1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni
L-eżekuzzjoni hija meta awtorità eżekuttiva tobbliga l-konformità ma’ obbligu li jkun ġie deċiż minn qorti jew minn korp ieħor. L-eżekuzzjoni ġeneralment tkun marbuta ma’ obbligu ta’ ħlas ta’ flus jew biex persuna titlaq mid-dar. Tip ieħor ta’ eżekuzzjoni huwa marbut mas-sekwestru jew ma’ miżuri ta’ garanzija oħra.
L-eżekuzzjoni li tkun marbuta ma’ obbligu ta’ ħlas tiġi implimentata permezz tal-qbid. Il-qbid jippermetti s-sekwestru ta’ proprjetà li tkun tappartjeni lid-debitur. Jekk l-obbligu jirrikjedi li persuna tiċċaqlaq, pereżempju billi titlaq mid-dar, l-eżekuzzjoni sseħħ permezz ta’ żgumbrament. Inkella, l-eżekuzzjoni ġeneralment tieħu l-forma li tagħtiha l-awtorità tal-eżekuzzjoni li tordna lill-persuna, li fil-konfront tagħha tkun intalbet eżekuzzjoni, biex tieħu azzjoni jew biex tikkonforma ma’ mandat ta’ inibizzjoni jew ma’ xi sentenza oħra. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ timponi multa.
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Ġenituri
L-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Ġenituri hija marbuta ma’ miżuri sabiex tittieħed azzjoni fil-prattika li tirriżulta minn deċiżjoni jew ftehim dwar il-kustodja, ir-residenza, il-kuntatt mat-tfal jew il-konsenja tagħhom. Il-qorti li tiddeċiedi l-eżekuzzjoni tista’ timponi multa jew tordna l-ġbir tagħhom mill-pulizija. L-istess regoli dwar l-eżekuzzjoni japplikaw meta jiġu eżegwiti deċiżjonijiet barranin skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2019/1111 (ir-Regolament Brussell II), jekk l-eżekuzzjoni tirrigwarda lill-persuna tal-minuri. Madankollu, jekk l-eżekuzzjoni tirrigwarda l-proprjetà jew l-ispejjeż legali tal-minuri, japplika l-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni tad-Dejn.
2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
L-eżekuzzjoni taħt il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ssir mill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten). L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni għaldaqstant tiddeċiedi dwar pereżempju, il-qbid. Uffiċjal għoli ta’ eżekuzzjoni jerfa’ r-responsabbiltà legali kollha tar-rikors, filwaqt li l-eżekuzzjoni effettiva ġeneralment tkun f’idejn uffiċjali oħra (amministraturi tal-eżekuzzjoni).
3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
3.1 Il-proċedura
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni
Biex l-eżekuzzjoni titwettaq, irid ikun hemm sentenza jew titolu eżekuttiv ieħor.
L-eżekuzzjoni tista’ tkun ibbażata fuq it-titoli eżekuttivi li ġejjin:
- sentenza tal-qorti, verdett jew deċiżjoni;
- soluzzjoni kkonfermata minn qorti, jew ftehim ta’ arbitraġġ iddikjarat eżegwibbli minn qorti;
- digriet kriminali approvat, ordni approvata li timponi multa jew mandat ta’ ħlas approvat;
- deċiżjoni arbitrali biex jiġu miċħuda proċedimenti ta’ arbitraġġ;
- impenn bil-miktub, quddiem żewġ xhieda, li jirrigwarda l-ħlasijiet ta’ manteniment skont il-Kodiċi taż-Żwieġ (äktenskapsbalken) jew skont il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri (föräldrabalken);
- deċiżjoni minn awtorità amministrattiva li tinkludi obbligu ta’ ħlas, sakemm id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi appellata;
- deċiżjoni minn awtorità amministrattiva li tista’ tiġi eżegwita skont regolamenti speċifiċi;
- dokument li jista’ jiġi eżegwit skont regolamenti speċifiċi;
- verdett jew deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni marbuta ma’ ordni ta’ ħlas jew assistenza għall-eżekuzzjoni, u ordnijiet ta’ ħlas Ewropej li ġew iddikjarati eżegwibbli mill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni.
Ladarba jkun inħareġ titolu eżekuttiv, ma tkunx meħtieġa xi deċiżjoni oħra tal-qorti jew ta’ awtorità oħra sabiex titnieda l-eżekuzzjoni.
Il-biċċa l-kbira tax-xogħol tal-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni jikkonsisti fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-assi tad-debitur. Id-debitur huwa meħtieġ jipprovdi d-dettalji tal-assi tiegħu fit-terminu stabbilit mill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni u jikkonferma fi skeda jew waqt interrogazzjoni, taħt piena ta’ akkużi kriminali, li l-informazzjoni li jkun ta hija akkurata. L-awtorità tista’ wkoll tordna lid-debitur biex jipprovdi din l-informazzjoni taħt piena ta’ multa. Il-multa tiġi imposta mill-qorti distrettwali fuq talba tal-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni.
Ir-rikors għall-eżekuzzjoni jista’ jsir bil-fomm jew bil-miktub. Rikors bil-fomm jirrikjedi li r-rikorrent (il-persuna li qed titlob l-eżekuzzjoni) jidher quddiem l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni.
L-ispejjeż tal-Istat fil-kawżi ta’ eżekuzzjoni (l-ispejjeż amministrattivi) huma koperti minn tariffi (it-tariffi ta’ eżekuzzjoni). L-ispejjeż amministrattivi ġeneralment jiġu addebitati lill-intimat fil-kawża (il-kontroparti tar-rikorrent) meta ssir l-eżekuzzjoni, fejn dan ikun possibbli. Madankollu, ir-rikorrent ġeneralment ikun irid iħallas l-ispejjeż tal-Istat. Jistgħu jingħataw eżenzjonijiet mir-regola dwar ir-responsabbiltà tar-rikorrent, inkluż għal ħafna mit-talbiet għall-kontribuzzjonijiet ta’ manteniment u għall-kumpens minħabba reat.
Ir-regola ġenerali hija li jsir ħlas bażiku għal kull titolu eżekuttiv li tintalab l-eżekuzzjoni tiegħu. F’kawża ta’ eżekuzzjoni marbuta ma’ talba skont id-dritt privat, il-ħlas bażiku huwa ta’ SEK 600.
Jista’ jkun meħtieġ li jitħallsu tariffi oħrajn bħat-tariffi għat-tħejjija, għall-bejgħ u tariffi speċjali.
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Ġenituri
L-eżekuzzjoni tista’ tkun ibbażata fuq deċiżjoni ta’ qorti ordinarja fir-rigward tal-kustodja, ir-residenza, il-kuntatt jew il-konsenja tat-tfal. L-eżekuzzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq ftehim bil-miktub dwar il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt li jkun sar bejn il-ġenituri u li jkun ġie approvat mill-bord tas-servizzi soċjali. Deċiżjonijiet barranin jistgħu wkoll jiġu eżegwiti fl-Iżvezja, pereżempju deċiżjoni li tkun eżegwibbli skont ir-Regolament Brussell II.
Id-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni jittieħdu mill-qrati distrettwali. Ir-rikors għall-eżekuzzjoni ġeneralment isir fil-qorti distrettwali tal-post fejn jgħix il-minuri. Jekk il-minuri ma jkunx residenti fl-Iżvezja, ir-rikors irid isir fil-qorti distrettwali ta’ Stokkolma (Stockholms tingsrätt).
Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat minn, pereżempju, ġenitur li miegħu l-minuri jkun se jmur jgħix jew li se jkollu kuntatt miegħu.
Meta tittratta l-każ, il-qorti tista’ toħroġ struzzjoni speċjali lil xi ħadd fis-servizzi soċjali, sabiex jipprova jipperswadi lill-persuna li jkollha l-kustodja tal-minuri, biex tagħmel dak li jkun speċifikat fid-deċiżjoni jew fil-ftehim, volontarjament. Jekk il-kwistjoni tkun urġenti, il-qorti jew il-pulizija tista’ tiddeċiedi li l-minuri għandu jitqiegħed immedjatament f’kustodja. Il-qorti tista’ timponi multa jew tordna li jinġabar mill-pulizija sabiex l-eżekuzzjoni titwettaq.
Parti waħda tista’ tkun responsabbli li tħallas l-ispejjeż tal-oħra fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Ġenituri. Parti, li minħabba fiha jkunu nħolqu spejjeż sabiex il-minuri jinġabar jew jitqiegħed f’kustodja, tista’ tiġi mġiegħla tħallas dawn l-ispejjeż lill-Istat.
3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni
F’xi każijiet, jista’ jkun hemm impedimenti għall-eżekuzzjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk it-titolu eżekuttiv, ikun tant vag, li ma jistax jintuża bħala bażi għall-eżekuzzjoni.
Xenarju ieħor jista’ jkun meta l-persuna ordnata twettaq xi azzjoni permezz ta’ sentenza, tkun eżegwiet l-obbligu impost minn dik is-sentenza, pereżempju li tħallas ammont partikolari.
Każ ieħor jista’ jkun meta persuna ordnata li twettaq xi azzjoni tagħmel kontrotalba kontra r-rikorrent, jiġifieri tressaq oġġezzjoni ta’ tpaċija. It-tpaċija tikkostitwixxi impediment għall-eżekuzzjoni jekk l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni ssib li l-kontrotalba tkun tressqet permezz ta’ titolu eżekuttiv validu jew tkun ibbażata fuq ċertifikat ta’ talba bil-miktub u l-kundizzjonijiet għat-tpaċija jkunu ssodisfati b’xi mod ieħor.
Jekk id-debitur jasserixxi li xi kwistjoni oħra bejn il-partijiet tikkostitwixxi impediment għall-eżekuzzjoni u din l-oġġezzjoni ma tkunx tista’ tiġi miċħuda mal-ewwel, l-eżekuzzjoni wkoll ma tkunx tista’ sseħħ. Eżempju jista’ jkun l-oġġezzjonijiet għal perjodu ta’ preskrizzjoni.
Jekk titolu eżekuttiv jiġi rrevokat minn qorti, l-eżekuzzjoni trid tiġi rrimedjata minnufih jekk dan ikun possibbli.
F’xi każijiet, qorti tista’ wkoll tordna li proċedura ta’ eżekuzzjoni li tkun għadha għaddejja għandha tiġi rtirata (din hija magħrufa bħala inibizzjoni).
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Ġenituri
Is-suppożizzjoni hija li dak li huwa stipulat f’deċiżjoni jew fi ftehim huwa fl-aħjar interess tal-minuri. Il-qorti ma tistax terġa’ teżamina d-deċiżjoni jew il-ftehim bħala parti mir-rieżami ta’ eżekuzzjoni, u l-alternattiva prinċipali hija li l-konformità sseħħ b’mod volontarju. Jekk tkun meħtieġa miżura obbligatorja, il-probabbiltà hija li tiġi imposta multa. Il-ġbir fiżiku għandu jkun biss l-aħħar għażla.
Xi drabi jista’ jkun hemm impedimenti għall-eżekuzzjoni, bħal meta l-minuri jkun marid.
Jekk il-minuri jkun laħaq età u livell ta’ maturità tali li x-xewqat tiegħu jkollhom jiġu kkunsidrati, l-eżekuzzjoni ma tistax issir kontra r-rieda tal-minuri ħlief meta l-qorti tikkonkludi li dan ikun meħtieġ fl-aħjar interess tal-minuri.
4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni
Sabiex proprjetà tinqabad, iridu jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Il-proprjetà trid
- tkun tad-debitur;
- tkun trasferibbli;
- ikollha xi valur monetarju.
Il-qbid jista’ jintuża sabiex tttieħed proprjetà ta’ kwalunkwe tip. Kemm il-proprjetà immobbli kif ukoll dik mobbli jistgħu jinqabdu.
Il-proprjetà mobbli ma tfissirx biss l-affarijiet personali (pereżempju karozzi, dgħajjes u affarijiet oħra), iżda wkoll assi (bħal bilanċi fil-bank) u tipi differenti ta’ drittijiet (pereżempju d-drittijiet tal-użu jew ishma tal-patrimonju ta’ deċedut).
Is-salarji, il-pensjonijiet eċċ. jistgħu jinqabdu wkoll.
Xi proprjetà ma tistax tinqabad. Dan huwa l-każ ta’ proprjetà benefiċjarja Ir-regoli dwar il-proprjetà benefiċjarja ġeneralment japplikaw biss għall-persuni fiżiċi. Proprjetà benefiċjarja tirreferi, pereżempju, għal
- ħwejjeġ u oġġetti oħra ta’ valur raġonevoli għall-użu personali tad-debitur;
- għamara, apparat domestiku u tagħmir ieħor meħtieġ għall-funzjonament u għall-manutenzjoni ta’ dar,
- għodda u tagħmir ieħor meħtieġa għall-għajxien jew għat-taħriġ professjonali tad-debitur,
- affarijiet personali bħal midalji u trofej sportivi li jkollhom tant valur personali kbir għad-debitur, li ma jkunx ġust li jinqabdu,
- flus u bilanċi fil-bank, eċċ. li jkunu raġonevolment meħtieġa għall-manteniment tad-debitur sakemm jasal l-introjtu mistenni li jkopri l-ħtiġijiet tiegħu. Bħala regola, dan il-perjodu ma jkunx ta’ aktar minn xahar.
Il-proprjetà tista’ tkun ukoll protetta kontra l-qbid taħt regolamenti speċifiċi. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ kumpens.
Il-qbid tal-qligħ jista’ japplika biss fuq l-ammont żejjed minn dak li d-debitur ikollu bżonn biex imantni lilu nnifsu u lil familtu.
F’dan ir-rigward, xi pretensjonijiet ikollhom preċedenza fuq oħrajn. Pretensjoni relatata ma’ kontribuzzjonijiet ta’ manteniment jew ma’ kumpens minħabba reat tieħu preċedenza fuq proċedimenti individwali oħra.
4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni
Ladarba l-proprjetà tkun inqabdet, id-debitur ma jkollux l-istess kontroll fuqha bħal qabel. Id-debitur ma jkunx jista’ juża l-proprjetà għad-detriment tar-rikorrent permezz ta’ trasferiment jew bi kwalunkwe mod ieħor, sakemm l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni ma tkunx ippermettiet dan għal raġunijiet speċifiċi wara li tkun ikkonsultat lir-rikorrent.
Kull min jagħmel użu illegali minn proprjetà maqbuda jista’ jiffaċċja pieni kriminali.
Deċiżjoni dwar qbid tagħti drittijiet prijoritarji fuq il-proprjetà.
F’kawża ta’ eżekuzzjoni, parti terza trid tiddikjara fit-terminu deċiż mill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni jekk id-debitur għandux pretensjonijiet jew affarijiet oħra magħha li jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi vvalutat kemm għandu proprjetà d-debitur li tista’ tinqabad. Id-dmir tal-iżvelar japplika wkoll għal kwalunkwe parti terza li jkollha fil-pussess tagħha proprjetà tad-debitur permezz ta’, pereżempju, rahan jew depożitu. Bank huwa meħtieġ, pereżempju li jagħti d-dettalji tal-kontijiet bankarji tad-debitur, tal-kaxxi tad-depożiti siguri jew ta’ kwalunkwe proprjetà oħra fil-kustodja tal-bank. Il-qraba u l-ħbieb tad-debitur ukoll ikollhom id-dmir li jiżvelaw informazzjoni.
L-informazzjoni minn partijiet terzi tista’ tintalab bil-fomm jew bil-miktub, u jekk ikun meħtieġ, partijiet terzi jistgħu jiġu interrogati. Jistgħu jiġu mġiegħla jikkonformaw ma’ dan taħt piena ta’ multa jew priġunerija.
Il-proprjetà maqbuda tista’ tinbiegħ b’mod obbligatorju u mingħajr dewmien mill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni. Il-bejgħ obbligatorju ġeneralment isir permezz ta’ subbasti pubbliċi, iżda xi drabi jista’ jsir privatament.
Il-flejjes riċevuti fil-kawżi ta’ eżekuzzjoni jridu jiġu rrappurtati u mħallsa lir-rikorrent malajr kemm jista’ jkun.
4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni
Ma hemm l-ebda terminu massimu għall-validità ta’ deċiżjoni dwar qbid. Madankollu, il-leġiżlazzjoni tassumi li l-proprjetà maqbuda tinbiegħ mingħajr dewmien; ara 4.2.
Jekk ikun possibbli, l-iżgumbrament għandu jseħħ fi żmien 4 ġimgħat minn meta d-dokumenti meħtieġa jaslu għand l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni.
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Ġenituri
Deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tidħol fis-seħħ immedjatament, jekk ma jiġix iddikjarat mod ieħor. Din tapplika sakemm tittieħed deċiżjoni oħra. L-ordni ta’ multa normalment tgħid li trid tittieħed azzjoni f’ċertu żmien, pereżempju li l-minuri jingħadda lir-rikorrent. Deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni rigward il-kuntatt normalment tiddikjara meta jista’ jsir kuntatt.
Deċiżjoni fil-kwistjoni tal-eżekuzzjoni ma timpedix l-eżami ta’ rikors ġdid.
5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni
Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità ta’ Eżekuzjoni ġeneralment ikunu soġġetti għall-appell. L-appell jintbagħat lill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni, li tippreżentah lill-qorti distrettwali.
Il-persuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni tista’ tappella kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni jekk din tkun kontriha. Id-deċiżjonijiet dwar il-qbid tal-qligħ jistgħu jiġu appellati mingħajr terminu preskrittiv partikolari. Id-deċiżjonijiet dwar il-qbid ta’ assi oħra jistgħu jiġu appellati fi żmien 3 ġimgħat minn meta jiġu nnotifikati. Partijiet terzi jistgħu jappellaw kontra dan il-qbid mingħajr terminu preskrittiv partikolari.
Il-qorti distrettwali tista’ tiddeċiedi li ma tittieħed l-ebda azzjoni ta’ eżekuzzjoni f’dak il-mument (dan jissejjaħ inibizzjoni) jew li azzjoni li tkun diġà ttieħdet għandha tiġi rrevokata, jekk issib raġunijiet speċifiċi għal dan.
Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Ġenituri
Id-deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar l-eżekuzzjoni tista’ titressaq quddiem il-qorti tal-appell. L-appelli jridu jitressqu bil-miktub u jiġu ppreżentati lill-qorti distrettwali. It-terminu preskrittiv għall-appelli huwa ta’ 3 ġimgħat.
6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni fih dispożizzjonijiet li jillimitaw il-possibilità ta’ eżekuzzjoni, pereżempju biex jiġi protett id-debitur. Sa ċertu punt, id-debitur jista’ jipprevjeni li sseħħ l-eżekuzzjoni, billi joġġezzjona għaliha, pereżempju għaliex tkun ġiet preskritta. L-aktar eżempji komuni ta’ restrizzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni huma li xi proprjetà u xi assi huma esklużi mill-qbid minħabba l-bżonnijiet tad-debitur. Il-qbid ta’ beni materjali jista’, pereżempju jeskludi dak li huwa magħruf bħala “beneficium” (“proprjetà li ma tistax tinqabad”) bħal flus li d-debitur ikun jeħtieġ għall-manteniment immedjat tiegħu. Il-qbid tal-qligħ jeskludi “ammont ta’ riżerva” biex ikopri l-ispejjeż normali tal-għajxien u l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni tad-debitur.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.