Il-qrati Ġermaniżi għandhom ġuriżdizzjoni internazzjonali meta l-ġuriżdizzjoni tingħatalhom jew mid-dritt tal-UE jew minn liġi internazzjonali awtonoma dwar il-proċedura ċivili, inklużi l-konvenzjonijiet internazzjonali. Dan l-artiklu jkopri biss materji ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali.
1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?
Hemm żewġ sistemi differenti ta’ qrati għal tilwim ċivili fil-Ġermanja: il-qrati ċivili (Zivilgerichte), li jiffurmaw parti mill-qrati ordinarji, u t-tribunali industrijali (Arbeitsgerichte), li huma qrati speċjalizzati.
It-tribunali industrijali għandhom ġuriżdizzjoni fir-rigward tat-tilwim ċivili kollu bejn l-impjegati u l-impjegaturi u t-tilwim bejn il-partijiet għall-ftehimiet kollettivi. L-oqsma l-oħrajn li fihom it-tribunali industrijali għandhom ġuriżdizzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 3 tal-Att dwar it-Tribunali Industrijali (Arbeitsgerichtsgesetz). Skont l-Artikolu 5(1), it-tieni sentenza, ta’ dak l-Att, it-tribunali industrijali għandhom ukoll ġuriżdizzjoni f’tilwim bejn persuni f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ impjegati u l-klijenti tagħhom. Kull tilwim ċivili ieħor jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ċivili.
2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?
2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?
Il-qrati ċivili tal-prim’istanza huma l-qrati lokali (Amtsgerichte) u l-qrati reġjonali (Landgerichte).
1. Il-qrati lokali ġeneralment ikollhom ġuriżdizzjoni f’tilwim ċivili jekk il-valur fit-tilwima ma jaqbiżx il-€5,000 u l-qorti reġjonali ma jkollhiex ġuriżdizzjoni esklużiva (l-Artikolu 23 Nru 1 tal-Att dwar il-Ġudikatura (Gerichtsverfassungsgesetz)).
Il-qrati lokali għandhom ukoll ġuriżdizzjoni esklużiva fl-oqsma deskritti hawn taħt, irrilevanti mill-valur fit-tilwima (ara l-Artikoli 23 u 23a tal-Att dwar il-Ġudikatura).
Il-qrati lokali għandhom ġuriżdizzjoni esklużiva biex jisimgħu tilwim rigward pretensjonijiet li jkunu ġejjin minn kuntratti ta’ lokazzjoni residenzjali jew tilwim dwar l-eżistenza ta’ tali kuntratti ta’ lokazzjoni (l-Artikolu 23 Nru 2(a) tal-Att dwar il-Ġudikatura).
Għandhom ukoll ġuriżdizzjoni esklużiva f’materji tal-familja u ġeneralment ikollhom ġuriżdizzjoni fuq proċedimenti mhux kontenzjużi (l-Artikolu 23a(1), l-ewwel sentenza, Nri 1 u 2 tal-Att dwar il-Ġudikatura).
Oqsma oħrajn li fihom il-qrati lokali għandhom ġuriżdizzjoni esklużiva irrispettivament mill-valur tat-tilwima huma stipulati fl-Artikolu 23 Nri 2(b) sa (d) u (g) tal-Att dwar il-Ġudikatura (tilwim bejn vjaġġaturi u l-ospitanti tagħhom, sewwieqa, kaptani jew skrivani tad-dispaċċ tal-emigrazzjoni fil-portijiet tal-imbark li jkunu relatat ma’ kontijiet mill-ospiti, nollijiet, tariffi għall-qsim jew it-trasport ta’ vjaġġaturi u l-affarijiet tagħhom, jew mat-telf jew il-ħsara lil dawk l-affarijiet, u tilwim bejn vjaġġaturi u negozjanti li jinqala’ b’konnessjoni mal-vjaġġ; tilwim skont l-Artikolu 43(2) tal-Att dwar is-Sjieda tal-Appartamenti (Wohnungseigentumsgesetz) (il-qrati lokali għandhom ġuriżdizzjoni esklużiva hawnhekk); tilwim fuq ħsara kkawżata minn logħba; talbiet skont kuntratt li jiġi konkluż b’rabta mat-trasferiment ta’ art lil suċċessur u li jirriżerva għat-trasferent mezzadrija tul ħajtu u benefiċċji in natura (li bil-Ġermaniż jissejjaħ Altenteilsvertrag jew xi drabi Leibgedingsvertrag, Leibzuchtvertrag jewAuszugsvertrag)).
2. Il-qrati reġjonali għandhom ġuriżdizzjoni fil-prim’istanza fir-rigward tat-tilwim ċivili li ma jkunx assenjat lill-qrati lokali (l-Artikolu 71(1) tal-Att dwar il-Ġudikatura). Dawn ikunu primarjament kawżi fejn il-valur fit-tilwima jkun iktar minn €5,000.
L-Artikolu 71(2) tal-Att dwar il-Ġudikatura jispeċifika għadd ta’ oqsma fejn il-qrati reġjonali għandhom ġuriżdizzjoni esklużiva irrispettivament mill-valur tat-tilwima. Skont din id-dispożizzjoni, l-oqsma li fihom il-qrati reġjonali għandhom ġuriżdizzjoni esklużiva jinkludu:
- talbiet ta’ responsabbiltà kontra l-Istat li jirriżultaw meta uffiċjali pubbliċi ma jwettqux dmirijiethom kif xieraq (Amtshaftung),
- talbiet għal kumpens minħabba divulgazzjonijiet foloz tas-suq kapitali jew minħabba n-nuqqas li jsiru tali divulgazzjonijiet, u
- tilwim dwar id-dritt ta’ klijent ta’ kostruzzjoni li jimponi bidliet u d-dritt konsegwenti tal-kuntrattur għall-adattament tar-remunerazzjoni tiegħu skont kuntratti ta’ kostruzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 650b tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch).
Oqsma oħra li fihom il-qrati reġjonali għandhom ukoll ġuriżdizzjoni esklużiva huma stipulati f’dispożizzjonijiet ta’ atti federali, pereżempju fil-qasam tal-proprjetà industrijali (ara, pereżempju, l-Artikolu 140(1) tal-Att dwar it-Trademarks (Markengesetz)).
Fil-qrati reġjonali jistgħu wkoll jiġu stabbiliti awli għas-smigħ ta’ kawżi kummerċjali (l-Artikolu 93 tal-Att dwar il-Ġudikatura). Dawn għandhom ġuriżdizzjoni f’kawżi kummerċjali kif definit fl-Artikolu 95 tal-Att dwar il-Ġudikatura. Waħda mill-partijiet trid titlob li l-kawża tinstema’ mill-awla għall-kawżi kummerċjali (l-Artikolu 96(1) u l-Artikolu 98(1), l-ewwel sentenza, tal-Att dwar il-Ġudikatura).
Skont l-Att dwar it-Tisħiħ tal-Ġermanja bħala Ċentru Ġudizzjarju (Justizstandort-Stärkungsgesetz, il-Gazzetta tal-Liġi Federali Ġermaniża 2024 I Nru 302), li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2025, l-istati federali (Länder) għandhom ukoll l-għażla li jagħtu lill-qrati reġjonali superjuri tagħhom (Oberlandesgerichte) ġuriżdizzjoni fil-prim’istanza f’ċerti materji ċivili kummerċjali msemmija fl-Att (ara l-Artikolu 119b(1) tal-Att dwar il-Ġudikatura). Bi qbil bejn il-partijiet, qorti bħal din jista’ mbagħad ikollha ġuriżdizzjoni fil-prim’istanza għal dak it-tilwim li fih il-valur tat-tilwima jkun ammont minimu speċifikat.
2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)
2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali
Fil-Ġermanja, il-prinċipju skont ir-regoli dwar il-post ġenerali tal-ġuriżdizzjoni fl-Artikoli 12 sa 18 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung, ZPO) huwa li l-ġuriżdizzjoni territorjali tiġi ddeterminata mill-post tar-residenza tal-intimat (l-Artikolu 12 ZPO). Jekk l-intimat ma jkollux post ta’ residenza, il-post fejn ikun qed joqgħod fil-Ġermanja jittieħed bħala punt ta’ referenza; jekk ma jkunx magħruf fejn ikun qed joqgħod, l-aħħar post ta’ residenza tiegħu jittieħed bħala l-punt ta’ referenza (l-Artikolu 16 ZPO). Fil-każ ta’ persuna ġuridika, il-ġuriżdizzjoni territorjali tkun iddeterminata mis-sede ta’ dik il-persuna ġuridika (l-Artikolu 17 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika
2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?
Għal ċerti tipi ta’ talbiet, ir-rikorrent jista’ alternattivament jagħżel ġuriżdizzjoni (speċjali iżda mhux esklużiva) differenti mill-post tar-residenza tal-intimat. Xi eżempji huma ppreżentati hawn taħt.
* Tilwim li jirriżulta minn relazzjoni kuntrattwali u tilwim dwar l-eżistenza ta’ kuntratt jista’ jinbeda wkoll fil-qorti tal-post fejn irid jitwettaq l-obbligu inkwistjoni (“Besonderer Gerichtsstand des Erfüllungsorts” – ġuriżdizzjoni speċjali tal-post tal-prestazzjoni, l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Ftehim rigward il-post tal-prestazzjoni jkun rilevanti għal skopijiet proċedurali biss jekk il-partijiet kontraenti jkunu fil-kategorija ta’ persuni awtorizzati biex jikkonkludu ftehimiet dwar l-għażla tal-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 38(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jew jekk il-ftehim kien konkluż wara li nqalgħet it-tilwima (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.2.2.3).
It-terminu “relazzjoni kuntrattwali” jinkludi l-kuntratti kollha rregolati mil-liġi tal-obbligi, irrilevanti mit-tip ta’ obbligu. L-istess regola tapplika f’każijiet fejn il-qrati industrijali jkollhom ġuriżdizzjoni (ara l-Artikolu 46(2) tal-Att dwar it-Tribunali Industrijali).
* Għal talbiet minħabba atti illegali, il-qorti għad-distrett fejn l-att ikun seħħ ikollha l-ġuriżdizzjoni wkoll (l-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
* Għal talbiet skont l-Att dwar it-Traffiku fit-Toroq (Straßenverkehrsgesetz), il-qorti għad-distrett fejn ikun seħħ l-avveniment dannuż, jiġifieri l-inċident tat-traffiku, ikollha l-ġuriżdizzjoni wkoll (l-Artikolu 20 tal-Att).
* Il-vittma ta’ reat kriminali tista’, bħala parti minn proċedimenti kriminali, tippreżenta rikorsi fir-rigward tal-intitolamenti proprjetarji-legali tagħha li jkunu rriżultaw mir-reat kriminali fil-qorti fejn ikunu nbdew il-proċedimenti kriminali (proċedura fejn tingħaqad mal-proċedimenti kriminali (Adhäsionsverfahren) skont l-Artikoli 403 u 404 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung)).
* Il-ġuriżdizzjoni territorjali fil-proċedimenti tad-divorzju hija rregolata fl-Artikolu 122 tal-Att dwar il-Proċedura f’Materji tal-Familja u f’Materji ta’ Proċedimenti mhux Kontenzjużi (Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit). Skont dik id-dispożizzjoni, il-qorti tal-familja (Familiengericht) (diviżjoni tal-qorti lokali) għad-distrett fejn wieħed mill-konjuġi jkun jirrisjedi abitwalment mal-ulied minuri kollha tal-koppja (jiġifieri ċ-ċentru attwali tal-interessi) ikollha ġuriżdizzjoni esklużiva. Jekk fil-mument meta r-rikors jiġi nnotifikat lill-intimat (Eintritt der Rechtshängigkeit), ma tkun teżisti l-ebda residenza abitwali mal-ulied minuri kollha tal-koppja, hija l-qorti tal-familja fid-distrett fejn wieħed mill-konjuġi jkun abitwalment residenti flimkien ma’ wħud mill-ulied minuri tal-koppja, li jkollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva, sakemm ħadd minn ulied il-koppja ma jkun abitwalment residenti mal-konjuġi l-ieħor.
Jekk l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet għall-ġuriżdizzjoni msemmija hawn fuq ma tiġi ssodisfata, il-qorti tal-familja għad-distrett fejn il-konjuġi jkunu rrisjedew flimkien l-aħħar ikollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva jekk wieħed mill-konjuġi jkun għadu abitwalment residenti hemmhekk fil-mument li r-rikors jiġi nnotifikat lill-intimat. Jekk lanqas dik il-kundizzjoni ma tkun issodisfata, il-ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata mill-post tar-residenza abitwali tal-intimat, sakemm l-intimat ikollu post ta’ residenza abitwali fil-Ġermanja, f’liema każ, il-punt ta’ referenza jkun il-post ta’ residenza abitwali tar-rikorrent.
F’każ li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet għall-ġuriżdizzjoni msemmija hawn fuq ma tkun issodisfata, il-qorti tal-familja fil-Qorti Lokali ta’ Berlin-Schöneberg ikollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva.
* Il-ġuriżdizzjoni territorjali f’materji ta’ manteniment hija rregolata mill-Artikolu 232 tal-Att dwar il-Proċedura f’Materji tal-Familja u f’Materji ta’ Proċedimenti mhux Kontenzjużi. Fir-rigward tal-manteniment għall-konjuġi jew għall-ulied, waqt li l-proċedimenti li jirrigwardaw materja matrimonjali jkunu pendenti quddiem qorti, il-ġuriżdizzjoni esklużiva tkun tal-qorti tal-prim’istanza li quddiemha tressqet jew kienet tressqet il-kawża.
Jekk il-proċedimenti dwar materja matrimonjali ma jkunux jew ma baqgħux pendenti, il-qorti għad-distrett fejn il-wild jew il-ġenitur li jkollu l-awtorità li jaġixxi f’isem il-wild minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu jkollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva f’kawża għall-manteniment għal minuri jew għal wild ekwivalenti. Dan ma japplikax f’każ li l-wild jew il-ġenitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu f’pajjiż ieħor li mhux il-Ġermanja.
Għall-materji ta’ manteniment l-oħra kollha (il-manteniment tal-konjuġi jew tal-ulied li ma huwiex kopert mir-regoli deskritti hawn fuq, iżda wkoll, pereżempju, il-manteniment ta’ neputijiet, ġenituri jew ta’ ommijiet ta’ tfal imwielda barra miż-żwieġ), jibqgħu japplikaw ir-regoli ġenerali, jiġifieri l-fattur determinanti ewlieni jkun il-post tar-residenza abitwali tal-intimat. Madankollu, f’xi każijiet speċjali, il-post tal-ġuriżdizzjoni jista’ wkoll jintgħażel skont l-Artikolu 232(3), it-tieni sentenza, tal-Att dwar il-Proċedura f’Materji tal-Familja u f’Materji ta’ Proċedimenti mhux Kontenzjużi (Nru 1: għal rikorsi minn ġenitur wieħed kontra l-ġenitur l-ieħor rigward (a) manteniment li bil-liġi jrid jingħata bħala riżultat ta’ żwieġ jew (b) intitolament skont l-Artikolu 1615l tal-Kodiċi Ċivili – tista’ tintgħażel il-qorti li quddiemha jkunu pendenti l-proċedimenti tal-prim’istanza għall-manteniment tal-wild; Nru 2: għal rikors minn wild intiż biex jiżgura li ż-żewġ ġenituri jwettqu d-dmir tagħhom li jipprovdu manteniment – il-qorti b’ġuriżdizzjoni li tisma’ r-rikors kontra wieħed mill-ġenituri; Nru 3: il-qorti fejn jirrisjedi abitwalment ir-rikorrent, jekk l-intimat ma jkollux post ta’ ġuriżdizzjoni fil-Ġermanja).
* L-Artikolu 152 tal-Att dwar il-Proċedura f’Materji tal-Familja u f’Materji ta’ Proċedimenti mhux Kontenzjużi japplika l-istess regoli għall-proċedimenti relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri jew mal-arranġamenti ta’ aċċess għall-ulied. Għalhekk, jekk il-proċedimenti tad-divorzju jkunu pendenti quddiem qorti, dik l-istess qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni wkoll fuq il-proċedimenti relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri jew mal-arranġamenti ta’ aċċess għall-ulied. Jekk ma jkun hemm l-ebda proċediment rigward materja matrimonjali pendenti, ir-residenza abitwali tal-wild tkun determinanti. Il-punt ta’ referenza fiż-żmien biex tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni huwa d-data ta’ meta l-materja tiġi riferuta lill-qorti.
* Il-ġuriżdizzjoni territorjali fi proċedimenti mhux kuntenzjużi hija ddeterminata minn perspettivi differenti ħafna, peress li materji ta’ dan it-tip ġeneralment ma jkunux jinvolvu talbiet bejn il-partijiet iżda jkunu intiżi biex tinkiseb protezzjoni legali.
Jekk materja tkun tirrigwarda persuna fiżika, il-ġuriżdizzjoni ġeneralment tiddependi mill-post ta’ residenza abitwali ta’ dik il-persuna, sakemm l-azzjoni meħtieġa ma tippuntax lejn post differenti. Dan huwa rregolat mill-Artikolu 272 tal-Att dwar il-Proċedura f’Materji tal-Familja u f’Materji ta’ Proċedimenti mhux Kontenzjużi għal kawżi ta’ kustodja legali, l-Artikolu 313 tal-istess Att għal kawżi ta’ impenn involontarju, u l-Artikolu 416 għal kawżi ta’ ċaħda tal-libertà.
Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi (eż. kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata (Aktiengesellschaft), kumpanija privata b’responsabbiltà limitata (Gesellschaft mit beschränkter Haftung) jew assoċjazzjoni reġistrata (eingetragener Verein)) jew gruppi ta’ persuni trattati bħala tali skont il-liġi proċedurali (eż. soċjetà f’isem kollettiv (offene Handelsgesellschaft) jew soċjetà limitata (Kommanditgesellschaft)), il-ġuriżdizzjoni f’materji ta’ protezzjoni legali, pereżempju f’kawżi li jirrigwarda r-reġistrazzjonijiet fir-reġistri pubbliċi jew proċedimenti skont id-dritt tal-kumpaniji, tiġi ddeterminata abbażi tas-sede tal-assoċjazzjoni jew tal-kumpanija. Meta persuna fiżika taġixxi bħala negozjant uniku, il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilita jkun fattur deċiżiv. Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali f’kawżi ta’ reġistrazzjoni u proċedimenti skont id-dritt tal-kumpaniji huma stabbiliti fl-Artikoli 376 u 377 tal-Att dwar il-Proċedura f’Materji tal-Familja u f’Materji ta’ Proċedimenti mhux Kontenzjużi, xi drabi flimkien mar-regoli stabbiliti fil-liġi tal-istat federali.
F’kawża ta’ suċċessjoni, il-ġuriżdizzjoni ġeneralment tkun tal-qorti għad-distrett fejn id-deċedut kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu (l-Artikolu 343(1) tal-Att dwar il-Proċedura f’Materji tal-Familja u f’Materji ta’ Proċedimenti mhux Kontenzjużi). F’ċerti każijiet, il-ġuriżdizzjoni tista’ tkun xi mkien ieħor abbażi tal-Artikolu 343(2) jew (3) jew tal-Artikolu 344 tal-Att. Hawnhekk għandha ssir referenza partikolari għall-Artikolu 344(7) tal-Att, li jippermetti lil werriet li ma jkunx abitwalment residenti fid-distrett kopert mill-qorti tas-suċċessjoni li jkollha l-ġuriżdizzjoni ġenerali li, minflok, jirrifjuta wirt jew jagħmel dikjarazzjonijiet oħrajn dwar id-dritt tiegħu għal wirt quddiem il-qorti tas-suċċessjoni għad-distrett fejn hu stess ikun abitwalment residenti.
Fil-kapaċità tagħha bħala r-reġistru tal-artijiet, il-qorti lokali għaż-żona fejn tkun tinsab l-art ikollha l-ġuriżdizzjoni fil-kawżi dwar ir-reġistru tal-artijiet. Il-ġuriżdizzjoni territorjali fil-kawżi ta’ reġistrazzjoni tal-art hija rregolata mill-Artikolu 1 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistru tal-Artijiet (Grundbuchordnung), xi drabi flimkien ma’ regoli stabbiliti fil-liġi tal-istati federali.
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?
Meta att jiddikjara espressament li post ta’ ġuriżdizzjoni jkun esklużiv, dak il-post ta’ ġuriżdizzjoni jieħu preċedenza fuq il-postijiet ta’ ġuriżdizzjoni l-oħra kollha, jiġifieri l-proċedimenti jistgħu jinfetħu (u jkunu ammissibbli) quddiem il-qorti tal-ġuriżdizzjoni esklużiva biss. Ċerti każijiet ta’ ġuriżdizzjoni esklużiva huma stipulati fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, filwaqt li oħrajn jirriżultaw minn atti speċjali bħall-Att dwar il-Proċedura f’Materji tal-Familja u f’Materji ta’ Proċedimenti mhux Kontenzjużi (ara, pereżempju, l-Artikolu 122 ta’ dak l-Att). Ċerti eżempju ta’ ġuriżdizzjoni esklużiva skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili huma deskritti hawn taħt.
* Għal ċerti proċedimenti relatati ma’ art jew dritt li jkun ekwivalenti għal art (eż. dritt ta’ bini li jista’ jintiret (Erbbaurecht)), il-qorti għad-distrett fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli jkollha ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva. Dan japplika fil-każ ta’ proċedimenti relatati mas-sjieda ta’, jew gravami fuq, proprjetà, tilwim fuq ħelsien minn tali gravami, azzjonijiet għall-pussess, tilwim fuq konfini u azzjonijiet għal diviżjoni (l-Artikolu 24 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
* Għat-tilwim li jinqala’ minn relazzjonijiet ta’ kiri jew ta’ fond lokatizju, jew tilwim dwar l-eżistenza ta’ tali relazzjonijiet, il-qorti għad-distrett fejn jinsab il-post mikri jew lokat ikollha ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva (l-Artikolu 29a(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Madankollu, din ir-regola ma tapplikax għall-kiri ta’ bini residenzjali għal użu temporanju (villeġġaturi, kmamar tal-lukandi, eċċ.) jew ta’ bini mgħammar għal lokatarji individwali, u lanqas ma tapplika għal djar jew bini għal kompiti pubbliċi (l-Artikolu 29a(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
* Għal azzjonijiet imressqa kontra l-operatur ta’ faċilità li tinsab fil-Ġermanja li fihom jintalab kumpens għal danni kkawżati minn effett ambjentali, il-qorti għad-distrett fejn ikun oriġina l-effett tal-faċilità fuq l-ambjent ikollha ġuriżdizzjoni esklużiva (l-Artikolu 32a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
* Għal azzjonijiet biex jintalab kumpens minħabba divulgazzjonijiet foloz jew qarrieqa tas-suq kapitali pubbliku jew minħabba n-nuqqas ta’ tali divulgazzjonijiet, jew azzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratt ibbażat fuq offerta skont l-Att dwar ix-Xiri u l-Akkwiżizzjoni ta’ Titoli (Wertpapiererwerbs- und Übernahmegesetz), il-qorti għall-post tas-sede ta’ (a) l-emittent ikkonċernat, (b) fil-każ ta’ investiment kapitali oħra, l-offerent ikkonċernat jew (c) il-kumpanija fil-mira, ikollha ġuriżdizzjoni esklużiva jekk dik is-sede tkun tinsab fil-Ġermanja u l-azzjoni tkun diretta, għall-inqas fost oħrajn, lejn l-emittent, l-offerent, jew il-kumpanija fil-mira (l-Artikolu 32b tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
* Fi proċeduri ta’ “ordnijiet ta’ ħlas”, il-ġuriżdizzjoni esklużiva tkun tal-qorti lokali fejn ir-rikorrent ikollu l-post ġenerali ta’ ġuriżdizzjoni tiegħu, jiġifieri bħala regola l-post tar-residenza tiegħu jew, jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika, il-post fejn tkun tinsab is-sede tagħha (l-Artikolu 689(2), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk ir-rikorrent ma jkollux post ġenerali ta’ ġuriżdizzjoni fil-Ġermanja, il-Qorti Lokali ta’ Wedding f’Berlin ikollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva. Dawn ir-regoli japplikaw anke fejn leġiżlazzjoni oħra tipprevedi mod ieħor għall-ġuriżdizzjoni esklużiva.
* Fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, il-ġuriżdizzjoni esklużiva tkun tal-qorti lokali għad-distrett fejn trid issir jew saret l-eżekuzzjoni (l-Artikoli 764(2) u 802 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-ġuriżdizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet u ta’ drittijiet għal assi oħrajn hija f’idejn il-qorti lokali għall-post fejn ikun jirrisjedi d-debitur (l-Artikolu 828(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’każ ta’ bejgħ obbligatorju permezz ta’ subbasta jew amministrazzjoni obbligatorja ta’ art, il-qorti lokali għad-distrett fejn tinsab l-art ikollha ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva (l-Artikoli 1(1) u 146 tal-Att dwar is-Subbasta Obbligatorja u l-Amministrazzjoni Obbligatorja (Gesetz über die Zwangsversteigerung und die Zwangsverwaltung) u l-Artikoli 802 u 869 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Jekk parti terza ssostni li jkollha titolu li jimpedixxi d-disponiment ta’ oġġett soġġett għal proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, il-qorti għad-distrett fejn tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni jkollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva (l-Artikolu 771(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
* Obbligi li ma jkunux jistgħu jiġu ddelegati lil persuni oħrajn (unvertretbare Handlungen) – kemm jekk ikunu obbligi biex tittieħed xi azzjoni, obbligi biex ħaġa tiġi ttollerata, jew obbligi biex ma titteħidx xi azzjoni – jistgħu jiġu eżegwiti mill-qorti tal-prim’istanza għall-kawża (l-Artikoli 894, 895, 888, 890 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-qorti tal-prim’istanza jkollha wkoll il-ġuriżdizzjoni għal azzjonijiet kontra l-eżekuzzjoni ta’ titlu stabbilit b’deċiżjoni ta’ qorti (l-Artikolu 767(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?
a) Ftehimiet
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi l-possibbiltà ta’ ftehimiet dwar l-għażla tal-ġuriżdizzjoni. Skont l-Artikolu 38(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti tal-prim’istanza li ma jkollhiex il-ġuriżdizzjoni materjali jew abbażi tal-post, tista’ tikseb il-ġuriżdizzjoni permezz tal-ftehim espliċitu jew taċitu bejn il-partijiet, jekk il-partijiet għall-ftehim ikunu negozjanti, persuni ġuridiċi skont id-dritt pubbliku, jew fondi allokati skont id-dritt pubbliku. Il-ftehimiet li jgħidu li qorti partikolari tal-prim’istanza għandha ġuriżdizzjoni jkunu permessi wkoll jekk mill-inqas waħda mill-partijiet għall-ftehim ma jkollhiex post ġenerali ta’ ġuriżdizzjoni fil-Ġermanja (l-Artikolu 38(2), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’dan il-każ, il-ftehim irid isir bil-miktub jew, jekk isir bil-fomm, irid jiġi kkonfermat bil-miktub. Jekk waħda mill-partijiet ikollha post ġenerali ta’ ġuriżdizzjoni fil-Ġermanja, tista’ tintgħażel qorti fil-Ġermanja biss jekk dik il-parti jkollha l-post ġenerali ta’ ġuriżdizzjoni tagħha hemmhekk jew il-qorti jkollha ġuriżdizzjoni speċjali.
Skont l-Artikolu 38(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni jkun ammissibbli biss jekk ikun sar b’mod espressiv u bil-miktub wara li tinqala’ t-tilwima jew biex ikopri l-possibbiltà li l-intimat futur ikun ċaqlaq il-post ta’ residenza jew ir-residenza abitwali tiegħu għal barra l-pajjiż wara l-konklużjoni ta’ kuntratt, jew li l-post ta’ residenza jew ir-residenza abitwali tiegħu ma jkunux magħrufa fil-mument li jinfetħu l-proċedimenti.
Ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni jrid dejjem jirrigwarda relazzjoni ġuridika partikolari u tilwim legali li jirriżulta minnu. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-ftehim ikun null (l-Artikolu 40(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-ftehimiet dwar il-ġuriżdizzjoni jkunu inammissibbli wkoll għal talbiet mhux finanzjarji li jiġu assenjati lill-qorti lokali irrispettivament mill-valur tat-tilwima (l-Artikolu 40(2) Nru 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Lanqas ma huma possibbli f’kawżi fejn il-ġuriżdizzjoni esklużiva tiġi stabbilita mil-liġi (l-Artikolu 40(2) Nru 2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Ftehim validu dwar il-ġuriżdizzjoni huwa vinkolanti fuq il-qrati. Il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm qbil dwar il-ġuriżdizzjoni esklużiva tiddependi mill-kontenut tal-ftehim.
b) Parteċipazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji mingħajr kontestazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti (rügelose Verhandlung)
Qorti tal-prim’istanza hija wkoll legalment meqjusa li jkollha ġuriżdizzjoni meta l-intimat jippreżenta argumenti orali dwar il-merti tal-kawża mingħajr ma jikkontesta l-ġuriżdizzjoni tal-qorti (l-Artikolu 39 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Fi proċedimenti quddiem il-qrati lokali, din il-konsegwenza legali tirriżulta biss jekk il-qorti tkun ġibdet l-attenzjoni dwar il-kwistjoni (l-Artikolu 504 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Madankollu, skont l-Artikolu 40(2), it-tieni sentenza, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-ġuriżdizzjoni fuq azzjoni ma tistax tiġi stabbilita b’dan il-mod (jiġifieri għax l-intimat jipparteċipa fil-proċedimenti tal-qorti mingħajr ma jikkontesta l-ġuriżdizzjoni tal-qorti) f’kawża fejn ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni ma jkunx ammissibbli (ara hawn fuq: tilwim mhux finanzjarju u ġuriżdizzjoni esklużiva).
3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?
It-tribunali industrijali għandhom karatteristiċi speċifiċi mhux biss fir-rigward tas-suġġett li fuqu għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 2 sa 3 tal-Att dwar it-Tribunali Industrijali (Arbeitsgerichtsgesetz).
Għandhom ukoll karatteristiċi speċifiċi rigward il-ġuriżdizzjoni territorjali. Għal proċedimenti li jwasslu għal sentenza (“proċedimenti ta’ sentenza”) (Urteilsverfahren) fit-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Att dwar it-Tribunali Industrijali, il-punt tat-tluq huwa referenza għar-regoli ġenerali skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 46(2) tal-istess Att). Għalhekk japplikaw ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Madankollu, l-Artikolu 48(1a) tal-Att dwar it-Tribunal Industrijali jispeċifika l-post tax-xogħol bħal post speċjali ta’ ġuriżdizzjoni fejn jistgħu jitressqu l-proċedimenti. Ir-regoli ġenerali deskritti fit-tweġiba għall-mistoqsija 2.2.2.3 japplikaw għall-ftehimiet dwar il-ġuriżdizzjoni. Madankollu, ta’ min jinnota li, għal ċertu tilwim, l-Artikolu 48(2) tal-Att dwar it-Tribunali Industrijali jawtorizza lill-partijiet għal ftehim kollettiv biex jispeċifikaw il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni territorjali minnha nfisha, mingħajr ma josservaw l-Artikolu 38 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Għall-proċedimenti li jwasslu għal deċiżjoni (“proċedimenti ta’ deċiżjoni”) (Beschlussverfahren) skont it-tifsira tal-Artikolu 2a tal-Att dwar it-Tribunal Industrijali, l-Artikolu 82(1) ta’ dak l-Att jipprevedi l-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-post tan-negozju jew tas-sede tal-impriża.