1 L-oneru tal-provi
Parti tkun responsabbli biex turi l-fatti li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet jew l-eċċezzjonijiet ta’ dik il-parti. Ir-rikorrent irid jissostanzja t-talbiet tiegħu u l-intimat irid jissostanza l-eċċezzjonijiet tiegħu.
1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?
Il-provi jitressqu mill-partijiet fil-kawża u minn partijiet interessati oħrajn. Jekk parti fil-kawża jew parti interessata oħra ma tkunx tista’ tressaq prova partikolari, u tagħmel talba motivata f’dan is-sens, il-qorti tista’ teżiġi li titressaq dik il-prova.
1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?
Jekk il-qorti tirrikonoxxi li fatt huwa għarfien komuni, ma jkunx hemm bżonn li jiġi ppruvat.
Ma hemmx bżonn li l-fatti stabbiliti f’sentenza li tkun saret effettiva f’kawża ċivili jerġgħu jintwerew f’kawżi ċivili oħra li jinvolvu lill-istess partijiet.
Sentenza tal-qorti li tkun saret effettiva f’kawża kriminali torbot lil qorti li tkun qed tisma’ kawża dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna suġġetta għas-sentenza kriminali, iżda fir-rigward biss tal-kwistjoni dwar jekk seħħx att kriminali, jew ommissjoni, u l-kwistjoni dwar jekk tali att seħħx jew ġiex permess minn dik il-persuna.
Il-fatti li jitqiesu li ġew stabbiliti mil-liġi ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati. Dawn il-preżunzjonijiet jistgħu jiġu kkontestati f’konformità mal-proċedura ordinarja.
Parti ma għandhiex għalfejn turi l-fatti mhux ikkontestati mill-parti l-oħra f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.
1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?
Qorti trid tevalwa l-provi għas-sodisfazzjon tagħha stess, abbażi tal-provi li jkunu ġew eżaminati bir-reqqa, kompletament u oġġettivament fil-qorti, u f’konformità ma’ approċċ ġudizzjarju bbażat fuq prinċipji loġiċi, sejbiet xjentifiċi u osservazzjonijiet mill-esperjenza ta’ kuljum. Fis-sentenza tagħha l-qorti trid tispjega għaliex tat preferenza lil prova u mhux oħra, u għaliex sabet li ċerti fatti ġew ippruvati u oħrajn le. L-ebda prova ma għandha effett predeterminat li jorbot lill-qorti.
2 Is-smigħ tal-provi
2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?
Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tgħid li l-partijiet huma responsabbli biex iressqu l-provi, iżda tipprevedi wkoll ċerti każijiet fejn il-qorti tista’ teżiġi prova minn jeddha (pereżempju fejn ikunu involuti l-interessi tat-tfal). Jekk il-qorti ssib li ma tkun ġiet tressqet l-ebda prova li tissostanzja fatt jew fatti li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet jew l-eċċezzjonijiet tal-parti, hija tinnotifika lill-partijiet kif xieraq, u jekk ikun meħtieġ tistabbilixxi terminu sa meta jridu jitressqu l-provi.
2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?
Il-provi bil-miktub u dawk materjali jiġu ppreżentati mill-partijiet lill-qorti. Meta l-partijiet jirreferu għal xhieda viva voce, il-qorti tistieden lix-xhieda indikati mill-partijiet għal seduta biex tismagħhom jixhedu. Il-qorti mbagħad tinkludi dik ix-xhieda fl-atti tal-kawża.
2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?
Il-qorti taċċetta biss provi li huma previsti mil-liġi u li jkunu rilevanti għall-kawża. Il-qorti tista’ tirrifjuta li taċċetta provi mressqa wara l-14-il jum qabel is-seduta tal-qorti, ħlief jekk l-imħallef ikun stabbilixxa terminu differenti biex jitressqu l-provi. Waqt li tkun qed tinstema’ l-kawża, jistgħu jitressqu provi fuq talba motivata tal-parti fil-kawża jew ta’ parti terza, jekk dan ma jikkaġunax dewmien biex tinqata’ l-kawża, jew jekk il-qorti taċċetta li hemm raġunijiet validi għaliex il-provi ma jkunux tressqu fil-ħin, jew jekk il-provi jikkonċernaw fatti li nkixfu matul l-andament tal-proċedimenti.
Xhieda ta’ xhud ibbażata fuq informazzjoni minn sorsi mhux magħrufa, jew fuq informazzjoni miksuba minn persuni oħra, ħlief jekk dawn il-persuni jkunu ġew eżaminati mill-qorti, ma hijiex ammissibbli bħala prova.
2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?
L-osservazzjonijiet magħmula mill-partijiet fil-kawża u minn partijiet terzi interessati li jinkludu:
- informazzjoni dwar fatti li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet jew l-eċċezzjonijiet tagħhom, jekk ikunu kkorroborati minn provi oħra vverifikati u eżaminati waqt seduta fil-qorti;
- ix-xhieda ta’ xhieda u esperti;
- il-provi bil-miktub, li jikkonsistu f’dokumenti jew testi oħra li l-informazzjoni li jkun fihom dwar fatti li jkunu rilevanti għall-materja tkun irreġistrata permezz ta’ ittri, ċifri u simboli miktuba oħra jew mezzi tekniċi oħra, u kwalunkwe mezz ta’ reġistrazzjoni simili (tejps awdjo jew vidjo, disketti, eċċ.);
- provi materjali;
- perizji;
- opinjonijiet ta’ esperti;
- rapporti minn korpi pubbliċi.
2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?
Ma hemmx differenza sostanzjali: ix-xhieda ta’ esperti u ta’ xhieda oħra tikkostitwixxi prova, u d-dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-esperti wkoll huma provi. Xhud jew espert irid jidher il-qorti meta jirċievi t-taħrika mill-qorti biex jixhed il-verità dwar iċ-ċirkostanzi li jaf bihom (xhieda) jew biex jagħti opinjoni personali oġġettiva dwar il-fatti xjentifiċi, tekniċi, artistiċi jew oħrajn li jkun investiga.
2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?
L-ebda prova ma għandha effett vinkolanti predeterminat lill-qorti, iżda fis-sentenza tagħha l-qorti trid tispjega għaliex tkun tat preferenza lil xi prova u mhux lil oħra, u għaliex tkun sabet li ċerti fatti ġew ippruvati u oħrajn le.
2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?
Iva. Il-fatti li bil-liġi jistgħu jiġu ppruvati biss b’ċerti forom ta’ provi ma jistgħux jiġu ppruvati b’xi tip ta’ prova oħra.
Il-qorti taċċetta biss il-forom ta’ provi previsti mil-liġi.
2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?
Xhud li jkun ġie mħarrek biex jidher il-qorti ma għandux dritt jirrifjuta li jixhed ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi.
2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?
Il-persuni li ġejjin jistgħu jirrifjutaw li jixhdu:
- il-qraba fil-linja diretta u fl-ewwel jew it-tieni grad fil-linja kollaterali, il-konjuġi, il-qraba biż-żwieġ fl-ewwel grad, u l-membri tal-familja tal-partijiet;
- it-tuturi u l-fiduċjarji tal-partijiet, u l-persuni taħt it-tutela jew il-kurazija tal-partijiet;
- il-persuni involuti f’tilwima dwar materja oħra kontra waħda mill-partijiet.
2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?
Xhud li jkun għalaq l-14-il sena li jirrifjuta li jixhed għal raġunijiet li l-qorti tqis invalidi, jew li jagħti xhieda falza b’mod intenzjonat, jikkommetti reat skont id-Dritt Kriminali.
Jekk xhud jonqos milli jidher mingħajr ġustifikazzjoni, wara li jkun irċieva taħrika mill-qorti jew mill-imħallef, jista’ jiġi kkundannat iħallas multa ta’ mhux aktar minn EUR 60 jew jiġi mġiegħel jitla’ l-qorti.
2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?
L-ekkleżjastiċi ma humiex meħtieġa jixhdu dwar fatti li jkunu saru jafu dwarhom permezz tal-qrar, u persuni li minħabba l-kariga jew il-professjoni tagħhom ma jistgħux jiżvelaw ċerta informazzjoni fdata lilhom ma humiex meħtieġa jixhdu dwar tali informazzjoni;
- il-minuri ma humiex meħtieġa jixhdu dwar fatti li jikkostitwixxu provi kontra l-ġenituri jew in-nanniet tagħhom, jew ħuthom;
- il-persuni li minħabba mard mentali jew fiżiku ma jkunux kapaċi jevalwaw iċ-ċirkostanzi rilevanti għall-kawża kif suppost ma humiex meħtieġa jixhdu;
- il-minuri taħt is-7 snin ma humiex meħtieġa jixhdu.
2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?
Persuna mħarrka bħala xhud trid tidher il-qorti u tixhed il-verità dwar kwalunkwe fatt li tkun taf bih. Xhud irid iwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu mill-qorti u mill-partijiet. Il-qorti tista’ tinterroga xhud fil-post tar-residenza tax-xhud, jekk ix-xhud ma jkunx jista’ jattendi wara li jirċievi taħrika mill-qorti minħabba mard, età avvanzata jew invalidità jew għal xi raġuni valida oħra. Xhud jista’ jiġi interrogat ukoll permezz ta’ vidjokonferenza fil-qorti, skont il-post fejn ikun qiegħed, jew f’post mgħammar apposta għal dan il-għan.
3 Il-valutazzjoni tal-provi
3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?
Il-partijiet f’kawża jistgħu jikkontestaw il-veraċità tal-provi bil-miktub.
Il-provi bil-miktub ma jistgħux jiġu kkontestati mill-persuna li tkun iffirmathom. Din il-persuna tista’ tikkontesta l-provi billi tiftaħ kawża separata, jekk il-firma tagħha tkun inkisbet bil-forza, b’theddid jew bi frodi. Parti tista’ tippreżenta wkoll rikors dettaljat fejn tallega li l-provi bil-miktub ġew iffalsifikati. Jekk il-qorti ssib li l-provi ġew iffalsifikati, hija teskludi l-provi u tinnotifika prosekutur pubbliku dwar il-falsifikazzjoni. Sabiex teżamina rikors li jallega l-falsifikazzjoni ta’ provi bil-miktub, il-qorti tista’ tordna perizja jew teżiġi aktar provi. Jekk il-qorti ssib li parti fetħet kawża dwar il-falsifikazzjoni ta’ provi bil-miktub mingħajr raġuni valida, hija tista’ timponi multa.
Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tirrikjedi li persuna mħarrka bħala xhud tidher il-qorti u tixhed il-verità dwar kwalunkwe fatt li tkun taf bih. Jekk parti tkun trid turi ċerti ċirkostanzi permezz ta’ xhieda, fit-talba tagħha lill-qorti fejn titlob li din teżamina xhud, il-parti jeħtiġilha tindika liema aspetti importanti tal-kawża se jkun jista’ jikkonferma x-xhud.
3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?
L-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża u minn partijiet terzi li jinkludu informazzjoni dwar fatti li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet jew l-eċċezzjonijiet tagħhom ikunu ammissibbli bħala provi jekk ikunu kkorroborati minn provi oħra li jiġu vverifikati u eżaminati waqt seduta fil-qorti. Jekk parti tammetti l-fatti li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet jew l-eċċezzjonijiet tal-parti l-oħra, il-qorti tista’ tikkonstata li dawn il-fatti ġew ippruvati, sakemm il-qorti ma jkollha l-ebda dubju li l-ammissjoni ma saritx minħabba frodi, vjolenza, theddid jew żball, jew biex tinħeba l-verità.
4 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda speċifika awtoritajiet oħra li huma kompetenti li jiġbru l-provi għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali skont ir-Regolament? Jekk iva, dawn f’liema proċedimenti huma kompetenti li jiġbru l-provi? Jistgħu jitolbu biss il-ġbir tal-provi jew jassistu wkoll fil-ġbir tal-provi abbażi ta’ talba mingħand Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda
L-ebda awtorità oħra ma ġiet speċifikata minbarra l-qrati.