Skip to main content

Smigħ ta' xhieda

Flag of Italy
Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

L-oneru tal-provi huwa regolat mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2697 tal-Kodiċi Ċivili, li jgħid hekk: “Min ikollu l-intenzjoni li jinforza dritt quddiem qorti għandu jipprovdi provi tal-fatti li jappoġġaw it-talba tiegħu. Parti li tikkontesta l-validità ta’ dawk il-fatti, jew li ssostni li d-dritt inbidel jew intemm, għandha tipprovdi provi tal-fatti li jappoġġaw dik l-oġġezzjoni.”

Għalhekk, b’mod ġenerali, kull min ikun jixtieq jinqeda minn azzjoni legali speċifika jeħtieġlu jressaq provi tal-fatti li jappoġġaw dik it-talba. Pereżempju, rikorrent li jitlob ħlas dovut taħt kuntratt, jeħtieġlu jipprova l-eżistenza, il-validità u l-iskadenza tat-termini tal-kuntratt. L-intimat li jkun jixtieq jiċħad il-ħlas jeħtieġlu jġib prova tal-fatti li jibdlu, jipprekludu jew itemmu ppreżentati fin-nota ta’ eċċezzjonijiet tiegħu, bħal pereżempju li l-ħlas diġà sar, ħelsien md-dejn, jew dejn ogħla dovut lilu.

Jekk ir-rikorrent ma jkunx kapaċi jissostanzja t-talba tiegħu, ir-rikors jiġi miċħud, irrispettivament minn jekk l-intimat jippreżentax provi jew argumenti ta’ sostenn fid-difiża tiegħu. L-istess regola tapplika wkoll għal intimat li, min-naħa tiegħu, iressaq kontrotalba kontra r-rikorrent (domanda riconvenzionale).

L-Artikolu 2698 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi n-nullità ta’ kull ftehim li għandu l-għan li jittrasferixxi jew jibdel l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ dritt inaljenabbli, jew li jagħmilha diffiċli immens għal xi waħda mill-partijiet biex teżerċita d-drittijiet tagħha.

In-nuqqas ta’ provi suffiċjenti jagħmel ħsara lill-każ ta’ parti – kemm jekk ir-rikorrent jew l-intimat – li trid iġġib prova li dawk il-fatti jeżistu jew ma jeżistux, peress li n-nuqqas ta’ provi suffiċjenti jitqies daqslikieku m’hemm l-ebda prova.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

L-oneru tal-provi ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

  • F’każ ta’ preżunzjonijiet, jiġifieri meta l-liġi stess tiddetermina l-valur probatorju ta’ ċerti fatti, jew tippermetti lill-qorti tislet il-konklużjonijiet dwar fatt mhux magħruf minn fatt magħruf (l-Artikolu 2727 tal-Kodiċi Ċivili). 

Il-preżunzjonijiet huma maqsuma fi:

– preżunzjonijiet legali: dawk stipulati mil-liġi, li jistgħu jkunu konfutabbli (iuris tantum), jiġifieri li jistgħu jiġu micħuda jekk jitressqu provi kuntrarji, jew inkonfutabbli (iuris et de iure), li jfisser li ma jistgħux jiġu miċħuda billi jitressqu provi kuntrarji fil-qorti;

– preżunzjonijiet sempliċi: imħollija fid-diskrezzjoni bir-reqqa tal-qorti, li għandha taċċetta biss preżunzjonijiet serji, preċiżi u konsistenti. Barra minn hekk, fatti li għalihom il-liġi ma tippermettix depożizzjoni tax-xhieda ma jistgħux jiġu aċċettati bħala preżunzjonijiet sempliċi (l-Artikolu 2729 tal-Kodiċi Ċivili);

  • Fatti li huma għarfien komuni (fatti notori), jiġifieri fatti li jkunu ġeneralment magħrufa fil-ħin u l-post fejn ingħatat is-sentenza u li ma jistgħux jiġu kkontestati (l-Artikolu 115 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • Fatti mhux ikkontestati jew ammessi, jiġifieri fatti mressqa miż-żewġ partijiet jew ammessi – anke b’mod taċitu – mill-parti li jista’ jkollha interess tikkontestahom, dment li dik il-parti tkun dehret fil-qorti (l-Artikolu 115(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Id-deċiżjoni tal-qorti li tilqa’ talba jew kwalunkwe eċċezzjoni kontriha, trid tkun ibbażata biss fuq fatti pprovati bis-sħiħ, jew direttament jew bi preżunzjoni. Fi proċedimenti ċivili, il-qorti trid tqis li fatt huwa aktar probabbli mill-kuntrarju tiegħu, abbażi tal-provi ppreżentati fil-qorti.

Is-sentenza tal-qorti ma tistax tkun ibbażata fuq fatti mhux ipprovati, anke meta dawn ikunu plawżibbli (l-Artikolu 115(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Fis-sistema legali Taljana, il-kumpilazzjoni tax-xhieda hija rregolata mill-prinċipju li l-ambitu tal-proċedimenti huwa ddeterminat mill-partijiet (principio dispositivo), kif stipulat fl-Artikolu 115(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili li jgħid li l-qorti trid tibbaża s-sentenza tagħha fuq il-provi ppreżentati mill-partijiet, “ħlief fis-sitwazzjonijiet previsti mil-liġi”.

Jeżistu madankollu xi eċċeżżjonijiet għal dan il-prinċipju, previsti mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili:

  • l-Artikolu 117: jippermetti li jsiru domandi b’mod informali lill-partijiet;
  • l-Artikolu 118: jippermetti li tiġi ordnata spezzjoni ta’ persuni u oġġetti;
  • l-Artikoli 61 u 191: jippermettu lill-qorti titlob perizji;
  • l-Artikolu 257: jippermetti lill-qorti tħarrek xhud li jkun issemma minn xhud ieħor;
  • l-Artikolu 281-b: jippermetti lil qorti ġenerali (tribunale) ikkostitwita minn imħallef wieħed li tordna l-kumpilazzjoni tax-xhieda jekk ir-rakkont tal-fatti mill-partijiet ikun isemmi persuni li jidhru li jkunu midħla tal-fatti. 

F’tilwim industrijali, il-Kodiċi jagħti aktar setgħat lill-imħallef, speċifikament:

  • l-Artikolu 420: jipprevedi li jsiru domandi b’mod liberu lill-partijiet waqt is-smigħ tal-kawża;
  • l-Artikolu 421: jipprevedi li l-qorti tista’ ex officio f’kull ħin tordna l-ammissjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ prova, minbarra “ġurament deċiżiv”(giuramento decisorio), anke barra l-limiti stabbiliti mill-Kodiċi Ċivili. Din is-setgħa ma tistax tiġi eżerċitata biex jiġu pprovati fatti li ma jkunux tressqu mill-partijiet fit-termini stabbiliti mil-liġi. F’każ li jiġu ammessi provi ex officio, il-partijiet ikollhom id-dritt li jissottomettu provi kontrarji.

Fil-kawżi li jinvolvu persuni, minorenni u familji, l-Artikolu 473-a(2) jipprevedi li l-qorti tista’ tordna provi barra mil-limiti tal-ammissibbiltà taħt il-Kodiċi Ċivili, f’konformità mal-prinċipju tal-kontradittorju u d-dritt li jitressqu provi kontrarji. Il-qorti tista’ tordna investigazzjonijiet ta’ assi, inkluż permezz tal-pulizija.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Jekk parti titlob provi tal-fatti, il-parti l-oħra tista’ titlob li tressaq provi kuntrarji, dment li t-talbiet ikunu saru fit-termini stabbiliti bil-liġi. F'dak il-każ il-qorti tilqa' ż-żewġ talbiet jekk taħseb li l-fatti ppreżentati biex jappoġġaw it-talbiet tagħhom huma rilevanti għall-finijiet tas-sentenza.

Il-qorti, meta tilqa' l-provi, imbagħad tgħaddi għall-eżami tagħhom.

Wara l-għeluq tal-istadju tal-provi, il-kawża tiġi mħollija għas-sentenza.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tiċħad rikors għall-kumpilazzjoni tax-xhieda meta l-provi jkunu bla valur jew inammissibbli skont il-liġi (pereżempju, jekk talba li tkun ibbażata biss fuq dikjarazzjonijiet minn xhieda issir fir-rigward ta’ kuntratt li skont il-liġi jrid ikun bil-miktub), jew meta l-fatti li għalihom jirreferi r-rikors ikunu irrilevanti għall-finijiet tas-sentenza (pereżempju xhieda fuq fatt li ma jkollu l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża). Il-qorti tista’ teskludi wkoll provi żejda għal fatti li jkunu diġà ġew issostanzjati biżżejjed.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Fl-ordinament ġuridiku Taljan il-mezzi tal-provi huma maqsuma f'mezzi dokumentarji u mhux dokumentarji.

Il-mezzi dokumentarji huma:

  • l-atti pubbliċi (l-Artikoli 2699 et seq. tal-Kodiċi Ċivili);
  • l-iskritturi privati (l-Artikoli 2702 et seq. tal-Kodiċi Ċivili);
  • it-telegrammi (l-Artikoli 2705 et seq. tal-Kodiċi Ċivili);
  • il-fajls u r-rekords domestiċi (l-Artikolu 2707 tal-Kodiċi Ċivili);
  • ir-rekords kontabilistiċi tan-negozji (l-Artikolu 2709 tal-Kodiċi Ċivili);
  • il-kopji riprodotti mekkanikament (l-Artikolu 2712 tal-Kodiċi Ċivili);
  • il-kopji ta’ dokumenti u kuntratti (l-Artikoli 2714 et seq. tal-Kodiċi Ċivili).

Huma mezzi ta' provi mhux dokumentarji:

  • id-depożizzjoni tax-xhieda (l-Artikoli 2721 et seq. tal-Kodiċi Ċivili);
  • l-ammissjonijiet (l-Artikoli 2730 et seq. tal-Kodiċi Ċivili);
  • id-dikjarazzjonijiet bil-ġurament (l-Artikoli 2736 et seq. tal-Kodiċi Ċivili);
  • l-ispezzjonijiet (l-Artikoli 258 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Hemm ukoll il-perizji, li jipprovdu lill-qorti l-għarfien tekniku li ma jkollhiex.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Id-depożizzjoni tax-xhieda tintlaqa’ mill-qorti (l-Artikolu 245 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili); l-ordni tal-qorti tobbliga lix-xhud jitla' l-qorti fejn fin-nuqqas jittieħdu miżuri koerċittivi u multa.

Il-qorti tistabbilixxi l-post, ħin u mod ta’ kif issir il-kumpilazzjoni tax-xhieda. Fuq talba tal-parti kkonċernata, l-uffiċjal ġudizzjarju jinnotifika t-taħrika lix-xhud. Ix-xhud jaqra impenn li jgħid il-verità, u mbagħad isirulu domandi mill-imħallef – il-partijiet ma jistgħux jagħmlu mistoqsijiet diretti lix-xhud.

Il-periti jinħatru mill-qorti, li tistaqsihom mistoqsijiet u ssejħilhom biex jidhru fis-seduta u jagħlmu stqarrija maħlufa. Dan l-aħħar, ġiet introdotta l-possibbiltà għall-periti li jibagħtu stqarrija maħlufa b’firma diġitali, u b’hekk jevitaw li jattendu s-seduta (l-Artikolu 193 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Bħala regola ġenerali, il-periti jfasslu rapport miktub iżda l-qorti tista’ anki tordnalhom biex jidhru u biex jirrispondu oralment waqt is-seduta (l-Artikolu 195 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-provi bil-miktub jiffurmaw parti mill-proċediment ladarba jiġu inklużi fl-atti tal-parti, fil-mument tal-ewwel dehra jew anke wara, iżda soġġett għat-termini stabbiliti mil-liġi.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Fl-Italja, issir distinzjoni bejn provi li jistgħu jiġu evalwati liberament mill-qorti u provi legali. Il-provi legali jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe forma oħra ta’ provi. Il-provi legali jinkludu atti pubbliċi, stqarrijiet maħlufa u ammissjonijiet.

L-atti pubbliċi (l-Artikoli 2699 et seq. tal-Kodiċi Ċivili) huma atti abbozzati, bil-formalitajiet meħtieġa, minn nutar (notaio) jew minn uffiċjal pubbliku ieħor awtorizzat li jikkonferma l-istatus pubbliku tagħhom fil-post fejn ikun tħejja l-att. L-atti pubbliċi għandhom valur sħiħ bħala provi sakemm ma jiġux murija li huma foloz. Apparti din il-kontestazzjoni, jikkostitwixxu prova tal-fatti assoluta u inkondizzjonata li l-uffiċjal pubbliku jiċċertifika li jkun wettaq personalment jew li jkunu twettqu fil-preżenza tiegħu. Madankollu, il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet f’atti pubbliċi għandhom jiġu evalwati liberament mill-qorti (jiġifieri ma jistax jiġi pprovat bi provi oħra li d-dikjarazzjoni ma saritx, iżda jista’ jiġi pprovat li l-kontenut tagħha huwa falz).

  1. Ammissjoni (l-Artikolu 2730 tal-Kodiċi Ċivili) hija dikjarazzjoni magħmula minn parti li tikkonferma l-veraċità ta’ fatti li huma sfavorevoli għaliha u favur il-parti l-oħra.

Ġurament (l-Artikolu 2736 tal-Kodiċi Ċivili) huwa stqarrija maħlufa mill-parti dwar il-verità ta’ fatt. Dan jista’ jingħata fuq talba tal-parti l-oħra biex jinfluwenza deċiżjoni jew fuq talba tal-qorti meta fatt jiġi ppruvat biss parzjalment jew meta l-valur ekonomiku ta’ oġġett ma jkunx jista’ jiġi aċċertat mod ieħor. Fil-prattika, huwa rari ħafna li jintuża.

  1. Barra minn hekk, il-preżunzjonijiet inkonfutabbli (presunzioni iuris et de iure) (l-Artikolu 2727 tal-Kodiċi Ċivili) huma saħansitra aktar effettivi, peress li l-provi mressqa għall-konfutazzjoni mhumiex ammissibbli.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Il-liġi tipprovdi li ċerti fatti jistgħu jiġu ppruvati biss b'mezzi ta' prova determinati, f'xi każijiet b'att pubbliku biss, f'oħrajn b'att bil-miktub biss, li jista’ jkun pubbliku jew privat.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ix-xhieda huma obbligati li jixhdu, b’konsegwenzi kriminali jekk jirrifjutaw, jekk jagħtu xhieda falza jew ma jgħidux kulma jafu (l-Artikolu 372 tal-Kodiċi Kriminali), sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor. Ċerti persuni huma eżentati milli jixhdu u għandhom l-għażla li ma jixhdux.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Fil-każijiet previsti mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li għalih jagħmel referenza l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili: Dawn ikopru dawk l-individwi li jistgħu jirrifjutaw li jixhdu għaliex huma marbuta bis-sigriet professjonali, bis-sigriet uffiċjali u bis-sigriet statali.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Skont l-Artikolu 256 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, xhud li jitla’ l-qorti u jirrifjuta li jixhed mingħajr raġuni ġustifikata, jew inkella jikkonferma s-suspett li qed jixhed falz jew li mhux qed jgħid kollox, jiġi rrappurtat mill-qorti lill-prosekutur pubbliku billi l-qorti tibgħat kopja tal-verbal lill-prosekutur.

Barra minn hekk, jekk ix-xhud jonqos milli jidher, l-Artikolu 255 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jagħti s-setgħa lill-qorti biex tordna li x-xhud jitressaq b’forza mill-pulizija l-qorti u li tagħtih multa.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Persuni li jkollhom interess personali fil-fatti tal-kawża ma jistgħux jixhdu, anke jekk ma jkunux ipparteċipaw uffiċjalment fil-proċedimenti bħala parti (l-Artikolu 246 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-qorti teżamina lix-xhud, tagħmillu mistoqsijiet diretti dwar il-fatti li jintlaqgħu bħala relevanti għall-proċedimenti, u kwalunkwe mistoqsija dwar l-istess fatti mitluba mill-avukati tal-partijiet waqt l-eżami.

Mhijiex eskluża l-possibbiltà ta’ vidjokonferenzi, għalkemm mhux prevista espliċitament fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. L-Artikolu 202 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi li meta l-maġistrat istruttur jordna li tiġi kkumpilata xi xhieda, huwa għandu jiddeċiedi l-ħin, il-post u l-mezzi ta’ kif dik ix-xhieda għandha tiġi kkumpilata.

Dan l-aħħar, fil-liġi Taljana ddaħħlet il-possibbiltà li s-seduti jsiru permezz ta’ konnessjonijiet awdjoviżivi remoti, taħt ċerti kundizzjonijiet (l-Artikolu 127-a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Fi proċedimenti ċivili Taljani, l-imħallef jista’ jordna seduta permezz ta’ konnessjonijiet awdjoviżivi remoti fejn il-partijiet, l-avukati tagħhom, il-prosekutur pubbliku u l-membri awżiljarji tal-qorti biss ikunu preżenti. Madankollu, jekk ikunu jridu jinstemgħu ix-xhieda, dawn huma obbligati li jidhru personalment quddiem il-qorti.

Fi proċedimenti barra l-pajjiż, fejn qorti barranija tkun awtorizzata tikkumpila xhieda direttament, dik il-qorti tista’ teżamina xhud permezz ta’ vidjokonferenza, jekk dan ikun previst mil-liġi proċedurali ta’ dik il-qorti. F’każ li x-xhieda tiġi kkumpilata minn qorti Taljana, ix-xhud jeħtieġlu jidher personalment quddiem il-qorti, peress li l-liġi Taljana ma tippermettix li tingħata xhieda b’vidjokonferenza. Jekk tkun awtorizzata, il-qorti barranija rikjedenti, tista’ tattendi l-kumpilazzjoni tax-xhieda anke permezz ta’ vidjokonferenza.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-qorti ma tqisx provi li ma jiġux ippreżentati u ammessi b’mnod formali.

Fil-proċedimenti ċivili, id-dokumenti miksuba illegalment normalment jiġu aċċettati, ħlief meta jkun hemm dispożizzjonijiet legali li jipprevedu mod ieħor. Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà kriminali tal-parti li tkun wettqet ir-reat biex tikseb id-dokument.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Kull dikjarazzjoni magħmula minn parti li tkun favorevoli għaliha stess ma tgħoddx bħala prova. Madankollu, ammissjoni (li għalhekk għandha konnotazzjonijiet negattivi) li tkun saret matul l-interrogazzjoni formali tgħodd bħala prova negattiva kontra l-parti li tkun għamlitha. Dikjarazzjonijiet li jkunu sfavorevoli għall-parti li tkun għamlithom huma rilevanti anke meta jsiru barra l-proċedimenti, bħal f’ittra.

4 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda speċifika awtoritajiet oħra li huma kompetenti li jiġbru l-provi għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali skont ir-Regolament? Jekk iva, dawn f’liema proċedimenti huma kompetenti li jiġbru l-provi? Jistgħu jitolbu biss il-ġbir tal-provi jew jassistu wkoll fil-ġbir tal-provi abbażi ta’ talba mingħand Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda

L-Italja ma tirrikonoxxix awtorità oħra għajr il-qorti.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna