Skip to main content

Smigħ ta' xhieda

Flag of Finland
Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-rikorrent irid jipprova l-fatti li huma meħtieġa biex jistabbilixxi t-talba, filwaqt li l-intimat għandu l-oneru biex iġib provi għall-eċċezzjonijiet għat-talba. Parti li ma tippreżentax provi tkun fir-riskju li t-talbiet tagħha jitqiesu li ma ġewx ipprovati.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Mhuwiex meħtieġ li jitressqu provi dwar fatti li tkun saret ammissjoni dwarhom. Barra minn hekk, fatti li huma ġeneralment rikonoxxuti, jew fatti li jkunu magħrufa ex officio mill-qorti, m’għandhomx għalfejn jiġu ppruvati. Jistgħu naturalment jiġu ppreżentati kontroprovi.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

F’dan ir-rigward, il-liġi tinkludi sempliċi dispożizzjoni li permezz tagħha l-qorti trid tiddeċiedi x’għandu jitqies bħala verità fil-kawża, wara li tkun ikkunsidrat bir-reqqa l-fatti kollha ppreżentati. Il-Finlandja tapplika l-prinċipju tal-“evalwazzjoni libera tal-provi”, u għalhekk hija kwistjoni ta’ preżentazzjoni ta’ provi adegwati lill-qorti.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Fil-prattika l-partijiet ikkonċernati jeħtiġilhom jiksbu huma stess il-provi li jixtiequ jibbażaw fuqhom. Il-liġi tippermetti wkoll lill-qorti biex tiddeċiedi li tikseb elementi ta’ prova ex officio. Madankollu, il-qorti ma tistax tordna li jiġi eżaminat xhud ġdid jew li jiġi ppreżentat dokument ex officio u kontra r-rieda taż-żewġ partijiet interessati jekk il-kawża inkwistjoni tkun waħda li dwarha jista’ jintlaħaq ftehim bonarju.

F’ċerti kawżi, bħal kawżi dwar il-paternità, huwa wkoll id-dmir tal-qorti li tiżgura li jinkisbu l-provi kollha meħtieġa.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-provi jinstemgħu fis-seduta prinċipali.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista’ tiċħad tali rikors jekk, pereżempju, il-prova tkun irrilevanti jew il-kawża tkun diġà ġiet ippruvata f’dak ir-rigward. Rikors biex jinkisbu provi jista’ jiġi miċħud ukoll jekk jitressaq fi stadju wisq tard.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Mezzi ta’ prova differenti jinkludu s-smigħ tal-partijiet interessati, tax-xhieda u tal-periti, il-preżentata ta’ provi bil-miktub u dikjarazzjonijiet mill-periti, u l-eżami.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

M’hemmx differenza bejn l-evalwazzjoni ta’ depożizzjoni orali minn xhieda jew periti u dikjarazzjonijiet bil-miktub ipprovduti mill-periti. Madankollu, il-qrati ma jaċċettawx dikjarazzjonijiet bil-miktub mix-xhieda.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

M’hemmx restrizzjonijiet. Il-qorti għandha diskrezzjoni wiesgħa meta tevalwa l-provi.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Bħala regola, xhud ma jistax jirrifjuta li jixhed.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-konjuġi, l-għarus(a), u l-qraba diretti axxendenti jew dixxendenti ta’ parti interessata kif ukoll l-aħwa ta’ parti interessata u l-konjuġi tagħhom jew il-ġenituri adottivi jew it-tfal adottivi ta’ parti interessata għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jixhdu. Barra minn hekk, il-liġi tinkludi diversi sitwazzjonijiet oħrajn fejn xhud ikollu d-dritt jew l-obbligu li jirrifjuta li jixhed.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhud li jirrifjuta li jixhed mingħajr raġuni valida jista’ jiġi obbligat, b’theddida ta’ multa, biex jikkonforma mal-obbligu tiegħu. Jekk ix-xhud xorta jirrifjuta li jixhed, il-qorti tista’ tordna li jinżamm arrestat sakemm jaċċetta li jixhed.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Il-qorti għandha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk, pereżempju, persuna taħt il-15-il sena jew persuna b’disturbi mentali tistax tinstema’ bħala xhud.

Ċerti gruppi ta’ persuni, bħal tobba u avukati, ma jistgħux jixhdu f’materji relatati mal-pożizzjoni ta’ fiduċja tagħhom.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Bħala regola ġenerali, il-parti li ttella’ xhud tkun l-ewwel li teżamina lil dak ix-xhud. Il-parti l-oħra mbagħad ikollha d-dritt tagħmel il-kontroeżami tax-xhud. Wara l-kontroeżami, il-qorti u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jistaqsu mistoqsijiet ulterjuri lix-xhud.

Xhud jista’ jinstema permezz ta’ vidjokonferenza jew teknoloġija tat-telekomunikazzjoni xierqa oħra li tipprovdi konnessjoni awdjoviżiva bejn dawk li jieħdu sehem fis-sessjoni, jekk il-qorti tqis li dan ikun xieraq. Din il-proċedura tista’ tintuża, pereżempju, jekk xhud ma setax jattendi l-qorti personalment jew jekk l-attendenza tiegħu tkun tinvolvi spejjeż irraġonevoli, jew jekk ix-xhud ikun taħt il-15-il sena. F’ċerti sitwazzjonijiet xhud jista’ jiġi eżaminat ukoll fuq it-telefown.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-liġi ma tinkludix struzzjonijiet speċifiċi għal tali ċirkostanzi. Il-qorti trid, fid-diskrezzjoni tagħha, tiddeċiedi x’sinifikat se jkollha tali prova.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jinstemgħu liberament sabiex jippreżentaw il-provi, u f’kawża ċivili jistgħu jinstemgħu taħt ġurament rigward fatti li jkunu ta’ sinifikanza speċjali biex tinqata’ l-kawża. Dikjarazzjoni mogħtija minn parti interessata waqt ix-xhieda tiġi evalwata bl-istess kriterji bħal dikjarazzjoni mogħtija minn xhud.

4 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda speċifika awtoritajiet oħra li huma kompetenti li jiġbru l-provi għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali skont ir-Regolament? Jekk iva, dawn f’liema proċedimenti huma kompetenti li jiġbru l-provi? Jistgħu jitolbu biss il-ġbir tal-provi jew jassistu wkoll fil-ġbir tal-provi abbażi ta’ talba mingħand Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda

Il-Finlandja ma ħatret ebda awtorità oħra.

Links relatati

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda (Ministeru tal-Ġustizzja)

Preżentazzjoni Bħala xhud waqt proċess (Ministeru tal-Ġustizzja)

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna