Skip to main content

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
Iċ-Ċekja
Flag of Czechia

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Ir-Repubblika Ċeka se tipprovdi assistenza finanzjarja lill-vittmi ta’ reati li jkunu sofrew dannu għas-saħħa u lis-superstiti ta’ vittmi li jkunu mietu b’riżultat tar-reat. Barra minn hekk, il-persuni intitolati għall-assistenza finanzjarja jinkludu vittmi ta’ reati sesswali li jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem u tfal abbużati.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

L-assistenza finanzjarja għandha l-għan li tegħleb is-sitwazzjoni soċjali deterjorata li tirriżulta mir-reat; ma tieħux post l-obbligu tal-awtur tar-reat li jagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata lill-vittma.

Is-superstiti jirċievu l-assistenza finanzjarja bħala somma f’daqqa; il-vittmi li jkunu sofrew dannu għas-saħħa jistgħu jfittxu wkoll assistenza ta’ somma f’daqqa (li l-ammont tagħha jiddependi mis-severità tal-konsegwenzi kkawżati) jew jistgħu jitolbu rimborż tal-ispejjeż tat-trattament jew kumpens għal qligħ mitluf. Vittmi ta’ reati sesswali li jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem jew tfal vittmi ta’ abbuż jistgħu jitolbu rimborż tal-ispejjeż tat-terapija biex ittaffi l-ħsara morali subita.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b’riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, is-superstiti tal-vittmi li mietu b’riżultat ta’ reat għandhom id-dritt għal assistenza finanzjarja jekk is-superstiti jkun il-ġenitur, il-konjuġi, is-sieħeb/sieħba reġistrat/a, it-tifel/tifla jew ħu/oħt il-persuna deċeduta u jkun għex f’unità domestika komuni mad-deċedut fil-mument tal-mewt, jew jekk is-superstiti jkun persuna li d-deċedut kien jipprovdilha jew kien obbligat jipprovdilha l-manteniment.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

F’dan il-każ, m’għandekx dritt għal assistenza finanzjarja.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Tista’, jekk int resident permanenti ta’, jew jekk qed tirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor tal-UE u sfajt vittma ta’ reat imwettaq fir-Repubblika Ċeka, jew jekk qed tirrisjedi legalment fir-Repubblika Ċeka għal aktar minn 90 jum u sfajt vittma ta’ reat imwettaq fit-territorju Ċek, jekk tkun applikajt għall-protezzjoni internazzjonali fir-Repubblika Ċeka jew tkun ingħatajt ażil jew protezzjoni sussidjarja u sfajt vittma ta’ reat imwettaq fit-territorju Ċek, jew, fejn xieraq, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fi trattat internazzjonali.

Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk inti ċittadin(a) taċ-Ċekja, inti intitolat(a) għal assistenza finanzjarja miċ-Ċekja, irrispettivament mill-pajjiż li fih sar ir-reat li tiegħu sfajt vittma.

Irrid nirrapporta r-reat lill-pulizija l-ewwel, biex inkun nista’ nitlob kumpens?

Iva, dan huwa meħtieġ.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

M’hemmx bżonn li tistenna r-riżultat tal-investigazzjoni; l-assistenza finanzjarja tista’ tingħata jekk l-investigazzjoni eżistenti tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi turi li m’hemm l-ebda dubju li r-reat sar u li l-kundizzjonijiet legali għall-intitolament għal assistenza finanzjarja ġew issodisfati.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand min wettaq ir-reat – jekk ikun ġie identifikat?

Jekk ma titlobx kumpens għad-danni mingħand min wettaq ir-reat, l-assistenza finanzjarja tista’ titnaqqas jew saħansitra ma tingħatax.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

F’dan il-każ hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn sitwazzjoni li fiha l-awtur tar-reat ma jkunx magħruf u sitwazzjoni li fiha l-persuna mħarrka għar-reat ma tkunx instabet ħatja, minkejja li jkun ovvju li r-reat ikun sar (jiġifieri, ir-reat sar, iżda seta’ sar minn xi ħadd ieħor). F’dan il-każ, għandek id-dritt għall-assistenza finanzjarja. Madankollu, jekk il-ħati jkun ġie lliberat minħabba li l-att imħarrek mhuwiex reat, ma jistax ikollok id-dritt għall-assistenza finanzjarja. Talba tiġi primarjament ivvalutata abbażi ta’ evidenza miġbura mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; il-kompitu tiegħek huwa li turi l-ammont ta’ ħsara subita u, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe ħsara li tista’ titqies (spejjeż ta’ trattamenti u qligħ mitluf).

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

It-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien sentejn minn meta sirt taf bil-ħsara, iżda mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tar-reat. Id-dritt għall-assistenza jintemm mal-iskadenza ta’ wieħed minn dawn it-termini. Vittmi minorenni ta’ reati sesswali kontra d-dinjità tal-bniedem jistgħu jressqu talba fi żmien sentejn minn meta jilħqu l-età maġġuri, jew fi żmien 5 snin mit-twettiq tar-reat kriminali, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.

Liema telf u spejjeż huma koperti minn kumpens?

(a) Għall-vittma tar-reat:

– dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż mediċi ta’ korriment (trattament mediku – kura ambulanti u fl-isptar, irkupru) - IVA
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn korriment, sakemm dawn ikunu marbuta direttament mar-restawr tas-saħħa (jiġifieri kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, fiżjoterapija fit-tul, adattament tal-akkomodazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.) IVA
  • korriment permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ matul it-trattament mediku u wara dak it-trattament (inkluż qligħ mitluf u telf tal-kapaċità li wieħed jagħmel qligħ, jew manteniment imnaqqas, eċċ.) - IVA
    • telf ta’ opportunità - LE
    • spejjeż marbuta ma’ proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża d-dannu, bħal tariffi legali, spejjeż tal-qorti) - LE
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew danneġġata - LE
    • Oħrajn - LE

– dannu psikoloġiku (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma - LE

(b) għal persuni intitolati jew qraba ta’ vittma:

– dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż tal-funeral – LE
  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fl-isptar, riabilitazzjoni) - LE
  • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità - LE

- dannu psikoloġiku:

  • uġigħ u tbatija ta’ qraba jew persuni intitolati/kumpens lis-superstiti jekk il-vittma mietet - LE

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti fix-xahar?

L-assistenza finanzjarja titħallas f’darba.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?

L-istorja kriminali tiegħek ma tiddeterminalekx id-dritt tiegħek għall-assistenza finanzjarja; madankollu, jekk ma tikkooperax mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jissolva r-reat, ma tistax tingħata assistenza finanzjarja. Barra minn hekk ma tingħatax assistenza jekk tkun ipparteċipajt bħala kompliċi għar-reat.

Jekk ma tipprovdix il-kooperazzjoni meħtieġa fil-proċedura ta’ assistenza finanzjarja, il-proċedura tista’ tiġi tterminata jew it-talba tiegħek tista’ tiġi miċħuda.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

F’każ biss fejn ikun ovvju li s-sitwazzjoni soċjali tiegħek ma tkunx iddeterjorat bħala riżultat tar-reat, inti tista’ ma tingħatax assistenza finanzjarja.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?

Jekk b’xi mod tkun ikkontribwejt għall-ħsara, l-assistenza finanzjarja tista’ titnaqqas jew ma saħansitra ma tingħatax.

Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-vittmi li jkunu sofrew dannu minuri għas-saħħa jistgħu jitolbu assistenza ta’ somma f’daqqa ta’ CZK 10,000.

Il-vittmi li jkunu sofrew dannu serju għas-saħħa jistgħu jitolbu assistenza ta’ somma f’daqqa ta’ CZK 50,000.

Minflok assistenza ta’ somma f’daqqa, il-vittmi li jkunu sofrew korriment tas-saħħa jistgħu jitolbu assistenza finanzjarja sa CZK 200,000, ekwivalenti għall-ispejjeż tat-trattament ippruvati u/jew qligħ mitluf.

Is-superstiti huma intitolati għal assistenza finanzjarja mħallsa bħala somma f’daqqa ta’ CZK 200,000, ħlief għall-aħwa, li huma intitolati għall-assistenza ta’ CZK 175,000.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Bħala vittma ta’ reat li sofra dannu għas-saħħa jew bħala superstiti, tista’ tingħata sa CZK 200,000 (sa CZK 175,000 jekk int ħu/oħt vittma li mietet b’riżultat ta’ reat kriminali); barra minn hekk, f’każ ta’ mewt, l-assistenza finanzjarja mogħtija lis-superstiti kollha ma tistax taqbeż is-CZK 600,000 b’kollox; u jekk ikun hemm aktar superstiti, l-assistenza mogħtija titnaqqas b’mod proporzjonat sabiex ma taqbiżx l-ammont massimu ta’ assistenza.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Iva.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

F’każ biss ta’ assigurazzjoni li tkopri l-obbligu tal-awtur tar-reat li jagħti kumpens għall-ħsara kkawżata, li, skont il-liġi Ċeka, huwa prattikament possibbli fil-każ ta’ inċidenti tat-traffiku u fuq il-post tax-xogħol.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Fil-każ ta’ assistenza finanzjarja ma jingħatawx ħlasijiet bil-quddiem.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar, eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Iva, sal-ammont massimu permissibbli ta’ assistenza finanzjarja.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

  • prokura, prova ta’ relazzjoni familjari mal-vittma
  • ċertifikat tal-mewt tal-vittma;
  • kopja tar-rapport tal-pulizija;
  • kopja tad-deċiżjoni tal-qorti
  • dokumentazzjoni dwar is-saħħa
  • kontijiet tal-isptarijiet jew kontijiet għal spejjeż relatati
  • kontijiet għall-ispejjeż tat-trattament
  • evidenza tal-introjtu

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

il-Ministeru għall-Ġustizzja;

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

il-Ministeru għall-Ġustizzja;

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

It-talba għandha tiġi deċiża fi żmien 3 xhur.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Billi tippreżenta rikors amministrattiv fil-qorti.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta t-talba?

Fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja, mill-NGOs li jiffukaw fuq il-vittmi tal-kriminalità, u mis-Servizz tal-Probation u tal-Medjazzjoni.

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Le.

Nista’ nikseb għajnuna legali (assistenza minn avukat) fit-tħejjija tat-talba?

Iva, iżda trid tħallas int għal dawn l-ispejjeż.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Iċ-Ċirku l-Abjad tas-Sikurezza [Bílý kruh bezpečí] huwa wieħed mill-akbar organizzazzjonijiet bħal dawn; is-Servizz tal-Probation u tal-Medjazzjoni tar-Repubblika Ċeka [Probační a mediační služba ČR] jgħin ukoll lill-vittmi. L-assistenza professjonali hija pprovduta wkoll mill-entitajiet inklużi fir-reġistru tal-fornituri ta’ assistenza lill-vittmi tal-kriminalità. Din l-assistenza tinkludi servizzi psikoloġiċi, konsulenza soċjali, għajnuna legali, l-għoti ta’ informazzjoni legali u l-possibbiltà li wieħed jieħu sehem fi “programmi restorattivi” immirati lejn il-bini mill-ġdid tar-relazzjonijiet u r-rimedju tal-ħsara li saret.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna