il-proċess.
iii. Għandi dritt għal avukat?
Int intitolat li tkun difiż minn avukat. F’ċerti każijiet dan huwa obbligatorju. Jekk ma taħtarx avukat f’dawn il-każijiet, tiġi assenjat avukat tad-difiża mill-qorti. Informazzjoni dwar kif issib avukat u min iħallas il-kostijiet hija disponibbli hawn.
iv. Liema drittijiet proċedurali oħra għandi nkun konxju minnhom? (eż. preżentazzjoni ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti)
Wara li tittieħed kwalunkwe evidenza int intitolat li tagħmel dikjarazzjoni dwarha. Tista’ toġġezzjona għat-teħid u l-użu ta’ provi li tqis li huma illegali.
Barra minn hekk, tista’ titlob li jinkisbu aktar provi. Int intitolat li tidentifika u tippreżenta l-provi inti stess, għalkemm m’għandekx l-istess setgħat bħall-pulizija. M’intix awtorizzat li tagħmel tapping ta’ telefons u tissottometti r-reġistrazzjonijiet bħala provi, pereżempju.
Tista’ titlob lix-xhieda jagħtu dikjarazzjonijiet veritiera dwar dak li osservaw u tista’ wkoll iġġib xhieda miegħek il-qorti. Ix-xhieda huma obbligati jidhru quddiem il-qorti u jgħidu l-verità.
Fil-bidu, x-xhieda jiġu mistoqsija mill-qorti u l-prosekutur pubbliku, u wara dan l-avukat tiegħek u int tistgħu tistaqsuhom xi mistoqsijiet.
D. Sentenzi possibbli
Sentenzi possibbli jinkludu multi u sentenzi ta’ kustodja. F’ċerti każijiet il-qorti tista’ tordna wkoll miżuri ta’ riabilitazzjoni u prevenzjoni. Miżuri bħal dawn jinkludu t-tqegħid fi sptar psikjatriku, it-tqegħid f’ċentru ta’ riabilitazzjoni mid-droga jew detenzjoni preventiva, pereżempju. Is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan tiegħek hija miżura oħra ta’ din ix-xorta. Bħala piena addizzjonali l-qorti tista’ timponi projbizzjoni fuq is-sewqan. Il-miżuri ta’ riabilitazzjoni u prevenzjoni jistgħu jiġu ordnati indipendentement jew, f’ċerti każijiet, flimkien ma’ sentenza.
Multa tiġi imposta fil-forma ta’ għadd speċifiku ta’ unitajiet ta’ kuljum (pereżempju, 50 unità ta’ kuljum ta’ EUR 15 kull waħda). Unità ta’ kuljum ġeneralment tkun ekwivalenti għal 1 minn 30 tal-introjtu nett ta’ kull xahar tiegħek. Jekk ma tħallasx il-multa, ikollok tqatta’ ġurnata waħda l-ħabs għal kull żewġ unitajiet ta’ kuljum (priġunerija għal nuqqas ta’ ħlas ta’ multa (Ersatzfreiheitsstrafe)). Biex tevita l-priġunerija, huwa possibbli wkoll li tħallas il-multa billi twettaq xogħol mhux imħallas. Fil-każ ta’ multi sa 180 unità ta’ kuljum, taħt ċerti kundizzjonijiet il-multa tista’ tiġi sospiża. Imbagħad tirċievi twissija u jkollok tħallas il-multa biss jekk twettaq reat kriminali ieħor wara s-sentenza jew jekk tikser kwalunkwe kundizzjoni jew istruzzjoni li ġiet imposta kontrik.
Is-sentenzi ta’ kustodja sa sentejn jistgħu jiġu sospiżi bi probation. Il-perjodu tal-probation idum minn sentejn sa 5 snin. Jekk tikser ir-regoli tal-probation tiegħek, is-sentenza tista’ tiġi eżegwita.
Is-sentenza ta’ kustodja tiġi skontata f’ħabs. Wara li d-deċiżjoni tkun saret finali tirċievi avviż li jeħtieġlek tibda tiskonta s-sentenza tiegħek. Jekk tonqos milli tagħmel dan b’mod volontarju, jinħareġ mandat eżekuttiv ta’ arrest.
Wara li tkun skontajt mill-anqas żewġ terzi tas-sentenza tiegħek (jew nofs biss – u mill-anqas 6 xhur – tas-sentenza fil-każ tal-ewwel sentenza ta’ kustodja sa sentejn jew f’ċirkostanzi speċjali), int tiġi kkunsidrat għal ħelsien bikri, dment li taqbel li l-bqija tas-sentenza tiegħek tiġi sospiża bi probation. Għal ċerti delitti serji trid tinkiseb perizja għal dan il-għan jekk il-qorti qed tikkunsidra l-ħelsien. Id-deċiżjonijiet tal-qorti b’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ġeneralment isiru minn imħallfin ta’ diviżjoni ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi f’Qorti Reġjonali li jippresedu waħedhom.
Fil-qasam tal-liġi kriminali tal-minorenni l-enfasi ma hijiex fuq l-ikkastigar tal-awtur ta’ reat biex jikkumpensa għal għemil ħażin, iżda fuq l-edukazzjoni bil-għan li jiġi evitat li jerġa’ jwettaq reat. Konsegwentement, flimkien ma’ sentenzi ta’ kustodja tal-minorenni li jvarjaw minn mill-anqas 6 xhur sa 5 xhur jew, f’każijiet serji, 10 snin (għal minorenni ta’ bejn 14 u 17-il sena), li jistgħu jiġu wkoll sospiżi bi probation jekk is-sentenza ma taqbiżx is-sentejn, hemm ukoll pieni possibbli oħra (li huma ħafna aktar komuni għal delitti ta’ livell aktar minuri u medju). Eżempji jinkludu ordnijiet biex jitwettaq servizz komunitarju, jitħallsu flus lil karità, tittieħed azzjoni biex titpatta l-ħsara kkawżata, parteċipazzjoni f’kors ta’ taħriġ soċjali, tqegħid taħt il-kura u s-superviżjoni ta’ persuna speċifika jew tentattiv għal medjazzjoni bejn il-vittma u l-awtur tar-reat, iżda hemm ukoll il-possibbiltà li tiġi imposta detenzjoni tal-minorenni sa 4 ġimgħat.