Skip to main content

Smigħ ta' xhieda

Flag of Romania
Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 L-oneru tal-provi

Bażi legali ewlenija: l-Artikoli 249 sa 365 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Codul de procedură civilă).

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Allegazzjoni li ssir matul il-proċedimenti trid tiġi ppruvata mill-parti li tagħmilha, ħlief f’ċerti każijiet previsti espressament mil-liġi. Ir-rikorrent irid jagħti prova tal-każ tiegħu. Għal oġġezzjonijiet proċedurali mressqa mill-intimat, l-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-intimat. Iżda fil-każ ta’ preżunzjonijiet, l-oneru tal-provi jaqleb minn fuq il-parti li favuriha ġew stabbiliti għal fuq il-kontroparti.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Ħadd ma huwa meħtieġ jagħti prova ta’ dak li l-qorti se tqis ex officio.

Il-qorti trid tqis il-liġi fis-seħħ fir-Rumanija ex officio. Liġi li ma tkunx ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija (Monitorul Oficial) jew b’mezzi oħrajn, konvenzjonijiet, trattati, u ftehimiet internazzjonali applikabbli fir-Rumanija li huma inkorporati fil-leġiżlazzjoni, u d-dritt internazzjonali konswetudinarju jridu jiġu ppruvati mill-parti interessata. Id-dispożizzjonijiet regolatorji li jinsabu f’dokumenti klassifikati jridu jiġu ppruvati u kkonsultati biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi. Il-qorti, ex officio, tista’ tqis il-liġi ta’ stat barrani, dment li ġiet invokata quddiem il-qorti. Prova ta’ liġi barranija tiġi ppreżentata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili (Codul civil) dwar il-kontenut tal-liġi barranija.

Jekk fatt ikun magħruf b’mod ġenerali jew ma jiġix ikkontestat, il-qorti tista’ tiddeċiedi li fiċ-ċirkostanzi tal-każ ma hemmx għalfejn jiġi ppruvat. Il-prattiki konswetudinarji, ir-regoli tal-kondotta professjonali u l-prattiki stabbiliti bejn il-partijiet iridu jiġu ppruvati mill-parti li tiddependi fuqhom. Ir-regoli u r-regolamenti lokali jridu jiġu ppruvati mill-parti li tiddependi fuqhom biss jekk il-qorti titlob dan.

Preżunzjoni hija konklużjoni li l-liġi jew il-qorti tasal għaliha minn fatt magħruf sabiex tistabbilixxi fatt mhux magħruf. Preżunzjoni legali teżenta lill-persuna li din tiġi stabbilita favuriha mill-oneru li tipprova l-fatt li l-liġi tqis bħala li għandu jiġi ppruvat. Preżunzjoni legali tista’ tiġi kkonfutata minn evidenza għall-kuntrarju, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-provi jridu jkunu ammissibbli u jridu jkunu rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-proċedimenti. Wara li l-qorti tkun laqgħet provi fir-rigward ta’ fatti partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-fatti ġewx ippruvati tiġi ddeterminata b’mod liberu mill-qorti, fuq il-bażi tal-konvinzjoni tagħha stess, ħlief meta l-liġi tiddetermina l-valur probatorju tagħhom.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-provi jridu jiġu proposti mir-rikorrent fir-rikors tiegħu, u mill-intimat fir-risposta tiegħu, ħlief jekk il-liġi tipprevedi mod ieħor, u jekk dan ma jsirx id-dritt ta’ dipendenza fuq tali provi jintilef. Jekk il-provi proposti ma jkunux biżżejjed għal kjarifika sħiħa tal-kawża, il-qorti tordna lill-partijiet biex iressqu aktar provi. Il-qorti, ex officio, tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-partijiet lejn il-ħtieġa għal aktar provi, u tista’ tordna biex jiġu jinġabru aktar provi anke jekk il-partijiet joġġezzjonaw.

Il-partijiet jistgħu jressqu rikors biex jinġabru l-provi li ġejjin: dokumenti, relazzjonijiet peritali, depożizzjoni tax-xhieda, aċċessi fuq il-post u l-eżami ta’ parti fuq talba tal-parti li tkun qed tfittex ammissjoni mill-kontroparti. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jirregola wkoll il-mezzi ta’ prova materjali, li jistgħu jkunu rilevanti f’ċerti kategoriji ta’ proċedimenti ċivili (eż. proċedimenti ta’ divorzju).

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-qorti l-ewwel tqis jekk il-provi proposti mill-partijiet humiex ammissibbli, u mbagħad toħroġ digriet li jistabbilixxi l-fatti li jridu jiġu ppruvati, il-provi permessi, u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda. Sa fejn ikun possibbli, ix-xhieda tiġi kkumpilata fl-istess seduta meta tintlaqa’.

Il-kumpilazzjoni ta’ xhieda huwa rregolat minn xi regoli essenzjali: ix-xhieda trid tiġi kkumpilata fl-ordni ddeterminata mill-qorti; sa fejn ikun possibbli, ix-xhieda għandha tiġi kkumpilata fl-istess seduta; ix-xhieda trid tiġi kkumpilata qabel is-sottomissjonijiet dwar il-merti tal-kawża; ix-xhieda u l-kontroxhieda għandhom jiġu kkumpilati, sa fejn ikun possibbli, fl-istess ħin.

Ix-xhieda tiġi kkumpilata f’seduta pubblika quddiem il-qorti li tisma’ l-kawża, sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor. Jekk, għal raġunijiet oġġettivi, ix-xhieda tkun tista’ tiġi kkumpilata biss barra mill-muniċipalità fejn tinsab il-qorti, din tista’ tiġi kkumpilata permezz ta’ delegazzjoni ġudizzjarja minn qorti tal-istess livell jew, fejn ma teżisti l-ebda tali qorti f’dik il-muniċipalità, minn qorti inferjuri.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-provi jistgħu jintużaw biss jekk jissodisfaw ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-legalità, il-plawżibbiltà, ir-rilevanza u l-valur probatorju tagħhom. Fir-rigward tal-legalità, il-provi mitluba jridu jikkostitwixxu mezz ta’ prova previst mil-liġi u ma jridux ikunu pprojbiti mil-liġi. Fir-rigward tal-plawżibbiltà, il-provi mitluba ma jistgħux imorru kontra l-liġijiet naturali rikonoxxuti universalment. Fir-rigward tar-rilevanza, il-provi jridu jkunu konnessi mas-suġġett tal-proċedimenti, jiġifieri jridu jkunu relatati mal-fatti li jridu jiġu ppruvati b’appoġġ għat-talbiet jew l-eċċezzjonijiet issollevati mill-partijiet. Sabiex ikunu ammissibbli l-provi jridu jkunu wkoll plawżibbli u kapaċi jwasslu għar-riżoluzzjoni tal-proċedimenti.

Fil-każ ta’ provi dokumentarji, il-qorti trid tirrifjuta talba għall-produzzjoni ta’ dokument: meta l-kontenut tad-dokument ikun jikkonċerna kwistjonijiet strettament personali relatati mad-dinjità jew il-privatezza ta’ persuna; meta l-produzzjoni tad-dokument tkun tikser dmir ta’ kunfidenzjalità; jew meta tkun twassal għal proċedimenti kriminali kontra l-parti, il-konjuġi tal-parti jew kwalunkwe qarib mid-demm jew biż-żwieġ sat-tielet grad, li huwa inkluż ukoll.

Id-depożizzjoni tax-xhieda hija inammissibbli għal atti legali li jaqbżu l-valur ta’ RON 250, li għalihom il-liġi tirrikjedi provi bil-miktub. Barra minn hekk, id-depożizzjoni tax-xhieda tkun inammissibbli jekk tmur kontra jew lil hinn mill-kontenut ta’ dokument.

Il-provi jiġu proposti mir-rikorrent fir-rikors promotur jew mill-intimat fir-risposta. Il-provi mhux proposti b’dan il-mod jistgħu jintalbu u jintlaqgħu mill-qorti fi kwalunkwe waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet: il-ħtieġa għall-provi tirriżulta minn emenda fit-talba; il-ħtieġa għall-provi tirriżulta matul il-proċedimenti, u l-parti ma setgħetx tipprevediha; il-parti turi lill-qorti li, għal raġunijiet motivati, ma kinitx kapaċi tippreżenta l-provi mitluba fil-ħin permess; il-kumpilazzjoni ta’ xhieda ma twassalx għad-differiment tal-proċedimenti; il-partijiet kollha taw il-kunsens espliċitu tagħhom.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Att legali jew fatt jista’ jiġi ppruvat minn dokumenti, xhieda, preżunzjonijiet, ammissjoni ta’ parti jew oħra (kemm jekk magħmula volontarjament kif ukoll jekk miksuba fuq eżaminazzjoni), relazzjoni peritali, provi fiżiċi, aċċessi fuq il-post jew kwalunkwe mezz ieħor previst mil-liġi.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda jiġu proposti mill-partijiet, jew mir-rikorrent fir-rikors promotur jew mill-intimat fir-risposta. Wara li tippermetti d-depożizzjoni tax-xhieda, il-qorti tħarrek lix-xhieda għall-eżami.

Meta l-qorti ssib li hija idea tajba li tikseb l-perizja sabiex tiċċara ċerti fatti, hija taħtar, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, perit wieħed jew tlieta, u toħroġ digriet li jispeċifika l-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom dawn għandhom jagħtu l-perizja tagħhom u l-limitu ta’ żmien għar-relazzjoni peritali tagħhom. Is-sejbiet tal-periti jiġu rreġistrati f’relazzjoni peritali. Meta ġustifikat, il-qorti tista’ tordna relazzjoni peritali ulterjuri minn perit ieħor, fuq talba tal-partijiet jew ex officio.

Fir-rigward tal-provi dokumentarji, kull parti tista’ tissottometti d-dokumenti li beħsiebha tiddependi fuqhom matul il-proċedimenti fl-għamla ta’ kopji debitament iċċertifikati. Il-parti jrid ikollha wkoll il-verżjoni oriġinali disponibbli u tkun kapaċi tipproduċiha fil-qorti fuq talba, u jekk tonqos milli tagħmel dan id-dokument ma jiġix meqjus. Il-qorti tista’ tordna l-produzzjoni ta’ dokument fil-pussess tal-kontroparti meta d-dokument ikun komuni għall-partijiet, meta l-kontroparti stess tkun għamlet referenza għad-dokument matul il-proċedimenti, jew meta l-kontroparti tkun obbligata tippreżentah. Jekk dokument ikun miżmum minn parti u ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat fil-qorti, jista’ jiġi ddelegat imħallef mill-qorti li fil-preżenza tiegħu l-partijiet jistgħu jeżaminaw id-dokument fil-post fejn ikun jinżamm. Jekk dokument jinżamm minn parti terza, dik il-persuna tista’ titħarrek bħala xhud u tintalab iġġib id-dokument.

Ix-xhieda tiġi kkumpilata quddiem il-qorti, f’awli. Meta x-xhieda tkun se tiġi kkumpilata f’muniċipalità oħra, din tiġi kkumpilata permezz ta’ delegazzjoni ġudizzjarja minn qorti tal-istess livell jew, meta ma tkun teżisti l-ebda tali qorti f’dik il-muniċipalità, minn qorti inferjuri. Jekk in-natura tal-prova tippermetti dan u l-partijiet jaqblu, il-qorti li tikkumpila x-xhieda tista’ ma tħarrikx lill-partijiet.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-mezzi ta’ prova kollha għandhom valur probatorju ugwali, ħlief meta jkun previst mod ieħor mil-liġi.

Dokumenti f’forma awtentika spiss jiġu aċċettati mill-partijiet minħabba l-vantaġġi li joffru, inkluża l-preżunzjoni ta’ awtentiċità, li jeħilsu lill-parti li tiddependi fuq tali dokument mill-oneru tal-provi.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Għall-atti legali li valur tagħhom jaqbeż RON 240, jistgħu jiġu aċċettati biss provi dokumentarji, għalkemm hemm ċerti eċċezzjonijiet fejn id-depożizzjoni tax-xhieda hija ammissibbli wkoll.

Sakemm jiġi ddikjarat falz, dokument awtentiku jikkostitwixxi prova sħiħa, kontra kwalunkwe persuna, tal-konstatazzjonijiet ta’ fatti magħmula personalment mill-persuna li tkun awtentikatu f’konformità mal-liġi. Dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-partijiet u li jiġu rreġistrati f’dokument awtentiku jikkostitwixxu provi biss sakemm jiġu prodotti provi kontrarji.

Meta l-preżunzjonijiet jitħallew għad-diskrezzjoni u l-ġudizzju tal-qorti, il-qorti tista’ tiddependi fuqhom biss jekk dawn ikollhom il-valur u s-saħħa suffiċjenti li jistabbilixxu l-probabbiltà tal-fatt allegat; tali preżunzjonijiet jistgħu jintlaqgħu biss meta l-liġi tippermetti d-depożizzjoni tax-xhieda.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.11.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma jistabbilix ir-raġunijiet li abbażi tagħhom xhud jista’ jirrifjuta li jixhed, iżda sempliċiment tispeċifika l-persuni li ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda u dawk li huma eżenti milli jixhdu. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.11.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Il-qorti timponi multa kontra kwalunkwe xhud li jonqos milli jidher jew li jirrifjuta li jixhed. Meta xhud jonqos milli jidher b’rispons għall-ewwel taħrika, il-qorti tista’ toħroġ mandat biex tiżgura l-attendenza. F’materji urġenti, il-qorti tista’ toħroġ tali mandat anke għall-ewwel smigħ.

Jekk parti tonqos milli tidher jew tirrifjuta li twieġeb il-mistoqsijiet, il-qorti tista’ tqis dan bħala ammissjoni sħiħa jew biss bħala bidu tal-prova favur il-parti li tkun talbet li l-parti tiġi eżaminata.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Dawn li ġejjin ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda: il-qraba u l-qraba biż-żwieġ sat-tielet grad u inkluż; il-konjuġi, l-eks konjuġi, l-għarajjes jew il-konkubini; il-persuni f’relazzjoni ta’ mibegħda jew f’relazzjoni ta’ interess ma’ kwalunkwe parti; il-persuni taħt tutela speċjali; u l-persuni kkundannati għal sperġur.

Fi proċedimenti li jikkonċernaw il-filjazzjoni, id-divorzju jew kwistjonijiet oħrajn tal-familja, il-qorti tista’ tisma’ lill-qraba u lill-qraba biż-żwieġ, bl-eċċezzjoni tad-dixxendenti.

Dawn li ġejjin huma eżenti milli jidhru bħala xhieda:

  • membri tal-kleru, tobba, spiżjara, avukati, nutara pubbliċi, uffiċjali ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, medjaturi, qwiebel u infermiera, u kwalunkwe professjonist ieħor marbut bil-liġi biex josserva s-segretezza professjonali jew uffiċjali fir-rigward ta’ fatti li jsiru jafu bihom waqt li jkunu qed iwettqu dmirijiethom jew jipprattikaw il-professjoni tagħhom, anke wara li jkunu temmew l-attività tagħhom;
  • imħallfin, prosekuturi u uffiċjali pubbliċi, anke wara li jkunu temmew id-dmirijiet tagħhom, fir-rigward ta’ ċirkustanzi kunfidenzjali li jsiru jafu bihom waqt l-eżerċizzju ta’ dmirijiethom;
  • persuni li permezz tat-tweġibiet tagħhom jesponu lilhom infushom, lill-qraba jew lill-qraba biż-żwieġ tagħhom, lill-konjuġi tagħhom, lill-eks konjuġi eċċ. għal prosekuzzjoni kriminali jew għad-disprezz pubbliku.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-qorti tħarrek lix-xhieda u tiddetermina l-ordni li fiha għandhom jinstemgħu. Qabel jinstema’ ix-xhud jiġi identifikat u mitlub jieħu ġurament. Kull xhud għandu jinstema’ b’mod separat. Ix-xhud l-ewwel irid iwieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-imħallef li jippresjedi, u mbagħad bil-permess tal-imħallef li jippresjedi, il-mistoqsijiet magħmula mill-parti li sejħet ix-xhieda u mill-kontroparti. Xhud li ma jistax jidher quddiem il-qorti jista’ jinstema’ fil-post fejn jinsab.

M’hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tirregola l-kawżi li fihom ix-xhieda tista’ tiġi rreġistrata b’mezzi awdjoviżivi, iżda tali reġistrazzjonijiet huma ammissibbli. Dawn imbagħad jistgħu jiġu traskritti fuq talba ta’ parti interessata f’konformità mal-liġi.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Jekk il-parti li pproduċiet dokument tinsisti li tiddependi fuqu minkejja li jkun ġie kkontestat bħala falsifikazzjoni u dik il-kontestazzjoni ma tkunx ġiet irtirata, u jekk hemm indikazzjonijiet dwar min huwa l-awtur tal-falsifikazzjoni jew kompliċi, il-qorti tista’ tissospendi l-proċedimenti u immedjatament tibgħat id-dokument allegat li huwa falz lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku kompetenti għal investigazzjoni, flimkien ma’ rapport imfassal għal dak l-iskop. Meta l-proċedimenti kriminali ma jkunux jistgħu jibdew jew jitkomplew, l-eżaminazzjoni dwar il-falsifikazzjoni titwettaq mill-qorti ċivili.

Barra minn hekk, il-qorti timponi multa fuq kwalunkwe persuna li, b’mala fede tikkontesta l-kitba bl-idejn jew l-iffirmar ta’ dokument jew l-awtentiċità ta’ reġistrazzjoni awdjo jew vidjo.

Fil-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda, il-qorti tqis is-sinċerità tax-xhieda u ċ-ċirkostanzi li fihom saru jafu bil-fatti li jixhdu għalihom. Jekk matul l-inkjesta jkun hemm indikazzjonijiet ta’ sperġur jew tixħim tax-xhieda, il-qorti tfassal rapport u tirreferi l-kwistjoni lill-korp ta’ prosekuzzjoni kompetenti.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Ammissjoni hija l-konferma minn kwalunkwe parti tal-fatt li fuqu l-kontroparti tibbaża t-talba jew ir-risposta tagħha. Ammissjoni magħmula fil-qorti tikkostitwixxi prova sħiħa kontra l-persuna li għamlitha u ma tistax titqies f’partijiet separati sakemm ma jkunux relatati ma’ fatti distinti li m’għandhom l-ebda konnessjoni ma’ xulxin. Ammissjonijiet barra mill-qorti jsiru barra mill-proċedimenti u huma soġġetti għall-valutazzjoni tal-qorti. Dawn huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-ammissibbiltà u tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda applikabbli skont il-liġi ordinarja għal forom oħrajn ta’ provi.

Il-qorti tista’ tordna li kwalunkwe parti tiġi eżaminata fuq fatti personali li kapaċi jwasslu għar-riżoluzzjoni tal-kawża.

4 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda speċifika awtoritajiet oħra li huma kompetenti li jiġbru l-provi għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali skont ir-Regolament? Jekk iva, dawn f’liema proċedimenti huma kompetenti li jiġbru l-provi? Jistgħu jitolbu biss il-ġbir tal-provi jew jassistu wkoll fil-ġbir tal-provi abbażi ta’ talba mingħand Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda

L-ebda awtorità oħra ma ġiet innotifikata.

 

Links rilevanti

https://www.just.ro

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna