1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
L-eżekuzzjoni obbligatorja (Zwangsvollstreckung) hija l-proċedura użata biex jiġu eżegwiti jew iggarantiti b’mod obbligatorju l-pretensjonijiet tal-kredituri kontra d-debituri. L-Istat għandu s-setgħa li jeżegwixxi, u jopera permezz tar-rappreżentanti tiegħu b’konformità mal-awtorità sovrana tiegħu.
Hemm diversi miżuri disponibbli għall-eżekuzzjoni tal-pretensjoni tal-kreditur:
- Mandat ta’ sekwestru (Pfändung) ta’ oġġetti
- Mandat ta’ sekwestru ta’ pretensjonijiet u beni oħrajn miżmuma mid-debitur (b’mod partikulari, mandat ta’ sekwestru ta’ kontijiet bankarji jew mandat ta’ sekwestru tal-qligħ)
- Mandat ta’ deskrizzjoni (Vermögensauskunft)
- Miżuri koerċittivi (Zwangsmaßnahmen) li jiżguraw li l-beni jiġu ċeduti jew li jiżguraw li jittieħdu ma jittiħdux azzjonijiet
- Reġistrazzjoni ta’ ipoteka biex tiggarantixxi pretensjoni (Sicherungshypothek)
- Bejgħ furzat (Zwangsversteigerung)
- Riċevitura (Zwangsverwaltung).
L-eżekuzzjoni obbligatorja fil-Ġermanja hija rregolata mill-Artikoli 704 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO) u mill-Att dwar il-Bejgħ Furzat u r-Riċevitura (Gesetz über die Zwangsversteigerung und Zwangsverwaltung – ZVG).
L-Artikoli 946 et seq. ZPO fihom dispożizzjonijiet relatati mar-Regolament (UE) Nru 655/2014, li jirregola l-infurzar transfruntier tal-pretensjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE.
2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
Il-qorti lokali (Amtsgericht) li fid-distrett tagħha d-debitur ikollu l-post tar-residenza tiegħu għandha kompetenza bħala l-qorti tal-eżekuzzjoni għal kwistjonijiet ta’ eżekuzzjoni relatati ma’ pretensjonijiet u assi oħra. Jekk id-debitur ma jkollu l-ebda post ta’ residenza fil-Ġermanja, il-qorti li fid-distrett tagħha jinsabu l-assi jkollha l-kompetenza (l-Artikoli 13, 23 u 828 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Il-qorti lokali li fid-distrett tagħha tinsab ir-roqgħa art għandha l-kompetenza bħala l-qorti ta’ eżekuzzjoni għall-bejgħ furzat u r-riċevitura (l-Artikolu 869 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili flimkien mal-Artikolu 1 tal-Att dwar il-bejgħ furzat u r-riċevitura (Gesetz über die Zwangsversteigerung und Zwangsverwaltung).
Ipoteka li tiggarantixxi pretensjoni tiġi rreġistrata fl-uffiċju tar-reġistru tal-artijiet fis-sede tal-qorti lokali fejn jinżamm ir-reġistru tal-artijiet (l-Artikolu 867 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Artijiet (Grundbuchordnung)).
Il-qorti tal-prim’istanza għandha l-kompetenza biex teżegwixxi t-twettiq ta’ azzjonijiet, l-aċċettazzjoni tagħhom jew l-astensjoni mit-twettiq ta’ dawk l-azzjonijiet (l-Artikoli, 887, 888, 890 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
3.1 Il-proċedura
Il-proċedura tiddependi mill-miżura ta’ eżekuzzjoni rispettiva mitluba. L-eżekuzzjoni sseħħ abbażi ta’ sentenzi finali li ma jkunux għadhom appellabbli jew li jkunu eżegwibbli proviżorjament (l-Artikolu 704 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), mandat ta’ sekwestru kawtelatorju (Arrest) u mandati kawtelatorji (einstweilige Verfügungen, (l-Artikoli 929, 936 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) u d-dokumenti eżekutorji l-oħrajn elenkati fl-Artikolu 794 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili; dan jinkludi mhux biss digrieti tal-qorti iżda wkoll, b’mod partikolari, ftehimiet li jintlaħqu quddiem bord tal-arbitraġġ (Vergleiche vor Gütestellen), ftehimiet imfassla minn avukati (Anwaltsvergleiche), u atti notarili (notarielle Urkunden). Il-miżura ta’ eżekuzzjoni tista’ tintalab mill-korp kompetenti bl-użu tad-dokument eżekutorju.
Il-qrati jiddeċiedu dwar ir-rikors tal-kreditur, tipikament mingħajr ma qabel jisimgħu lid-debitur sabiex jiġi evitat li jiġi pperikolat is-suċċess tal-eżekuzzjoni. Id-dritt għal smigħ jingħata bħala parti mill-miżura. Id-deċiżjoni dwar ir-rikors tinħareġ fil-forma ta’ digriet. Id-deċiżjonijiet tal-qorti jistgħu jiġu appellati permezz ta’ oġġezzjoni (l-Artikolu 766 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jew ilment immedjat (l-Artikolu 793 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
L-ebda rappreżentazzjoni legali ma hi meħtieġa fil-prinċipju (l-Artikolu 78 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
L-attenzjoni tal-attivitajiet tal-uffiċjal ġudizzjarju hija fuq l-eżekuzzjoni kontra l-proprjetà mobbli. Fil-kuntest ta’ ftehimiet bonarji (l-Artikolu 802b tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), l-uffiċjal ġudizzjarju għandu s-setgħa fil-prinċipju li jippermetti lid-debitur iħallas b’pagamenti parzjali, u huwa responsabbli biex jiżgura li l-proċedura tal-eżekuzzjoni tiġi konkluża fil-ħin u b’mod effettiv. Wieħed mill-obbligi ewlenin tal-uffiċjal ġudizzjarju huwa li jieħu dikjarazzjoni ġuramentata tal-assi mingħand id-debitur. Barra minn hekk, l-uffiċjal ġudizzjarju huwa responsabbli għal dawn li ġejjin:
- l-irkupru ta’ proprjetà mobbli u immobbli (żgumbrament);
- li tingħeleb ir-reżistenza min-naħa tad-debitur għal azzjonijiet li d-debituri huma meħtieġa jaċċettaw;
- in-notifika, wara talba ta’ parti, ta’ dokumenti meħtieġa għall-eżekuzzjoni obbligatorja;
- l-eżekuzzjoni tal-mandati għal sekwestru kawtelatorju u mandati kawtelatorji (meta din ma tkunx kwistjoni għall-qorti);
- l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest wara rifjut ta’ forniment tad-deskrizzjoni tal-beni.
L-uffiċjal ġudizzjarju huwa uffiċjal tal-qorti f’Land, u jaqa’ taħt is-superviżjoni amministrattiva tal-imħallef li jippresjedi l-qorti lokali. Fl-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’eżekuzzjoni l-uffiċjali ġudizzjarji huma korp ġudizzjarju indipendenti u, fill-prinċipju, jeżerċitaw l-awtorità tagħhom b’mod awtonomu. Il-miżuri meħuda u d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż imfassla mill-uffiċjal ġudizzjarju jistgħu jiġi kkontestati taħt l-Artikolu 766 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. L-istess japplika jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jirrifjuta li jeżegwixxi l-mandat. L-oġġezzjonijiet kontra n-natura tal-eżekuzzjoni obbligatorja (Erinnerung) jiġu deċiżi mill-qorti b’ġuriżdizzjoni għall-eżekuzzjoni.
Spejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni:
Il-liġi tipprevedi metodi differenti ta’ eżekuzzjoni, skont il-pretensjoni li trid tiġi żgurata. Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni differenti għandhom spejjeż differenti:
- a. Mandat ta’ sekwestru ta’ oġġetti:
Meta d-dritt għal pagament ta’ somma ta’ flus speċifika jiġi aċċettat, il-kreditur jista’ jitlob lill-uffiċjal ġudizzjarju biex jeżegwixxi l-pagament. Tariffa ta’ €31.20 hija pagabbli għas-sekwestru tal-beni mobbli tad-debitur mill-uffiċjal ġudizzjarju, f’konformità mal-punt 205 tal-iskeda tat-tariffi (Kostenverzeichnis – KV) annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (Gerichtsvollzieherkostengesetz – GvKostG). Għall-bejgħ tal-oġġetti sekwestrati, għal irkant pubbliku li wieħed jista’ jattendi personalment jew permezz ta’ rkant aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ pjattaforma tal-irkanti, jew għal realizzazzjoni f’xi forma oħra, trid titħallas tariffa addizzjonali ta’ €62.40, f’konformità mal-punt 300 tal-iskeda tat-tariffi tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Uffiċjali Ġudizzjarji. Bħala prinċipju bażiku, jiġi impost ukoll ħlas addizzjonali għall-ħin, f’konformità mal-punt 500 tal-iskeda tat-tariffi mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Uffiċjali Ġudizzjarji, jekk ir-rapport imfassal mill-uffiċjal ġudizzjarju jindika li l-eżekuzzjoni tal-att uffiċjali tkun ħadet iktar minn 3 sigħat. Il-ħlas addizzjonali jammonta għal €24.00 għal kull siegħa addizzjonali jew frazzjoni minnha. Barra minn hekk, hemm l-ispejjeż tal-uffiċjal ġudizzjarju speċjalment fil-forma ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar (punt 711 tal-iskeda tat-tariffi mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-uffiċjali ġudizzjarji).
- b. Mandat ta’ sekwestru ta’ pretensjonijiet tad-debitur:
Ordni biex titħallas somma ta’ flus tista’ tiġi ggarantita wkoll permezz ta’ rikors quddiem il-qorti għal mandat ta’ sekwestru ta’ pretensjoni tad-debitur (pereżempju għall-pagament ta’ qligħ) u ċ-ċessjoni tagħha lill-kreditur, b’pagamenti li jitnaqqsu mid-dejn (zur Einziehung, “għall-ġbir”) jew iċ-ċessjoni sservi ta’ saldu tal-pretensjoni tal-kreditur fuq id-debitur (an Zahlungs statt, “minflok pagament”) (l-Artikoli 829, 835 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Bħala regola, mandat ta’ sekwestru u ċessjoni ta’ pretensjoni isir rikors għalihom b’mod konġunt u kkombinat f’deċiżjoni ta’ mandat ta’ sekwestru u ċessjoni. Tariffa ta’€24.00 hija pagabbli għall-proċeduri fuq ir-rikorsi, taħt 2111 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (Gerichtskostengesetz – GKG). Iridu jitħallsu wkoll l-ispejjeż imġarrba mill-uffiċjal ġudizzjarju għan-notifika tad-deċiżjoni ta’ sekwestru u ċessjoni lid-debitur terz u lid-debitur.
- c. Teħid ta’ dikjarazzjoni tal-assi:
L-uffiċjal ġudizzjarju jimponi tariffa ta’ €39.50 biex tittieħed dikjarazzjoni tal-assi, taħt punt 260 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-uffiċjali ġudizzjarji.
- d. Eżekuzzjoni kontra proprjetà immobbli:
L-eżekuzzjoni obbligatorja kontra l-proprjetà immobbli tad-debitur tieħu l-forma ta’ self ipotekarju mdaħħal fir-reġistru tal-artijiet, jew bejgħ furzat jew riċevitura tal-proprjetà.
Għad-dħul ta’ self ipotekarju fir-reġistru tal-artijiet biex tiġi ġarantita pretensjoni, trid titħallas tariffa, skont il-punt 14121 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti u tan-Nutara (Gerichts- und Notarkostengesetz – GNotKG), bir-rata ta’1.0 % bbażata fuq il-valur tal-pretensjoni li trid tiġi ggarantita (l-Artikolu 53(1) tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti u tan-Nutara). Tabella tat-tariffi għal valuri sa massimu ta’ €3 miljun hija mogħtija f’ Anness 1.
It-tariffi tal-qorti għal proċeduri skont l-Att dwar Bejgħ Furzat u Riċevitura huma determinati mill-Parti 2, Taqsima 2, Subpartijiet 1 u 2 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti. Tariffa ta’ €120.00 hija pagabbli għal deċiżjoni dwar rikors għal ordni għall-bejgħ furzat ta’ art jew dwar talba biex tintervjeni fil-proċeduri. Hemm ukoll tariffa għall-proċeduri stess, tariffa biex jinżamm mill-inqas irkant wieħed b’sejħa għall-offerti, tariffa biex jiġi konkluż il-bejgħ, u tariffa biex jitqassmu r-rikavati; kull waħda minn dawn it-tariffi tammonta għal 0.5. It-tariffi għall-proċeduri u biex jinżamm l-irkant jiġu determinati b’referenza għall-valur tal-proprjetà aċċettata mill-qorti tal-eżekuzzjoni (valur tas-suq, Artikolu 54(1) tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti). It-tariffi biex jitqassmu r-rikavati jiġu determinati abbażi tal-offerta rebbieħa, wara li jitnaqqas l-imgħax, inkluż il-valur ta’ kwalunkwe drittijiet pendenti skont it-termini tal-irkant (l-Artikolu 54(2) u (3) tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti). It-tariffa għall-konklużjoni tal-bejgħ trid tqis ukoll l-ammont li l-offerent iqis sodisfaċenti mir-rikavat tal-bejgħ tal-art (l-Artikolu 54(2) tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti). Tabella tat-tariffi għal valuri sa massimu ta’ €500 000 qiegħda f’Annes 2. Minbarra l-miżati, l-ispejjeż imġarrba fil-proċeduri jiġu mitluba separatament, skont il-Parti 9 tal-iskeda tat-tarifffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti; dawn jinkludu l-ispejjeż li jridu jitħallsu għall-valutazzjoni tal-valur tas-suq tal-proprjetà mis-surveyor skont l-Att dwar ir-Rimunerazzjoni Ġudizzjarja u l-Kumpens (Justizvergütungs- und entschädigungsgesetz – JVEG) (punt 9005 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti).
Tariffa ta’ €120.00 hija pagabbli għal deċiżjoni dwar ir-rikors għal ordni ta’ riċevitura jew dwar talba biex tintervjeni fil-proċeduri. Ir-riċevitura stess hija soġġetta għal tariffa annwali bir-rata ta’ 0.5, b’minimu ta’ €144.00 kumplessivament u minimu ta’ €72.00 f’kull wieħed mill-ewwel u l-aħħar snin kalendarju. L-ammont tat-tariffa huwa determinat b’referenza għad-dħul totali mir-riċevitura (l-Artikolu 55 tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti).
- e. Miżuri ta’ rkupru u koerċittivi li jiżguraw li l-azzjonijiet jittieħdu, jitħallew isiru jew jinżammu milli jsiru:
Jekk id-debitur ikun rikjest li jċedi l-proprjetà mobbli, il-proprjetà trid tiġi rkuprata mingħand id-debitur permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju u tgħaddi għand il-kreditur. Għal dan l-att uffiċjali, l-uffiċjal ġudizzjarju jimponi tariffa ta’ €31.20, skont il-punt 221 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Uffiċjali Ġudizzjarji. Minbarra din it-tariffa, jiġi impost ħlas addizzjonali għall-ħin skont il-punt 500 tal-iskeda, jekk ir-rapport imfassal mill-uffiċjal ġudizzjarju jindika li l-eżekuzzjoni tal-att uffiċjali tkun ħadet iktar minn 3 sigħat. Il-ħlas addizzjonali jammonta għal €24.00 għal kull siegħa addizzjonali jew frazzjoni minnha.
Jekk id-debitur ikun meħtieġ iċedi proprjetà immobbli, l-uffiċjal ġudizzjarju irid jieħu l-pussess mingħand id-debitur u jagħti l-pussess lill-kreditur (żgumbrament). Tariffa ta’ €163.50 hija imposta skont il-punt 240 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Uffiċjali Ġudizzjarji. Hawnhekk ukoll jiġi impost ħlas addizzjonali ta’ €24.00 għall-ħin, skont il-punt 500 tal-iskeda, għal kull siegħa addizzjonali jew frazzjoni minnha, jekk l-eżekuzzjoni tal-att uffiċjali tieħu aktar minn 3 sigħat. Barra minn hekk, jiġu imposti wkoll l-ispejjeż tal-uffiċjal ġudizzjarju skont is-Subparti 7 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Uffiċjali Ġudizzjarji, inklużi l-ispejjeż tas-servizzi meħtieġa pprovduti minn terzi, bħall-ġarr jew is-servizzi ta’ ħaddied tas-serraturi.
Fil-proċeduri quddiem il-qorti biex jiġi mġiegħel it-twettiq ta’ azzjoni (kemm jekk tista’ titwettaq biss mid-debitur jew jekk tista’ titwettaq minn persuna oħra minfloku jew minflokha), biex azzjoni titħalla ssir, jew biex azzjoni tinżamm milli ssir, trid titħallas tariffa tal-qorti li tammonta għal €24.00 f’kull każ, skont il-punt 2111 tal-iskeda tat-tariffi annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti.
3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni fuq talba tal-kreditur huma ammissibbli biss jekk il-kreditur ikollu dokument eżekutorju li jistabbilixxi l-pretensjoni tiegħu. Dan jista’ jkun sentenza finali li ma tkunx għadha appellabbli jew li tkun eżegwibbli proviżorjament (l-Artikolu 704 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jew wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Artikolu 794 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (pereżempju ftehim ġudizzjarju (gerichtlicher Vergleich), mandat ta’ eżekuzzjoni (Vollstreckungsbescheid), jew att notarili). Bħala regola ġenerali, id-dokumenti għandu jinkludi digriet tal-eżekuzzjoni (Vollstreckungsklausel) li jiċċertifika l-eżegwibbiltà tad-dokument (l-Artikolu 724 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Digriet tal-eżekuzzjoni huwa meħtieġ biss f’każijiet eċċezzjonali ta’ mandati ta’ eżekuzzjoni, mandati ta’ sekwestru kawtelatorji u mandati kawtelatorji (l-Artikolu 796 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili; l-Artikoli 929(1), 936 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tista’ tibda biss jekk id-dokument ikun diġà ġie nnotifikat lid-debitur jew jiġi nnotifikat fl-istess ħin (l-Artikolu 750(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?
Il-beni mobbli, il-pretensjonijiet u drittijiet oħra ta’ proprjetà u proprjetà immobbli tad-debitur jistgħu jkunu soġġetti għal eżekuzzjoni.
L-Artikolu 811 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jispeċifika ċerti assi li ma jistgħux jiġu ssekwestrati. L-għan huwa li d-debitur u l-unità domestika tiegħu jitħallew iżommu l-minimu essenzjali għal użu personali jew professjonali, pereżempju.
Japplikaw ukoll restrizzjonijiet fuq il-mandat ta’ sekwestru għad-dħul li jkun qala’ d-debitur. L-Artikoli 850 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedu ċerti ammonti li ma jistgħux jiġu sekwestrati, billi d-debituri jkollhom bżonnhom biex jipprovdu għall-għajxien tagħhom. Il-bilanċi ta’ kreditu jistgħu jiġu protetti f’“kont eżenti mis-sekwestru” (Pfändungsschutzkonto, l-Artikolu 850k tal-Kodiċi tal-Proeċedura Ċivili). L-ammonti speċifiċi li huma eżenti mis-sekwestru jinżammu f’dawn il-kontijiet irrispettivament mill-oriġini tal-bilanċ tal-kreditu, u barra minn hekk jistgħu jiġu ppreżentati provi lill-istituzzjoni tal-kreditu dwar ammonti oħrajn li huma eżenti mis-sekwestru (l-Artikoli 899 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?
- Rigward id-debitur
L-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni monetarja kontra l-proprjetà mobbli tad-debitur isseħħ permezz ta’ mandat ta’ sekwestru u r-realizzazzjoni tal-proprjetà sekwestrata. Il-mandat ta’ sekwestru huwa att uffiċjali li jwassal għall-konfiska tal-oġġett issekwestrat. Fost effetti oħrajn, il-konfiska ċċaħħad lid-debitur mis-setgħa li jiddisponi mill-oġġett sekwestrat.
- Fir-rigward tal-kreditur
Il-kreditur jakkwista dritt ta’ rahan (Pfandrecht) fuq l-oġġett issekwestrat b’riżultat tas-sekwestru (l-Artikolu 804(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Id-dritt ta’ rahan li jirriżulta minn sekwestru jistabbilixxi dritt għall-użu tal-oġġett sekwestrat u li għandu jiġi ssodisfat mir-rikavat.
- Rigward partijiet terzi
Meta l-pretensjonijiet tad-debitur kontra parti terza jiġu ssekwestrati u ċeduti, dan id-“debitur terz” ma jistax ikompli jħallas lid-debitur; id-debitur jista’ jissalda d-dejn dovut lill-kreditur biss jekk iħallas id-dejn titrasferit lil dan tal-aħħar għall-irkupru. Debitur terz li jikser dan l-obbligu jista’ jiffaċċja r-riskju ta’ azzjoni għad-danni.
Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jkun issekwestra ben mobbli li ma jkunx jappartjeni lid-debitur iżda lil parti terza, il-parti terza tista’ topponi s-sekwestru ta’ dak il-ben permezz ta’ oġġezzjoni ta’ parti terza (Drittwiderspruchsklage, l-Artikolu 771 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?
Il-pretensjonijiet li ma jkunux għadhom appellabbli u l-pretensjonijiet taħt ftehimiet jew atti eżegwibbli huma soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ 30 sena skont l-Artikolu 197 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch – BGB). Il-kreditur jista’ jibda proċeduri ta’ eżekuzzjoni fi kwalunkwe żmien matul dak il-perjodu. B’mod partikolari, japplika dan li ġej għall-perjodu ta’ preskrizzjoni: skont l-Artikolu 212(1)(2) tal-Kodiċi Ċivili, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri jekk il-kreditur iressaq rikors għal eżekuzzjoni mill-qorti jew amministrattiva f’dak il-perjodu jew jekk dak l-att jitwettaq. Iż-żmien li jkun għadda sa dak il-punt b’hekk jiġi injorat għall-finijiet tal-kalkolu tal-perjodu ta’ preskrizzjoni.
5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
Ma hemm l-ebda proċedura skont il-liġi Ġermaniża biex tingħata eżekuzzjoni ġenerali għall-instrumenti domestiċi. Minn dan isegwi li lanqas ma hemm rimedju speċifiku f’dan ir-rigward.
L-istrumenti barranin li jridu jiġu eżekwiti fil-Ġermanja skont trattati internazzjonali bilaterali jew multilaterali ġeneralment, jeħtieġu dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà minn qorti Ġermaniża. Il-ġuriżdizzjoni taqa’ f’idejn il-qorti reġjonali tad-distrett li fih id-debitur ikun residenti (l-Artikolu 3 tal-Att għall-implimentazzjoni ta’ trattati internazzjonali u għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (Gesetz zur Ausführung zwischenstaatlicher Verträge und zur Durchführung von Abkommen der Europäischen Union auf dem Gebiet der Anerkennung und Vollstreckung in Zivil- und Handelssachen)). Jekk id-debitur ma jkunx residenti fil-Ġermanja, il-qorti tad-distrett fejn trid issir l-eżekuzzjoni jkollha l-ġuriżdizzjoni. Il-qorti tieħu deċiżjoni mingħajr ma tisma’ lid-debitur (l-Artikolu 6(1) tal-Att għall-implimentazzjoni ta’ trattati internazzjonali u għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni f’materji ċivili u kummerċjali). Skont l-Artikolu 11 tal-Att għall-implimentazzjoni ta’ trattati internazzjonali u għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, jista’ jitressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti reġjonali dwar ir-rikors għal mandat ta’ eżekuzzjoni. L-appell jitressaq bil-preżentata ta’ notifika ta’ appell jew permezz ta’ dikjarazzjoni li għandha tiddaħħal fil-verbal. Il-qorti tal-appell hija l-Qorti Reġjonali Għolja.
Madanakollu, ordnijiet ta’ ħlas Ewropej skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006, l-Ordnijiet Ewropej ta’ Infurzar iċċertifikati minn Stat Membru ieħor tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 u strumenti maħruġa fi Stat Membru ieħor tal-UE oħra fi proċedimenti skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 jew ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ma jeħtiġux dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà minn qorti Ġermaniża (l-Artikolu 794 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, id-debituri jistgħu jressqu appell kontra miżuri u deċiżjonijiet li jaffetwawhom b’mod avverż. Jistgħu jressqu oġġezzjoni (Erinnerung) kontra l-mod tal-eżekuzzjoni (l-Artikolu 766 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jistgħu jressqu ilment immedjat (Beschwerde) kontra deċiżjoni meħuda fi proċeduri fejn ma tkun saret l-ebda seduta (l-Artikoli 793, 567 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Dan l-ilment irid jitressaq f’perjodu ta’ ġimagħtejn quddiem il-qorti li d-deċiżjoni tagħha qed tiġi kkontestata, jew quddiem il-qorti tal-appell.
Madanakollu, f’każ ta’ instrumenti barranin soġġetti għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, dan japplika biss malli jinħareġ il-mandat ta’ eżekuzzjoni.
Ir-rikors ta’ dan ir-rimedju ma għandu l-ebda impatt fuq il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni mibdija; ma hemm l-ebda effett sospensiv.
Ir-rimedji (oġġezzjoni u lment immedjat) huma disponibbli wkoll għall-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti (pereżempju, il-kredituri).
6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Is-sekwestru tal-beni kollha tad-debitur (Kahlpfändung) mhuwiex permess. Diversi salvagwardji huma fis-seħħ bil-għan li jiġi żgurat li d-debituri u l-qraba dipendenti tagħhom ikollhom il-mezzi meħtieġa għall-għajxien, ara l-punt 4.1 hawn fuq.
Hemm ukoll projbizzjoni fuq is-sekwestru ta’ aktar milli hu meħtieġ biex jiġi ssodisfat il-kreditur u biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni (projbizzjoni ta’ sekwestru eċċessiv (Verbot der Überpfändung, l-Artikolu 803 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)).
L-Anness 1 (l-Anness 2 sal-Artikolu 34(3) tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti u Notarili)
| Valur kummerċjali sa €… |
Tariffa Tabella B €… |
Valur kummerċjali sa €… |
Tariffa Tabella B €… |
Valur kummerċjali sa €… |
Tariffa Tabella B €… |
| 500 | 15.00 | 200 000 | 435.00 | 1 550 000 | 2 615.00 |
| 1 000 | 19.00 | 230 000 | 485.00 | 1 600 000 | 2 695.00 |
| 1 500 | 23.00 | 260 000 | 535.00 | 1 650 000 | 2 775.00 |
| 2 000 | 27.00 | 290 000 | 585.00 | 1 700 000 | 2 855.00 |
| 3 000 | 33.00 | 320 000 | 635.00 | 1 750 000 | 2 935.00 |
| 4 000 | 39.00 | 350 000 | 685.00 | 1 800 000 | 3 015.00 |
| 5 000 | 45.00 | 380 000 | 735.00 | 1 850 000 | 3 095.00 |
| 6 000 | 51.00 | 410 000 | 785.00 | 1 900 000 | 3 175.00 |
| 7 000 | 57.00 | 440 000 | 835.00 | 1 950 000 | 3 255.00 |
| 8 000 | 63.00 | 470 000 | 885.00 | 2 000 000 | 3 335.00 |
| 9 000 | 69.00 | 500 000 | 935.00 | 2 050 000 | 3 415.00 |
| 10 000 | 75.00 | 550 000 | 1 015.00 | 2 100 000 | 3 495.00 |
| 13 000 | 83.00 | 600 000 | 1 095.00 | 2 150 000 | 3 575.00 |
| 16 000 | 91.00 | 650 000 | 1 175.00 | 2 200 000 | 3 655.00 |
| 19 000 | 99.00 | 700 000 | 1 255.00 | 2 250 000 | 3 735.00 |
| 22 000 | 107.00 | 750 000 | 1 335.00 | 2 300 000 | 3 815.00 |
| 25 000 | 115.00 | 800 000 | 1 415.00 | 2 350 000 | 3 895.00 |
| 30 000 | 125.00 | 850 000 | 1 495.00 | 2 400 000 | 3 975.00 |
| 35 000 | 135.00 | 900 000 | 1 575.00 | 2 450 000 | 4 055.00 |
| 40 000 | 145.00 | 950 000 | 1 655.00 | 2 500 000 | 4 135.00 |
| 45 000 | 155.00 | 1 000 000 | 1 735.00 | 2 550 000 | 4 215.00 |
| 50 000 | 165.00 | 1 050 000 | 1 815.00 | 2 600 000 | 4 295.00 |
| 65 000 | 192.00 | 1 100 000 | 1 895.00 | 2 650 000 | 4 375.00 |
| 80 000 | 219.00 | 1 150 000 | 1 975.00 | 2 700 000 | 4 455.00 |
| 95 000 | 246.00 | 1 200 000 | 2 055.00 | 2 750 000 | 4 535.00 |
| 110 000 | 273.00 | 1 250 000 | 2 135.00 | 2 800 000 | 4 615.00 |
| 125 000 | 300.00 | 1 300 000 | 2 215.00 | 2 850 000 | 4 695.00 |
| 140 000 | 327.00 | 1 350 000 | 2 295.00 | 2 900 000 | 4 775.00 |
| 155 000 | 354.00 | 1 400 000 | 2 375.00 | 2 950 000 | 4 855.00 |
| 170 000 | 381.00 | 1 450 000 | 2 455.00 | 3 000 000 | 4 935.00 |
| 185 000 | 408.00 | 1 500 000 | 2 535.00 |
L-Anness 2 (l-Anness 2 sal-Artikolu 34(1), it-tielet sentenza tal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti u Notarili)
| Ammont inkwistjoni sa €... |
Tariffa €... |
Ammont inkwistjoni sa €... |
Tariffa €... |
| 500 | 40.00 | 50 000 | 638.00 |
| 1 000 | 61.00 | 65 000 | 778.00 |
| 1 500 | 82.00 | 80 000 | 918.00 |
| 2 000 | 103.00 | 95 000 | 1,058.00 |
| 3 000 | 125.50 | 110 000 | 1,198.00 |
| 4 000 | 148.00 | 125 000 | 1,338.00 |
| 5 000 | 170.50 | 140 000 | 1,478.00 |
| 6 000 | 193.00 | 155 000 | 1,618.00 |
| 7 000 | 215.50 | 170 000 | 1,758.00 |
| 8 000 | 238.00 | 185 000 | 1,898.00 |
| 9 000 | 260.50 | 200 000 | 2,038.00 |
| 10 000 | 283.00 | 230 000 | 2,248.00 |
| 13 000 | 313.50 | 260 000 | 2,458.00 |
| 16 000 | 344.00 | 290 000 | 2,668.00 |
| 19 000 | 374.50 | 320 000 | 2,878.00 |
| 22 000 | 405.00 | 350 000 | 3,088.00 |
| 25 000 | 435.50 | 380 000 | 3,298.00 |
| 30 000 | 476.00 | 410 000 | 3,508.00 |
| 35 000 | 516.50 | 440 000 | 3,718.00 |
| 40 000 | 557.00 | 470 000 | 3,928.00 |
| 45 000 | 597.50 | 500 000 | 4,138.00 |
Din il-paġna web hija parti minn “Your Europe”.
Agħtina l-opinjoni tiegħek dwar kemm sibt din l-informazzjoni utli.